Ġganti (Horizons, 2022) ta’ David Aloisio jqajjem f’Mark Vella r-riflessjoni dwar il-qari ta’ tfulitna u ta’ wliedna, filwaqt li jarah indikazzjoni tajba għal toroq editorjali mġedda f’dan il-ġeneru. Dehret fil-gazzetta ‘Illum’ tal-15 ta’ Novembru, 2022.
Kien pjaċir kbir il-qari ta’ Ġganti, l-aħħar xogħol ta’ David Aloisio maħruġ ftit ilu mill-Horizons. Huwa t-tip ta’ ktieb li wkoll jiffrankali l-peripeziji tas-soltu tal-introduzzjoni għar-reċensjoni, minkejja li b’xi mod jafu jiskulaw aktar ’il quddiem fil-kitba. Dan mhux biss għax ittimbrat bil-kwalità li mdorrijin spiss għaliha mill-pinna produttiva ta’ Aloisio fid-diversi ħidmiet editorjali tiegħu, imma anki għaliex huwa ktieb x’aktarx immirat għat-tfal li jekk moqri minn adult, xorta waħda jħalli effett importanti.
Il-qari tiegħi bħala kritiku, fil-fatt, kien diffiċli għall-ewwel, minħabba li s-sengħa tgħidlek tfittex lil hinn u tqabbel, taqra bejn il-vrus biex tara hemmx xi ħaġa lil hinn minn dak propost mill-ktieb. Hemm ħafna lil hinn, dak żgur, imma l-qari adult ta’ ktieb għat-tfal donnu sfida għaliex is-suspension of disbelief, iċ-ċediment deliberat u maqbul tar-realtà kull darba li naqraw il-finzjoni, għall-kotba tat-tfal jaf ikun qabża doppja jew tripla. Taf li ktieb li mhuwiex proprjament għalik, u għalhekk tipprova tidħol f’moħħ tifla jew tifel (l-aktar biċċa xogħol diffiċli), imma wkoll terġa’ tbill subgħajk fl-għadajjar ta’ tfulitek u jfiġġu waqtiet fejn tittanta taqra daqslikieku għadek int it-tifel jew it-tifla.
Huwa ktieb, kif qal anki r-reċensur Robert Pisani fuq The Bobsphere, li jidher, anki għax mhux mistqarr, li jaf ikun immirat għat-tfal ta’ madwar l-għaxar snin. Jitfa’ punt ta’ mistoqsija wara l-età, u naħseb li mhux biss għax il-ktieb għandu produzzjoni lussuża, bil-qoxra iebsa u d-dehra ta’ ġewwa tal-kotba tal-‘kbar’, iżda anki l-lussu tar-rakkomandazzjoni ta’ Trevor Żahra. Imma int u taqra, donnok tintebaħ li l-awtur kiteb dan ix-xogħol, jekk mhux b’udjenza partikolari f’moħħu, b’idea pjuttost preċiża tal-emozzjonijiet li jrid iqanqal, u hemmhekk tibda forsi tiċċara l-mistoqsija dwar f’idejn min imissu jkun il-ktieb.
Storja sempliċi u pjuttost lineari, mogħtija l-appoġġ mill-mappa tal-gżira mitika suġġett tal-ġrajja, dar-rakkont jimxi skont topos modern u rikorrenti daqskemm hu qadim, ta’ vjaġġ lejn dinja parallela li jibda jseħħ wara inċident fejn il-protagonist jintilef u/jew isib ruħu xi mkien ieħor. Żita ssib ruħha f’lok u żmien li jista’ jixxebbah mal-preistoriku wara li, bħal uliedna llum, tkun qabditha l-kurżità tmur tara balena li ntlemħet qrib ix-xatt skont kif imxandar mill-midja soċjali. Pretest sempliċissimu, antik daqs il-kitba, li mill-ewwel jieħu l-qarrej lejn ġrajja mbiegħda li madankollu tibda ttekktek tnabar ħabbara ta’ xebh mal-preżent.
