WARA KULL TMIEM huwa rumanz imsejjes fuq il-prinċipju tal-kunflitt – kunflitt bejn l-ispiritwalità u l-materjaliżmu, kunflitt bejn min jikkmanda u min għandu jobdi, bejn min irid jgħin u min irid jisfrutta jew saħansitra jabbuża minn ħaddieħor – ġlieda morali u kontinwa bejn it-tajjeb u l-ħażin.
Permezz ta’ dan ir-rakkont Ben Agius irnexxielu joħroġ il-kuntrast ta’ bejn l-estremitajiet, għax x’hemm iżjed oppost minn ħajja ta’ qassis, u dik ta’ prostituta? L-aktar meta t-toroq tagħhom jiltaqgħu flimkien. Permezz tal-esperjenzi u d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom, jidħollok id-dubju dwar min minn dawn it-tnejn huwa l-iżjed b’saħħtu jew min hu l-iżjed dgħajjef, vulnerabbli, u li kapaċi anki jitlef il-fiduċja fih innifsu – jekk mhux ukoll il-fidi fil-prinċipji u t-twemmin li jħaddan.
Speċjalment minħabba li t-tajjeb u l-ġust dejjem ikunu fir-riskju li jinħonqu u jiġu oppressi, ippersegwitati, ikkalpestati u abbużati mir-rgħiba u l-ħakma u l-egoiżmu tal-ħażin li ħlief intenzjonijiet qarrieqa ma jkollux.
U dan huwa l-punt fejn għandha tibda l-ġlieda tal-ġustizzja kontra l-kriminalità. Il-ġlieda ta’ min ma jridx jara lil ħaddieħor ibati. Il-ġlieda tal-ħanin u l-ġust li jixtieq li jsalva lin-nagħġa minn taħt difrejn il-lupu … akkost li jindarab u saħansitra anki jissogra ħajtu.
Biss minkejja t-tbatijiet u t-telfiet kollha li ġġib magħha din il-ġlieda, fl-aħħar, l-imħabba tirbaħ dejjem bħalma d-dawl tat-tama dejjem rebaħ fuq id-dalma tal-oppressjoni. Għax it-tama hija l-aħħar ħaġa li tmajna, li tintefa u li tmut. L-aħħar sforz qabel ma jasal it-tmiem.
Avolja wara kull tmiem … hemm dejjem bidu ġdid!
Dan huwa rumanz intriganti u profond li jġiegħlek tirrifletti fuq il-valuri u l-isforzi meħtieġa tal-ħajja. Rakkont miktub bi stil mexxej fit-tielet persuna, imma xi drabi anki fl-ewwel persuna biex idaħħlek fl-ispirtu ħalli l-emozzjonijiet imqanqla tal-ġrajja tħosshom ferm iżjed. Rumanz ieħor ta’ Ben Agius li minn xħin qbadt naqrah, ma xtaqtx li nitilqu minn idejja. Prosit tassew!
Kummenti ta’
Michael Cini

