“TLETTAX” – ta’ Kenneth Caruana – Pubblikazzjoni Horizons (364 faċċata)

Wara ‘Qtil fis-Skiet’ (2006) u ‘Kuntatt Fatali’ (2001), Kenneth Caruana għoġbu jidħol għal thriller ferm itwal u anki b’ħafna aktar intriċċi permezz tal-ktieb “TLETTAX”. Jidher biċ-ċar li fuq tlieta toqgħod il-borma għax id-disa’ snin li għaddew mill-aħħar ktieb tiegħu ġabu magħhom maturità fis-sengħa tal-kitba li tinħass u hija wkoll il-frott tar-riċerka bir-reqqa li għamel l-awtur.

Permezz ta’ dan ir-rumanz jiena inħoss ukoll li t-thriller bil-Malti nnifsu għadda mill-eżami tal-maturità flimkien miegħu. Fi “TLETTAX”, li l-isem waħdu hu eżoteriku u jqanqal kurżità kbira, Kenneth Caruana ħadem fuq każ li l-qarrej mingħalih mhu jitlef xejn min-nisġa tal-istorja, u li qed isir jaf kollox x’inhu għaddej kapitlu wara kapitlu dwar il-protagonist William  u l-istat mentali tiegħu, u mbagħad jispiċċa biex jissorprendi ruħu. Bħalma naraw fl-aqwa thrillers moderni barranin xejn m’huwa lineari l-mod li bih niskopru min hu, x’wassal biex weħel erba’ snin ħabs, u l-ossessjoni li ddaħħlu f’solitudni tal-ġenn.

Il-ktieb jiftaħ b’xena f’ħabs fejn William jagħmel tentattiv ta’ suwiċidju. Malajr nindunaw li Caruana kellu jirriċerka bis-sħiħ l-ambjent karċerarju mhux biss lokali iżda wkoll dak tal-pajjiż fejn tiżvolġi l-azzjoni. Hemm ambjenti oħrajn li kien jeħtieġlu jistħarreġ, ngħidu aħna dak taċ-ċrieki ġurnalistiċi f’żoni ta’ gwerra, postijiet imwiegħra fi żminijiet politiċi mqallba bħal dawk tal-Bosnja u s-Somalja. Għax kien fihom li ħadem William qabel spiċċa l-ħabs minħabba r-reat li kkommetta bi skop speċifiku. L-awtur ma setax jirriskja li ma jkunx konvinċenti, u rnexxielu għax tħejja tajjeb ferm. Pereżempju nsibu l-esperjenzi li tifel irrakkonta lil William fis-Sudan dwar minn xiex kien għadda (p.55), jew x’kien kiteb f’wieħed mir-rapporti tiegħu mis-Somalja dwar il-ħruxijiet li għaddiet minnhom ċerta Fathia (p.77) – ġrajjiet kommoventi għall-aħħar.

Wieħed ma jridx jinsa lanqas ir-riċerka li kien hemm bżonn issir min-naħa tal-awtur biex ikun konvinċenti meta jittratta d-deskrizzjoni tal-personaġġi, l-inħawi tal-ħabsijiet fejn jilagħbu r-rwol tagħhom, u l-kundizzjoni medika tal-PTSD. Din tal-aħħar kien jinħtieġlu għarfien sħiħ tagħha minħabba r-rwol li tilgħab fin-nisġa tal-istorja prattikament mill-bidu sal-aħħar. Dan biex ma nsemmux ukoll is-sengħa li biha jirrekordja s-sessjonijiet bejn pazjenti fil-ħabs u l-psikologi li jsegwuhom. Hija ovvja li l-awtur qara ħafna u tkellem ma’ bosta professjonisti li jaħdmu fl-oqsma msemmija. U dan Kenneth jirrikonoxxih fid-daħla li kiteb għall-ktieb.

Huwa żgur mertu tiegħu kollu iżda kif Kenneth jagħraf iżomm lill-qarrej il-ħin kollu jtella’ u jniżżel fuq l-istat mentali tal-protagonist u l-motivazzjoni wara għemilu. Biex ma ntellef xejn mill-pjaċir tal-qarrejja li jiskopru gradwalment il-kxif ta’ dil-motivazzjoni, ngħid biss li wara l-attentat ta’ suwiċidju li jiftaħ bih ir-rumanz hemm pjan metikoluż anki jekk perikoluż u dijaboliku.

In-narrattiva mbagħad hija mżewqa bit-tħaddim f’waqtu ta’ nixxigħat ta’ ħsibijiet xi minn daqqiet deliranti, flashbacks kuluriti u thewdin min-naħa tal-protagonist li l-awtur kellu jara x’jagħmel biex jingħarfu minn xulxin. U anki hawnhekk irnexxielu. Hekk, hu jieħu ħsieb li t-thewdin jingħaraf permezz tal-użu tal-korsiv fil-kitba tiegħu:

Il-bieba ta’ wara tal-ambulanza nfetħet beraħ. Hu seta’ jara tfajla diġà mejta mitluqa fuq streċer. Resaq iktar qrib lejha. Ralha jdejha magħqudin f’ponn, xagħarha kannella twil jgħattilha nofs wiċċha u għajnejha magħluqin.”(p. 44)

Meta l-awtur joħodna lura fiż-żmien, hu jieħu ħsieb jgħin lill-qarrej billi juża tipa ħarira iċken biex tibqa’ dejjem ċara. In-narrattiva mbagħad mhux nieqsa minn deskrizzjonijiet konvinċenti f’mumenti ewlenin tal-istorja. Hekk ngħidu aħna f’paġni 168-169:

“Is-sinfonija (‘Liebestraum’ ta’ Franz Liszt) kienet tibda bil-mod, b’noti ħelwin, ġentili, l-istess ġentilezza tagħha. Imbagħad f’salt in-noti jitqawwew, ifakkruh kif mix-xejn, mhux mistenni, seħħ l-attakk imdemmi. Maqbudin, Lana, ommha, u dawk li inzertaw magħhom bdew jifgaw billi belgħu l-gass velenuż…”

Fl-aħħar u mhux l-inqas wieħed ma jistax ma josservax id-djalogar ferm naturali li fih il-ktieb. Tiġini f’moħħi x-xena fejn fil-ħabs tinqala’ ġlieda partikolari f’paġna 194. Il-kliem joħroġ tant naturali u b’mod tassew realistiku, qisek qed tara d-djalogu jinħadem f’xi film. Ikolli ngħid li Kenneth Caruana kien qiegħed b’mod konxju jlaqqa’ l-azzjoni mad-diskors b’sengħa u attenzjoni ferm akbar bl-idea li jagħmel mill-ktieb tiegħu speċi ta’ scenario għal xi sensiela televiżiva. Min jaf x’għad jiġri!

Hemm ħafna aktar x’wieħed jgħid fuq dan it-tielet rumanz ta’ Kenneth Caruana. Jekk inkompli iżda nirriskja li nikxef wisq mill-istorja. U dan ċertament ma jagħmel tajjeb għal ħadd. Għal min iħobb jaqra thriller modern u eċċitanti “TLETTAX” żgur li darba jibdieh mhux ser jitilqu minn idejh.

Prof. Toni Aquilina