Ix-xahar ta’ Ottubru rak tirbaħ il-premju tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għall-kategorija Kotba għat-Tfal ta’ Bejn 8-12-il sena għall-ktieb Ulied il-Wied. Xi jfisser dan għalik?
Minkejja li meta nikteb qatt ma naħseb dwar premjijiet jew kritika, nistqarr illi meta x-xogħol li tkun wettaqt jiġi rikonoxxut u ppremjat, dan ikattar is-sodisfazzjon fil-ħidma tiegħek. Għalhekk, kien ta’ pjaċir u sodisfazzjon kbir għalija nilħaq dan it-tragward.
Kien hemm okkażjonijiet oħrajn fejn inti rbaħt premjijiet simili, forsi f’rabta ma’ rumanzi għall-kbar?
Il-kitbiet tiegħi s’issa huma ftit. Ulied il-Wied kien is-stt pubblikazzjoni li daħlet għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, u dan huwa l-ewwel premju letterarju li qatt ksibt. Nittama li dan il-premju jservini ta’ motivazzjoni sabiex intejjeb kitbieti.
Ulied il-Wied huwa rumanz ambjentalistiku. Kemm hu importanti li anki l-ġenerazzjonijiet iż-żgħar ikollhom testi letterarji li jiddiskutu tema ewlenija bħal din?
Ngħidlek illi huwa kruċjali li ż-żgħar isibu kitbiet illi jixprunawhom jaħsbu u jistaqsu dwar l-ambjent madwarhom. Wara kollox, fi ftit snin oħra ser ikunu dawk l-jsawru u jmexxu d-dinja ta’ għada, u għaldaqstant, hu importanti li jibdew isinnu l-ideat u r-raġunamenti tagħhom. Is-siġra mindu żerriegħa, imbagħad xitla trid tiġi ndukrata tajjeb sabiex tikber b’saħħitha. Infatti, dan il-ktieb huwa ddedikat lin-neputijiet tiegħi ċkejknin hekk: Lil Harper Jane u Giorgia Meave, ix-xtieli tal-lum u s-siġar ta’ għada.
Kemm ħadlek żmien rumanz bħal Ulied il-Wied, minn meta għaddietlek l-ewwel idea dwaru sakemm ra d-dawl bħala ktieb ippubblikat? Liema kienu l-fażijiet importanti li proġett bħal dan għadda minnhom?
L-idea ta’ Ulied il-Wied kienet ilha snin miegħi. Fl-2002 kont ippubblikajt l-ewwel ktieb tiegħi jismu Uliel il-Kwiekeb, li huwa wkoll għandu tema tal-ambjent. Warajh bdejt naħseb fuq Ulied il-Wied. Kont ktibt xi biċċiet minnu, imma waqaft għal xi snin. Wara xi snin – meta l-ambjent Malti kienet beda jitkasbar bl-ikrah – reġgħet ġietni l-ħajra li nissokta naħdem fuqu. Qisu fi tliet xhur lestejtu. Imbagħad għaddejtu lil pubblikatur (HORIZONS) li sab illustratur biex isiru xi stampi fih. Jiena u Luca Azzopardi ħdimna flimkien fuq l-istampi u l-qoxra ta’ barra. Minn hawn nixtieq nifraħlu wkoll. Nixtieq ngħid, u nirringrazzja, lill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu li ħadu l-ktieb f’idejhom, daruh u kkoreġewh b’reqqa liema bħalha sakemm kulħadd kien kuntent bir-riżultat finali. Minn hawn ukoll ngħid grazzi lit-tim ta’ Horizons, u lil Helen Barbara mill-ANL tax-xogħol siewi tagħhom.
Premju bħal dan għandu jħeġġeġ iktar nies jixtru u jaqraw Ulied il-Wied, forsi anki rumanzi oħrajn mill-pinna tiegħek. B’xi mod għandu jiġbed fuqu l-attenzjoni tal-kritiċi letterarji li spiss il-vista tagħhom hi limitata għal ftit kittieba magħżulin. Xi tgħid dwar dan?
Dwar dan nixtieq ngħid illi l-arti sabiħa għaliex varja u toħloq emozzjonijiet differenti f’nies differenti. Għalhekk, kif jgħidu, il-baqra tinbiegħ kollha. Għalija, il-kritika hija importanti, imma mhux aktar mill-qarrejja. Jekk biċċa xogħol toħloq emozzjoni f’min jaraha, jismagħha, jew jaqraha, għalija dan ifisser illi l-artist/awtur ikun wettaq xogħlu tajjeb. Fl-istess waqt ngħid li l-awtur dejjem irid jisma’ u jitgħallem mill-kritika kostruttiva (mhux minn dik imxaqilba lejn x’jogħġob jew x’ma jogħġobx lill-kritiku) sabiex dejjem itejjeb xogħlu.
Messaġġ qasir tiegħek lill-qarrejja ż-żgħar?
Meta kont żgħr jien kienu jgħallmuna biex nibżgħu għall-ambjent u nżommu l-indafa, nibżgħu għal kull qatra ilma, u nirrispettaw lill-oħrajn. Sfortunatament, illum dan kollu donnu ntesa. Il-messaġġ tiegħi huwa qasir u wieħed: Jeħtieġ li ż-żgħir ma jibżax minn min hu setgħan, u jidra jgħolli aktar leħnu sabiex – kif għamlu Betta, Kevin u t-tfal f’Ulied il- Wied – insalvaw dak li fadlilna.
(IL-PONT, nu. 88, Frar 2026)

