Awtur: Christopher Attard Biancardi
Pubblikatur: Horizons
Il-ktieb ‘IL-ĦAJT GĦANDU WIDINTU u Stejjer Oħra’ huwa l-ewwel xogħol li qrajt tal-awtur Christopher Attard Biancardi. Però mingħajr tlaqliq nista’ ngħid li mill-ewwel issorprendieni.
Din hija ġabra ta’ stejjer qosra. U meta ngħid stejjer qosra huma tassew hekk għax nikkalkula li bejn wieħed u ieħor, kollha fihom madwar mitejn kelma. Sakemm bdejt naqrahom nammetti li kont kemxejn xettiku kif awtur jista’ jiżvolġi storja f’ammont ta’ kliem daqshekk qasir.
Madanakollu aktar ma komplejt naqra, aktar intbaħt bil-kapaċità ta’ dan l-awtur li mhux biss jaf joħloq u jirrakkonta storja kompluta, imma jirnexxilu wkoll iżewwaqha b’karattri varji u jtiha atmosfera kurjuża u interessanti ferm. Tant hu hekk li tista’ tgħid li kull storja ttik sorpriża għax fl-aħħar tal-mazzita, Attard Biancardi jirnexxilu jdewqek iż-żbiba.
Element ieħor li laqatni f’dawn l-istejjer huwa l-aspett soċjali li huma ambjentati fih. Sitwazzjonijiet li faċilment nistgħu nsibu ruħna fihom aħna stess fil-ħajja ta’ kuljum. Fattur li lili, bħala qarrej, daħħalni ferm iżjed fl-ispirtu ta’ kull rakkont. Tant hu hekk li f’xi wħud mill-istejjer ħassejtni qisni kont qiegħed nieħu sehem jiena wkoll.
Naturalment, ħadt pjaċir ukoll naqra Malti sempliċi u mexxej, imma mżewwaq b’bosta idjomi, tixbihat ħelwin u metafori sbieħ. Kitba li tixhed kemm awtur tajjeb bħal Attard Biancardi jgħinek tgawdi u tapprezza l-ġmiel tal-lingwa tagħna.
Għalhekk, dan il-ktieb nirrakkomandah lil min jixtieq jaqra numru mdaqqas ta’ stejjer tajbin. Imma speċjalment lil min jaħseb li m’għandux ħin biżżejjed biex jaqbad jaqra ktieb. U dan minħabba li kull storja se teħodlu madwar ħames minuti biex jispiċċaha. Barra minn hekk, niggarantilu li tant kemm tħallilu togħma tajba li ma jkunx jista’ jirreżisti li jibda jaqra ta’ warajha wkoll … kif wara kollox beda jiġri lili stess!
Dan il-ktieb issibu tixtruh online minn www.horizons.com.mt , minn horizons malta , u mill-ħwienet kollha tal-Agenda bookshops.
Ħsieb ta’ Michael Cini

