Faiza qiegħda f’ilsien u moħħ kulħadd.

Faiza hija dik it-tifla li kulħadd iħobb u jfissed għax ġiet wara ħafna żmien u b’xi mod għandha sbuħija li ħutha ta’ qabilha m’għandhomx.  Imma Faiza m’għandhiex sbuħija biss, għandha wkoll ħafna intelliġenza li ma tħallihiex bi kwietha u li ssawrilha ras iebsa għax taf li dak li hu meqjus aċċettabbli għax dejjem kien hekk mhux bilfors hu ġust.  L-istess intelliġenza ttiha wkoll kunfidenza u assertività biżżejjed sabiex dak li tħoss toħorġu minn fommha u tispjegah b’għemilha.  Minkejja li qiegħda f’ilsien kulħadd, qatt ma titkellem dirett f’dan ir-rumanz.  Wara kollox, Faiza qalgħet xi tiri u qiegħda f’koma.

Faiza twieldet il-Kanada, fil-pajjiż ta’ Justin Trudeau li jidher tant liberali u differenti minn ħafna politiċi konservattivi oħra.  Imma Faiza mhux totalment Kanadiża.  Għandha missier Malti u omm imwielda t-Turkija imma meqjusa bħala Kurda.  Għal ħafna hija immigranta, u f’ħajjitha qasira kellha ġġorr il-piż ta’ din it-tabella.  Immigranti bħalha minn pajjiż missierha li ġejjin minn klassi oħra ukoll iħarsu lejha b’disprezz.

Missierha minkejja li kien ħalla Malta għexieren ta’ snin qabel twieldet, ġarr ħafna miegħu żrar u ċnagen tal-istess blata li ħalla, mingħajr ma qatt irrealizza li dik il-blata li xi darba ħalla wkoll qed tilqa’ ideat oħra ġejjin mall-mewġ li jaħbat magħha jew mill-ajruplani li jniżżlu xorti differenti ta’ umanità fi ħdanha.  Għalih il-familja hija kollox, u għall-unur lest li joqtol jew iġiegħel lil min joqtol.  Ħafna drabi jinsa li l-familja hija pluralita ta’ persuni, eleġġa lilu nnifsu d-dittatur, u sabiex juri l-faċċata tad-dar fuq il-fil perfetta qed iħott is-saqaf ta’ kamartu tas-sodda u jorqod fir-reżħa.  Mhuwiex il-protagonist ewlieni imma antagonist prim.  Il-patrijarkjalità tiegħu taffettwa lil kull min hu madwaru.

Ir-rumanz jibda b’rapporti ġurnalistiċi, liema rapporti jgħidulna li tfajla ġiet milquta f’sparatura meta ppruvat tinħataf.  Għandna aktar minn rapport wieħed, li kollha jgħidu xi ftit jew wisq l-istess ħaġa minn lenti differenti u b’laqtiet ta’ preġudizzji differenti.  Il-bidu huwa l-eċċezzjoni tar-rumanz.

Wara l-introduzzjoni, kollox jgħaddi għal-leħen ta’ min ftit wara l-isparatura mar iżur lil Faiza, u għalhekk kull ħsieb jaqa’ fuqha.  Forsi tista’ ssejħilhom monologi, tista’ wkoll ssejħilhom biċċiet minn djarju, tista’ wkoll issejħilhom frammenti.  Qisu kulħadd irid jiftaħ qalbu mal-qarrejja sabiex ineħħi ftit mit-toqol minn fuqu nnifsu.

L-awtur, Portelli jgħaddi lir-raġel ta’ Faiza, l-eks-namrat tagħha, oħtha, missier u omm l-eks-namrat, u fuq kollox missierha minn konverżazzjonijiet tqal.  Juża lil dawn il-persuni sabiex jiffoka fuq Faiza nnifisha.  Joħloq il-karattru ta’ Faiza permezz tagħhom, persuni li jafu lil Faiza sew u mill-qrib, għallinqas safejn jafu huma.

Hija din it-teknika li tagħmel dan ir-rumanz differenti minn oħrajn.  Il-kelma tidher li qed tinbex u saħansitra tħabbat lil Portelli mingħajr hedu, u dan l-awtur bi sfond filosofiku jidher li ma jistax iħalli l-pinna għal wisq ħin lil hinn minn idu.  Minn poeżiji, għal skizzi u issa għal rumanz.  Imma mal-filosofija, Portelli jżewweġ is-soċjo-politika, skont it-teorija tiegħi bejn għax ma jistax joqgħod mingħajrha u bejn għax irid jaqsam biċċa minn ħajtu fil-komunikazzjoni tiegħu mal-qarrejja.   F’Faiza joħloq karattru li fih mill-anqas kontradizzjonijiet, imma tipprovdi mera li tikxef kull kontradizzjoni oħra li hemm fil-persuni ta’ madwarha li jiġu jżuruha fuq sodditha tal-mewt.  Mill-frammenti ta’ dawn, li ġejjin minn għeruq, nazzjonalitajiet u klassijiet differenti joħloq mera fuq is-soċjetà.

Kulħadd barra Faiza mhux sempliċiment rumanz miktub bil-lingwa Maltija.  Huwa msejjes f’kultura Maltija, lil hinn mill-blata li bħalissa ħafna qed jgħidu hija wisq miżgħuda b’immigranti.  Minflok, dan hu rumanz ta’ Maltin emigranti li xi darba telqu sabiex iħallu l-ispazju u l-ħobż ta’ din il-gżira għal ħaddieħor.

Faiza minkejja li twieldet lil hinn minn din il-blata u qatt ma kellha x-xorti żżurha ġarret ħafna mill-piż u ngirfet mill-ponot jaqtgħu tagħha.  Min jaf hiex waħedha?

Jean Paul Borg