Ix-xahar ta’ Ottubru rak tirbaħ il-premju tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għall-kategorija Kotba għat-Tfal ta’ Bejn 8-12-il sena għall-ktieb Ulied il-Wied. Xi jfisser dan għalik?

Minkejja li meta nikteb qatt ma naħseb dwar premjijiet jew kritika, nistqarr illi meta x-xogħol li tkun wettaqt jiġi rikonoxxut u ppremjat, dan ikattar is-sodisfazzjon fil-ħidma tiegħek. Għalhekk, kien ta’ pjaċir u sodisfazzjon kbir għalija nilħaq dan it-tragward.

 

Kien hemm okkażjonijiet oħrajn fejn inti rbaħt premjijiet simili, forsi f’rabta ma’ rumanzi għall-kbar?

Il-kitbiet tiegħi s’issa huma ftit. Ulied il-Wied kien is-stt pubblikazzjoni li daħlet għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, u dan huwa l-ewwel premju letterarju li qatt ksibt. Nittama li dan il-premju jservini ta’ motivazzjoni sabiex intejjeb kitbieti.

 

Ulied il-Wied huwa rumanz ambjentalistiku. Kemm hu importanti li anki l-ġenerazzjonijiet iż-żgħar ikollhom testi letterarji li jiddiskutu tema ewlenija bħal din? 

Ngħidlek illi huwa kruċjali li ż-żgħar isibu kitbiet illi jixprunawhom jaħsbu u jistaqsu dwar l-ambjent madwarhom. Wara kollox, fi ftit snin oħra ser ikunu dawk l-jsawru u jmexxu d-dinja ta’ għada, u għaldaqstant, hu importanti li jibdew isinnu l-ideat u r-raġunamenti tagħhom. Is-siġra mindu żerriegħa, imbagħad xitla trid tiġi ndukrata tajjeb sabiex tikber b’saħħitha. Infatti, dan il-ktieb huwa ddedikat lin-neputijiet tiegħi ċkejknin hekk: Lil Harper Jane u Giorgia Meave, ix-xtieli tal-lum u s-siġar ta’ għada.

 

Kemm ħadlek żmien rumanz bħal Ulied il-Wied, minn meta għaddietlek l-ewwel idea dwaru sakemm ra d-dawl bħala ktieb ippubblikat? Liema kienu l-fażijiet importanti li proġett bħal dan għadda minnhom?

L-idea ta’ Ulied il-Wied kienet ilha snin miegħi. Fl-2002 kont ippubblikajt l-ewwel ktieb tiegħi jismu Uliel il-Kwiekeb, li huwa wkoll għandu tema tal-ambjent. Warajh bdejt naħseb fuq Ulied il-Wied. Kont ktibt xi biċċiet minnu, imma waqaft għal xi snin. Wara xi snin – meta l-ambjent Malti kienet beda jitkasbar bl-ikrah – reġgħet ġietni l-ħajra li nissokta naħdem fuqu. Qisu fi tliet xhur lestejtu. Imbagħad għaddejtu lil pubblikatur (HORIZONS) li sab illustratur biex isiru xi stampi fih. Jiena u Luca Azzopardi ħdimna flimkien fuq l-istampi u l-qoxra ta’ barra. Minn hawn nixtieq nifraħlu wkoll. Nixtieq ngħid, u nirringrazzja, lill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu li ħadu l-ktieb f’idejhom, daruh u kkoreġewh b’reqqa liema bħalha sakemm kulħadd kien kuntent bir-riżultat finali. Minn hawn ukoll ngħid grazzi lit-tim ta’ Horizons, u lil Helen Barbara mill-ANL tax-xogħol siewi tagħhom.

 

Premju bħal dan għandu jħeġġeġ iktar nies jixtru u jaqraw Ulied il-Wied, forsi anki rumanzi oħrajn mill-pinna tiegħek. B’xi mod għandu jiġbed fuqu l-attenzjoni tal-kritiċi letterarji li spiss il-vista tagħhom hi limitata għal ftit kittieba magħżulin. Xi tgħid dwar dan?

