RUMA, 1943
Wara l-invażjoni tal-Alleati fi Sqallija u l-waqgħa tar-reġim ta’ Mussolini, l-abitanti tal-Belt Eterna jaħsbu illi l-gwerra kienet intemmet. Iżda kienu sejrin imqarqa.
Chicca: armla Maltija maqbuda f’Ruma fi żmien l-okkupazzjoni Tedeska, tissogra ħajjitha u dik ta’ familtha sabiex issalva għexieren ta’ priġunieri tal-gwerra.
Gulia: it-tifla l-kbira ta’ Chicca, xebba kuraġġuża bi spirtu kumbattiv, tara l-imħabba żagħżugħa tagħha tintemm qabel twarrad. Iżda l-imħabba għandha ħabta tinbet anki mit-tifrik.
Silvano: ġuvni patrijott, Komunist ferventi u ġellied partiġjan. L-imħabba għal Gulia hija ssuperata biss minn dik għal pajjiżu.
Gabriel: jara lil niesu Lhud jinġarru mis-suldati tal-SS lejn il-kampijiet tal-mewt. Biex isib lil martu, mitlufa u tqila bl-ewwel wild tagħhom, jingħaqad mal-Partiġjani, jiġġieled it-tirannija tan-Nażi-Faxxisti.
Dun Ugolino: Saċerdot Malti attiv fix-xirka ta’ Monsinjur O’Flaherty, ikenni l-priġunieri tal-gwerra u Lhud maħrubin bil-Gestapo jsusu warajh.
Vito: Faxxist sa ruħ ommu … L-imħabba tiegħu għal Gulia hi l-unika ħaġa umana li għandu.
Kappler: il-kap tal-Gestapo fil-belt ta’ Ruma. L-għan tiegħu huwa li jrażżan ir-reżistenza tal-partiġjani u jtawwal l-agunija ta’ dawk maqfula fiċ-ċelel tat-torturi.
Il-ġrajja ta’ dawn il-karattri, minsuġa ma’ ta’ ħafna oħrajn madwarhom, tintgħaġen flimkien bid-dmugħ u d-demm f’taqtigħa għall-ħelsien minn taħt il-qilla tal-iswastika.