Il-Malti jgħid li l-ewwel ma tiekol, l-għajn. U tassew li hekk ġara lili malli rajt il-qoxra, il-qosor tal-kapitli u l-preżentazzjoni ta’ dan il-ktieb. Għalhekk ma ddispjaċinix li xtrajtu għax ir-rakkont ta’ dan ir-rumanz huwa tassew oriġinali.

Matul il-ġrajja ta’ GĦAL DEJJEM … U FTIT tal-awtriċi Helen Borg, jispikka l-element romantiku fejn l-aspett emozzjonanti tal-imħabba joħroġ b’qawwa sopranaturali. Imħabba mitlufa li terġa’ tinstab … anki wara li persuna tiġi nieqsa għal dejjem … u ftit.

Tul ir-rakkont, il-qarrej jiltaqa’ ma’ sekwenzi ta’ ħajjiet li ma jintemmu qatt, imżewqin b’imħabba tassew ġenwina u eterna. U dan minkejja kemm dawn il-persuni jsofru meta jaraw lill-maħbubin tagħhom jitwieldu, jgħixu u jmutu, waqt li huma ma jixjieħu qatt. It-tbatija ta’ dawk li ma jistgħux jgħixu ħajja normali hija notevoli, għax xi drabi huma mċaħħdin mill-imħabba, mill-pjaċiri sempliċi u l-bżonnijiet naturali bħalma huma l-ikel u l-irqad.

U huwa proprju hawnhekk fejn dawn il-ħajjiet isibu ruħhom f’kunflitt meta jinqabdu bejn il-ħajja u l-mewt. F’kuntatt mal-ħajjin u anki ma’ dawk li tinżel tiġborhom il-mewt fejn xi wħud minnhom, jerġgħu jitwieldu biex mill-ġdid jiltaqgħu mal-imħabba ta’ ħajjithom. Għax f’dan ir-rumanz, tassew li l-imħabba ma tmut qatt!

Hawnhekk tajjeb li wieħed isemmi kemm hija interessanti l-ispjegazzjoni li l-awtriċi jirnexxilha tagħti tal-personifikazzjoni tal-mewt. In-nuqqas tal-emozzjonijiet li tesebixxi, kif ma tifhimx x’inhi l-imħabba u x’kapaċi tagħmel biex tiffavorixxi lill-alleati tagħha li għalkemm imdakkrin min-nuqqas tal-ħajja, xorta waħda jibqgħu jgħixu fuq din id-dinja biex ifittxu l-imħabba.

Fir-rumanz ta’ Helen Borg insibu deskrizzjonijiet reali ta’ persuni li ġejjin minn żminijiet ’il bogħod u li jgħixu f’pajjiżi differenti. Rakkonti vivaċi ta’ avvenimenti storiċi magħrufa u li seħħew tassew, ilaqqgħuna ma’ personaġġi importanti li ħallew impatt fuq l-istorja ta’ Malta, kif ukoll tad-dinja. Jidher ċar li biex kitbet dan ir-rumanz, Borg għamlet riċerka estensiva kemm mill-aspett storiku kif ukoll fuq bosta elementi oħrajn, fosthom dawk mistiċi u misterjużi, li lkoll flimkien jagħmlu dan ir-rumanz tassew oriġinali.

Ġrajja ta’ mħabba fantastika fejn is-sorpriżi eċitanti, u speċjalment dawk romantiċi ma jonqsu qatt, għaliex b’mod tassew misterjuż jibqgħu jirrepetu ruħhom għal dejjem … u ftit!

 

Prosit tassew lil din l-awtriċi.

Għal aktar informazzjoni żur is-sit:  www.horizons.com.mt

 

 

Kumment ta’ Michael Cini