Dwar dan nixtieq ngħid illi l-arti sabiħa għaliex varja u toħloq emozzjonijiet differenti f’nies differenti. Għalhekk, kif jgħidu, il-baqra tinbiegħ kollha. Għalija, il-kritika hija importanti, imma mhux aktar mill-qarrejja. Jekk biċċa xogħol toħloq emozzjoni f’min jaraha, jismagħha, jew jaqraha, għalija dan ifisser illi l-artist/awtur ikun wettaq xogħlu tajjeb. Fl-istess waqt ngħid li l-awtur dejjem irid jisma’ u jitgħallem mill-kritika kostruttiva (mhux minn dik imxaqilba lejn x’jogħġob jew x’ma jogħġobx lill-kritiku) sabiex dejjem itejjeb xogħlu.

 

Messaġġ qasir tiegħek lill-qarrejja ż-żgħar?

 

Meta kont żgħr jien kienu jgħallmuna biex nibżgħu għall-ambjent u nżommu l-indafa, nibżgħu għal kull qatra ilma, u nirrispettaw lill-oħrajn. Sfortunatament, illum dan kollu donnu ntesa. Il-messaġġ tiegħi huwa qasir u wieħed: Jeħtieġ li ż-żgħir ma jibżax minn min hu setgħan, u jidra jgħolli aktar leħnu sabiex – kif għamlu Betta, Kevin u t-tfal f’Ulied il- Wied – insalvaw dak li fadlilna.

(IL-PONT, nu. 88, Frar 2026)

 

 

Minn Dr Patrick Sammut, Editur IL-PONT

  1. Ġganti hu rakkont għaż-żgħar jew għall-kbar? Hu rakkont li jista’jitgawda fuq livell letterali, imma żgur jista’ jinftiehem ukoll fuq livell figurattiv. Xi tgħid dwar dan?

Dan ir-rumanz huwa fil-fatt intenzjonat għal udjenza varjata. Ippruvajt nimita t-tradizzjoni li stabbilixxew awturi kbar bħal Lewis Carroll b’Alice in Wonderland, Frank Baum b’The Wizard of Oz, George Orwell b’Animal Farm u Jonathan Swift b’Gulliver’s Travels, li tawna xogħlijiet li għall-ewwel taħseb li nkitbu għaż-żgħar, sakemm imbagħad ma ddumx ma tintebaħ li jħaddnu saffi ta’ tifsir li aktarx jistgħu jiġu apprezzati mill-kbar. Ġieli jiġri, anke jien stess esperjenzat dan, li naqraw mill-ġdid ktieb minn ta’ tfulitna, u bħala “tfal li kbirna” nkunu nistgħu nesperjenzawh b’mod differenti. Allura, iva, dawn huwa rakkont għaż-żgħar li jistgħu jgawduh fuq livell litterali, u huwa wkoll rakkont għall-kbar li jistgħu japprezzaw aħjar id-dimensjoni figurattiva tiegħu.

 

  1. Żmien il-paċi u l-armonija bejn ġganti u bnedmin, segwit minn żmien il-ġenn u l-gwerra. Ġganti hi storja li terġa’ tħaddem temi riċiklati għal sekli sħaħ, jew hemm iktar minn hekk?

 

