Bħal fit-teatru tiegħu, Marshall jipprovoka billi jisfrutta l-potenzjalitajiet kollha tal-kelma – ħoss, sens, ħaġa – ilkoll mezzi għal skop li jmur lil hinn mill-kliem miktub. Jekk din l-interpretazzjoni hi korretta, allura l-bniedem tat-teatru u l-poeta huma persunaġġ wieħed. […] L-insult u l-qima, it-tfulija u l-adultezza, il-provokazzjoni u r-rispett huma biss uħud mill-elementi li jressqu lil Marshall il-poeta u lil Marshall id-direttur teatrali, lejn xulxin. L-eżempji l-oħrajn huma kollha varjazzjonijiet tal-istess kuxjenza. […] F’dan id-dawl jista’ jkun apprezzat bis-sħiħ Marshall il-poeta daqskemm Marshall id-direttur u l-bniedem tat-teatru. Fiż-żewġ forom ta’ espressjoni hu jħallat id-differenzi bix-xewqa li jgħaqqad u jikkonsolida. Huwa sikwit teatrali fil-poeżija, daqskemm huwa poetiku fit-teatru.
PROF. OLIVER FRIGGIERI
Bħalma t-teatru Taljan jagħraf il-bidu tiegħu fil-Commedia dell’Arte, hekk it-teatru Malti jxettel għeruqu fit-teatrin, forma drammatika li qatt ma tilfet xejn mill-popolarità tagħha. Albert Marshall, magħruf l-aktar bħala direttur li nefaħ nifs ġdid fit-teatru tar-repertorju, qed joffri lill-atturi Maltin l-opportunità li jiskopru kif jaħdem it-teatrin billi jittrasformaw iż-żewġ biċċiet li qed jidhru f’din il-pubblikazzjoni f’lingwaġġ teatrali, kif għamel huwa nnifsu meta dderiġiehom għall-ewwel darba.
PROF. JOE FRIGGIERI
Lil Albert Marshall sirt nafu fis-sittinijiet bħala poeta ta’ kwalità tajba msieħeb fil-Moviment Qawmien Letterarju, iżda sirt nafu ferm aħjar bħala bniedem ta’ ħafna talenti fit-teatru meta jien kont assoċjat bħala attur għal ftit snin mal-kumpanija semiprofessjonali ‘Atturi’, li għaliha Albert idderieġa tajjeb ħafna xogħlijiet kontemporanji bħal The Aspern Papers u The Rose Tattoo. Bħala kritiku teatrali stajt nistudja tajjeb it-teknika kapaċi tiegħu u s-sensibbiltà naturali. Li ma konx naf tajjeb kien l-interess qawwi u perspikaċi tiegħu għat-teatru popolari, it-teatrin, li għalih kiteb bosta xogħlijiet, tnejn minnhom qegħdin jidhru f’dan il-volum. Marshall sar magħruf għax-xogħol siewi ħafna li għamel mal-grupp teatrali ‘Dwal Ġodda’ ta’ Ħal Għargħur biex xogħol ġenwinament maħluq għal udjenza mhux sofistikata daqs dik tal-Manoel jilħaq livell teknikament għoli.
DR PAUL XUEREB