Il-ktieb tal-kritika ta’ Charles Briffa, Ir-Ruħ Tqell bil-Poeżija – Louis Briffa: Il-Ħsieb Inċanat jesplora bir-reqqa xi xejriet tal-poeżija kontemporanja Maltija. Dawn ix-xejriet jgħinu lill-qarrejja jiftaqdu x’sehem għandha l-poeżija fil-moħħ ta’ Louis Briffa. Dan il-poeta jitqabbel ma’ ħaddieħor imma jiġi mistħarreġ l-aktar fuq il-merti tiegħu nnifsu. Dan l-istudju jagħti għarfien aktar fuq l-esperjenzi tal-qarrejja meta jiddiljaw ma’ poeta kontemporanju.
L-esperimentazzjoni u r-radikalizzazzjoni fil-poeta jittieħdu biex ikun hemm tħassib xieraq fuq ir-reazzjoni tal-lingwa fuq il-ħajja umana. Ħajja mġarrba. Il-qarrejja jħossu f’dan il-poeta kwalità intrinsika li ssawwar id-dehra tal-ħsieb u tiddetermina s-saħħa tal-poeżiji. U jarawh fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ nisa diversi u jittawlu ftit fid-dehra sesswali tiegħu.
Fil-poeżiji ta’ Louis Briffa (li b’mod indirett iqajjem il-mistoqsija: Xi tfisser li tkun bniedem?) insibu kompożizzjonijiet organiċi għax f’kitbietu l-impuls u l-forma huma ġejjin direttament mill-qawwiet interni tal-esperjenza. Bil-poeżija organika tiegħu jagħraf il-perċezzjoni tiegħu għax il-poeżija, ibbażata fuq l-intuwizzjoni fl-esperjenzi, issir esploratorja: ħidma esploratorja fid-dawrien psikoloġiku.
Dan huwa poeta li ma tantx ifittex l-impersonalità għax spiss tixref is-soġġettività f’kitbietu. Il-konnessjoni bejn is-suġġett u x-xogħol ma tinħallx, u dan ikattar l-ispirtu universali. Is-soġġettività tiegħu ma tħalliniex nistaqsu “Dan jiġri lill-bniedem?” Imma twassalna nistqarru “Dan jiġri lill-bniedem.” U s-soġġettività tgħaddi għall-universalità.
Il-Professur Charles Briffa għallem il-letteratura Maltija u t-teorija u l-prattika tat-traduzzjoni fl-Università ta’ Malta għal ħafna snin, u huwa kritiku letterarju, riċerkatur tal-Malti, u traduttur. L-interessi ewlenin tiegħu huma l-istilistika kognittiva (li tidher sewwa fil-bosta pubblikazzjonijiet tiegħu fuq l-awturi Maltin) u l-lingwistika kulturali (li hu jxandar regolarment fuq stazzjonijiet differenti tar-radju u t-televixin).