Bħala bnedmin, aħna nġarrbu, bejn wieħed u ieħor, l-istess emozzjonijiet u xi drabi, għalkemm jeżistu d-differenzi, ikollna esperjenzi tal-ħajja li joqorbu lejn ta’ xulxin. Anke fuq livelli li jmorru lil hinn mill-ħajja individwali u personali tagħna, l-umanità donnha tirriċikla l-ġrajja tagħha stess – kif ngħidu, l-istorja tirrepeti ruħha. U dan kollu huwa s-sors komuni tal-ispirazzjoni letterarja. Il-ħila tal-kittieba hija dik li jippruvaw joħolqu xi ħaġa oriġinali b’din il-materja prima u bl-għodod li għandhom. Fi Ġganti ppruvajt noħloq (jew aħjar, inkompli nikkontribwixxi għall-ħolqien ta’) mitoloġija Maltija billi nagħti interpretazzjoni purament fantastika tal-preżenza tat-tempji megalitiċi, tal-cart ruts u ta’ xi karatteristiċi oħra tal-ambjent ta’ madwarna. Qgħadt attent ukoll li ma nsemmix lil Malta b’isimha, biex ma nintrabatx ma’ pajjiż wieħed u biex nagħti xeħta aktar universali lir-rakkont. Madankollu, is-sors tal-ispirazzjoni tiegħi tal-ambjent deskritt huwa evidenti u ovvju għall-qarrejja lokali.

 

  1. Il-popolazzjoni tal-bnedmin dejjem tikber u l-bini dejjem jiżdied tat-torrijiet, il-qirda tas-siġar, ir-regħba għall-poter, u ħafna iktar. Kemm hu ispirat minn avvenimenti kontemporanji u forsi anki lokali rakkont bħal dan?

Iva, fil-qofol tat-tematika tar-rumanz hemm it-tema ambjentali. U proprju l-bidu tal-bini tal-ewwel torrijiet, jew high-rise buildings, f’pajjiżna kien dak li instigani biex nibda nikteb dil-ġrajja simbolika. Għalhekk, minkejja li Żita, il-protagonista, donnha tmur lura fiż-żmien meta ssib ruħha fil-gżira tal-ġganti, fil-fatt qiegħda tesperjenza ġrajjiet u ħsus simili għal tagħna, iċ-ċittadini tal-lum li qed naraw, Herbert Ganado jaħfirli, Malta tinbidel.

 

  1. Minn fejn ġejjin jew kif twieldu ismijiet bħal Anak, Gordo, Kfir, Keres, Matera, Suna, Tanu, imma anki Nada, Ġola u Żita? X’effett xtaqt li jilħqu?

Dil-mistoqsija interessanti nista’ nweġibha b’diversi modi. L-aktar raġuni sempliċi hija dik estetika – għażilt ċerti ismijiet, bħal Żita, għax fonetikament idoqquli u naħseb li jistgħu jinżlu tajjeb mal-qarrejja. Imbagħad hemm ismijiet bħal Tanu, minn thanos, bil-Grieg, jew bħal Nada, kelma li teżisti f’diversi lingwi. Ovvjament, l-għażla saret għax aktarx hemm xi konnessjoni mal-karattru li jġorr l-isem. L-isem Anak, mill-banda l-oħra, ifakkar fl-Anakim, id-dixxendenti tal-ġganti li jissemmew fil-Bibbja.

 

  1. Fuq naħa hemm il-friefet tal-lejl li jitimgħu lil Ġola u Żita u l-ajkla l-kbira li tgħasses fuqhom; fuq l-oħra hemm waqtiet meta elementi naturali partikolari jduru kontra l-bniedem qerried li ċappas idejh bid-demm. X’kien il-ħsieb wara dan?

Dawn il-ħlejjaq li qed tiddeskrivi tant tajjeb donnhom jiffaċilitaw dik li nsejħulha l-ġustizzja poetika, jew is-sens ta’ retribuzzjoni. Fi kliem sempliċi l-ħlejjaq jgħinu biex, sa ċertu punt, jiġu ppremjati l-ftit bnedmin li jħaddnu r-rispett lejn għajrhom u dak kollu li hemm madwarhom, inkluż il-ġganti, u li jiġu kkastigati dawk li mill-banda l-oħra huma l-qerrieda egoisti u l-wikkiela għall-ġid u għall-poter. La qed insemmu l-Bibbja, qed niftakar fil-ġrajja ta’ Noe, il-personaġġ li kien fost il-ftit li n-natura ppermettiet li jsalvaw, f’kuntrast mal-maġġoranza tal-popolazzjoni li nqerdet bid-dulluvju. Inċidentalment, ta’ min isemmi li fil-bidu tal-ġrajja tal-arka ta’ Noe jissemmew il-ġganti (ara Ġenesi 6:4).