L-istrateġija narrattiva ta’ Aloisio tidher mgħallma anki fil-bini tan-nisġa, kif naraw mit-titli tat-taqsimiet li jissuġġerixxu l-għarfien ta’ xi Campbell u l-istadji ewlenin tal-vjaġġ tal-eroj u tal-fażijiet tipiċi tal-ġrajja. Hija trasparenza tal-awtur li għandha għan pedagoġiku sottointiż, fis-sens li huwa xieraq li ġrajja fittizja għat-tfal ikollha wkoll ċertu sinjali li anki inkonxjament jgħinu biex juru t-triq, u fl-istess ħin iqiegħdu sisien sammi għal storja li, iva, minkejja kull qari adult, għandha xorta waħda saffi aktar profondi li jafu jolqtu lill-qarrejja fil-mira.
U forsi għalhekk id-dubji dwar din l-età, jew inkella l-konferma, anki għall-ġenitur jew l-edukatur li jipproponi dan il-ktieb. Hija ġrajja li bil-mod il-mod jibdew ifeġġu minnha bosta paralleliżmi mal-qagħda ambjentali ta’ pajjiżna, li minn Eden ta’ spirtu komunitarju malajr jinbidel f’infern ta’ torrijiet għassiesa, biex nipprafrażaw lil Freud, ta’ ċiviltà mifnija skuntentizza. Imma huwa wkoll ktieb li narah jitbikkem għat-telfa inevitabbli tal-innoċenza, fejn l-għeluq ħelu-morr mhux biss imur lil hinn minn banalità sikwit skontata għal dan it-tip ta’ kotba, iżda jirrifletti onestament l-isfidi konkreti ta’ kull rit ta’ passaġġ.
Donnu għalhekk li huwa ġrajja li hija preludju għal ġrajjiet oħra, sfidi ġodda dejjem aktar kumplessi, daqs it-traġitt mhux dejjem lixx u komdu mit-tfulija għaż-żgħożija. Huwa ktieb li jinqara faċilment u jista’ jżomm lill-qarrej, iżda għandu wkoll il-potenzjal jintuża għal skopijiet edukattivi u pedagoġiċi kreattivi li jqanqlu lill-istudent għad-diskussjoni u għal ħsibijiet lil hinn minn wiċċ l-affarijiet.
Trid ukoll titniżżel l-aħħar nota dwar il-lingwa. It-tielet lussu ta’ dan il-ktieb huwa t-tħaddim tal-ilsien Malti min-naħa ta’ Aloisio. Għal darb’oħra, din in-nozzjoni neħodha wkoll minn Pisani, reċensur li l-Malti moqri u mitkellem mhuwiex neċessarjament l-ewwel ilsien tiegħu. Filwaqt li jikkummenta, anki fi-dawl tal-udjenza probabbli tiegħu, li dal-ktieb huwa prova li l-Malti mhuwiex ilsien ‘aħrax’, din l-istqarrija nista’ nikkwalifikaha billi ngħid li Aloisio juri l-potenzjalità tar-reġistri kollha tal-Malti. L-isfida għall-awtur kienet x’aktarx li jikteb test aċċessibbli mingħajr ma jissagrifika l-elegenza tal-ilsien li kapaċi joffri okkażjonijiet ta’ sbuħija anki permezz tas-suġġett tal-kitba, li għandu elementi tal-istorja mbiegħda u tan-natura li jipprestaw ruħhom għal medda ta’ vokabolarju rikk. Aloisio juri kapaċità li ma jinitilfx fl-arkajku u fejn jaf jinqala’ każ bħal dan, il-kuntestwalizzazzjoni hija xierqa, u għala le, għax ħadd qatt ma ġratlu xi diżgrazzja għax ma fehemx kelma Maltija u kellu jsaqsi dwarha jew ifittixha f’dizzjunarju!
Ġganti jreġġagħna lura, bħala adulti, għall-ġrajjiet tal-avventuri li qrajna ta’ tfal u li kienu aktar kotrana, anki bil-Malti. Jaf daż-żmien, forsi naqsu, anki għax it-tfal mod ieħor milli konna, anki kif tara minn kotba għal etajiet aktar avvanzati li jsiru minnufih aktar riflessivi u sikwit mudlama. Minkejja t-tħabbir ta’ fażijiet diffiċli fl-avventura tal-ħajja, dar-rumanz huwa wkoll editorjalment sinjal għal produzzjoni mġedda ta’ ġrajjiet koinvolġenti u miktubin b’maturità deliberata għall-ġenerazzjonijiet fuq l-għatba taż-żgħożija bikrija.