WARA KULL TMIEN huwa rumanz tal-awtur Ben Agius u ppubblikat fl-aħħar tal-2026 mid-dar tal-pubblikazjoni HORIZONS.
F’dan ir-rumans ta’ 256 paġna, nitaqgħu ma’ Luċjan, eks saċerdot li tilef il-fidi tiegħu fis-saċerdozju u f’dak kollu li darba kien kapaċi jitrasmetti bħala qassis. Wara l-esperjeza qarsa tiegħu f’ El Salvador, Luċjan jirritorna lejn dar ommu marida bid-dimenzja. Missieru u oħtu iżgħar minnu huma mejtin, u Luċjan irid iġorr is-salib tal-marda ta’ ommu waħdu. Il-mewt ta’ missieru u oħtu huma marbuta mal-ġrajja wkoll.
Kitty hi tfajla u omm żagħżugħa, maqbuda fil-ħajja tal-prostituzzjoni u droga li rabbietha ommha fiha. Ommha mietet bil-labra ta’ siringa fil-vina, u Kitty ma kellha lil ħadd ħlief lil Gino, il-pimp ta’ ommha u wara tagħha, min jieħu ħsiebha. Kitty għandha tifla ċkejkna minn ta’ Gino. Imma dan qatt ma accetta l-paternità tagħha. Minħabba l-mod ta’ ħajja li tgħix Kitty, il-Qorti tieħu l-kustodja tat-tifla minn idejn Kitty.
Lejla waħda, wara s-suwiċidju ta’ ħabib tiegħu (Joseph), Luċjan imur Paceville biex iderri, u hemm jiltaqa’ ma’ Kitty. Luċjan joffri lil Kitty li l-għajnuna tiegħu biex teħles mill-vitzzju u taħrab mill-ħakma ta’ Gino. Iżda Kitty tibża’ u tirrifjuta l-għajnuna ta’ Luċjan.
Fl-istorja niltaqgħu wkoll mal-Ispettur Sarah Dingli li tkun qed tinvestiga l-mewt ta’ Joseph. Sarah għandha l-problemi tagħha wkoll. Żewġha jrid it-tfal, iżda hi – minħabba f’dak li tara fuq xogħlha – ma tridx iġġib tfal fid-dinja.
Meta darba Luċjan isib lil Kitty fuq l-għatba tad-dar tiegħu, l-istorja tittomplika mhux bi ftit. Luċjan jitlob l-għajnuna ta’ Sarah sabiex jeħilsu lil Kitty milll-ħakma ta’ Gino. Iżda Gino kien lest jagħmel minn kollox sabiex ma jħallix lil Kitty taħrablu – anki juża lit-tifla tagħhom.
WARA KULL TMIEN jiżvolġi fuq żewġ binarji; jew aħjar f’żewġ stejjer f’waħda. Min-naħa naraw lil Luċjan fil-preżent, u fl-istess waqt naraw minn xhiex inkun għadda meta kien il-missjoni f’ El Salvador. B’din il-ħadma tal-istorja, Agius iżomm ir-ritmu għaddej mgħaġġel u jaqleb minn perjodu għall-ieħor biex dejjem iżomm lill-qarrej fuq ix-xwiek x’ kien ġara fl-imgħoddi u x’ser jiġri fil-preżent. Biex jgħin lil qarrej, ir-rakkont fil-passat huwa fl-ewwel persuna (Luċjan) u b’format u font differenti minn dak tal-preżent, li huwa fit-tielet persuna.
Fid-daħla qasira tar-rumanz, Agius jgħid illi l-ġrajja li jirrakonta dan ir-rumanz hi differenti milli mdorri jikteb is-soltu. U dan għaliex l-istorja tiffoka ferm aktar fuq iż-żewġ karattri prinċipali, Luċjan u Kitty, milli fuq plott intriganti li soltu jagħtina Agius.
It-tmien tar-rumanz huwa emozzjonanti ferm u li jġiegħel lill-qarrej jirrifletti dwar il-ħsibijiet trattati f’din il-ġrajja, tant illi wieħed jibqa’ jhammem fuq dan ir-rumanz ferm wara li jkun qrah.

