ħafna minnhom waqt
il-passiġġata tal-Ħadd
Kien ilu snin iberren f’moħħi l-ħsieb li xi darba niġbor dawn ir-rakkonti fi ktieb. Meta niltaqa’ ma’ nies li għallimt tul is-snin spiss jgħiduli, “Meta se toħroġ ktieb bl-istejjer tal-passiġġati?” Id-diskors jaqa’ fuq ħafna memorji li jnissluli tbissima. Inċidenti nsemmu wkoll, għad li ma kellix wisq f’erbgħin sena ngħallem u noħroġ bit-tfal, grupp wara ieħor. “Dak kien żmien, meta konna l-Museum,” jgħiduli, “żmien li ma jerġa’ jiġi qatt!” Żgur li dak iż-żmien il-ħajja kienet aktar sempliċi, u t-tfal kienu jifirħu bix-xejn u japprezzaw. Ma kellniex problema fejn immorru nilagħbu, għax beraħ kien hemm kemm trid. Għalhekk, għażilt ftit postijiet mill-ħafna fejn kont nieħu t-tfal meta kont prifett u, aktar tard, superjur f’oqsma differenti, u rrakkuntajt uħud mill-ġrajjiet marbutin magħhom.
Joseph Falzon