 

  1. Sabiħ wisq il-kapitlu ta’ qabel tal-aħħar, ‘Il-Ħarba’, fejn l-azzjoni sseħħ taħt il-baħar qrib il-Gżira tal-Ispirti u d-deskrizzjoni għandha mill-oniriku u mill-ideali, f’kuntrast mal-ħerba u l-kaos li jeżistu fid-dinja reali. X’tifsira jew tifsiriet għandu l-baħar hawn?

Qed nieħu gost li apprezzajt dan il-kapitlu. Għalija dan hu l-qofol tar-rakkont għax hawn tiġi deskritta d-dinja ideali, tip ta’ “wonderland”, l-utopija fejn jgħixu f’armonija l-ħlejjaq kollha irrispettivament mid-daqs, mill-ambjent li oriġinaw minnu (art, sema, baħar) u mill-ispeċi li jappartjenu għaliha. Kif implikajt inti, din il-parti tar-rakkont iġġiegħlek tiddubita jekk hix ħolma – jekk ir-rakkont kollu tal-gżira tal-ġganti huwiex ħolma ta’ Żita. U dan jista’ jinvolvi element ta’ diqa; hawn il-mistqosijiet jitnisslu waħedhom: L-utopija tista’ teżisti biss fil-ħolm? In-natura umana ma tippermettix sitwazzjoni ideali bħal din fid-dinja?

 

  1. Ġganti hu rumanz li jirrakkonta traġedja – il-firda bejn il-ħbieb – li tħalli vojt kbir, imma hu wkoll rakkont fantastiku li jgħin lill-qarrej joħlom u jitbiegħed għal waqtiet minn realtajiet kefrin. Hemm ukoll żvilupp pożittiv: Żita li terġa’ tiskopri l-qrubija mal-ġenituri tagħha. Kemm hu minn dan kollu?

Qed nifraħ li inti, bħala qarrej attent, osservajt dan kollu. Iva, dawn l-elementi qegħdin hemm, kollha kemm huma. Apparti t-tema ambjentali li ddiskutejna qabel, hemm ukoll temi li jappellaw direttament għall-adolexxenti bħal, kif għedt int, l-idea li fir-rumanz tiġi esplorata r-relazzjoni tal-protagonista mal-ġenituri u mal-ħabiba tal-qalb tagħha Nada. Fid-dinja parallela li ssib ruħha, Żita donnha ssib l-alter ego ta’ Nada f’Ġola. Jista’ jkun li tagħmel dan inkonxjament għax fil-fond ta’ qalbha Żita taf li lil ħabibtha tilfet lil Nada darba għal dejjem?

 

  1. Inħoss li hu rakkont li jgħabbi lill-ġenerazzjoni żagħżugħa b’ċerti responsabbiltajiet. Reazzjonijiet tiegħek?

Mingħajr ma ninstema’ pedantiku jew didattiku, ikolli nammetti li iva, dan ir-rumanz jittanta jwassal dan it-tip ta’ messaġġ. Jekk ma jasalx, għall-inqas mill-perspettiva letterarja, ma jkun ġara xejn. Ir-rumanz jista’ jiġi apprezzat għal dak li hu. Imma jekk b’xi mod dan ir-rakkont iqanqal xi forma ta’ kuxjenza ambjentali speċjalment fost iż-żgħażagħ, tant aħjar! Forsi jagħmlu bħal Żita nnifisha fl-aħħar tar-rumanz tidher fuq vapur Ocean Warrior – isem li jissuġġerixxi li wara l-esperjenzi qawwija li għaddiet minnhom, it-tfajla qatgħetha li tiddedika ħajjitha għall-protezzjoni tal-ambjent marittimu.