Faiza qiegħda f’ilsien u moħħ kulħadd.
Faiza hija dik it-tifla li kulħadd iħobb u jfissed għax ġiet wara ħafna żmien u b’xi mod għandha sbuħija li ħutha ta’ qabilha m’għandhomx. Imma Faiza m’għandhiex sbuħija biss, għandha wkoll ħafna intelliġenza li ma tħallihiex bi kwietha u li ssawrilha ras iebsa għax taf li dak li hu meqjus aċċettabbli għax dejjem kien hekk mhux bilfors hu ġust. L-istess intelliġenza ttiha wkoll kunfidenza u assertività biżżejjed sabiex dak li tħoss toħorġu minn fommha u tispjegah b’għemilha. Minkejja li qiegħda f’ilsien kulħadd, qatt ma titkellem dirett f’dan ir-rumanz. Wara kollox, Faiza qalgħet xi tiri u qiegħda f’koma.
Faiza twieldet il-Kanada, fil-pajjiż ta’ Justin Trudeau li jidher tant liberali u differenti minn ħafna politiċi konservattivi oħra. Imma Faiza mhux totalment Kanadiża. Għandha missier Malti u omm imwielda t-Turkija imma meqjusa bħala Kurda. Għal ħafna hija immigranta, u f’ħajjitha qasira kellha ġġorr il-piż ta’ din it-tabella. Immigranti bħalha minn pajjiż missierha li ġejjin minn klassi oħra ukoll iħarsu lejha b’disprezz.
Missierha minkejja li kien ħalla Malta għexieren ta’ snin qabel twieldet, ġarr ħafna miegħu żrar u ċnagen tal-istess blata li ħalla, mingħajr ma qatt irrealizza li dik il-blata li xi darba ħalla wkoll qed tilqa’ ideat oħra ġejjin mall-mewġ li jaħbat magħha jew mill-ajruplani li jniżżlu xorti differenti ta’ umanità fi ħdanha. Għalih il-familja hija kollox, u għall-unur lest li joqtol jew iġiegħel lil min joqtol. Ħafna drabi jinsa li l-familja hija pluralita ta’ persuni, eleġġa lilu nnifsu d-dittatur, u sabiex juri l-faċċata tad-dar fuq il-fil perfetta qed iħott is-saqaf ta’ kamartu tas-sodda u jorqod fir-reżħa. Mhuwiex il-protagonist ewlieni imma antagonist prim. Il-patrijarkjalità tiegħu taffettwa lil kull min hu madwaru.
Ir-rumanz jibda b’rapporti ġurnalistiċi, liema rapporti jgħidulna li tfajla ġiet milquta f’sparatura meta ppruvat tinħataf. Għandna aktar minn rapport wieħed, li kollha jgħidu xi ftit jew wisq l-istess ħaġa minn lenti differenti u b’laqtiet ta’ preġudizzji differenti. Il-bidu huwa l-eċċezzjoni tar-rumanz.
Wara l-introduzzjoni, kollox jgħaddi għal-leħen ta’ min ftit wara l-isparatura mar iżur lil Faiza, u għalhekk kull ħsieb jaqa’ fuqha. Forsi tista’ ssejħilhom monologi, tista’ wkoll ssejħilhom biċċiet minn djarju, tista’ wkoll issejħilhom frammenti. Qisu kulħadd irid jiftaħ qalbu mal-qarrejja sabiex ineħħi ftit mit-toqol minn fuqu nnifsu.
L-awtur, Portelli jgħaddi lir-raġel ta’ Faiza, l-eks-namrat tagħha, oħtha, missier u omm l-eks-namrat, u fuq kollox missierha minn konverżazzjonijiet tqal. Juża lil dawn il-persuni sabiex jiffoka fuq Faiza nnifisha. Joħloq il-karattru ta’ Faiza permezz tagħhom, persuni li jafu lil Faiza sew u mill-qrib, għallinqas safejn jafu huma.
Hija din it-teknika li tagħmel dan ir-rumanz differenti minn oħrajn. Il-kelma tidher li qed tinbex u saħansitra tħabbat lil Portelli mingħajr hedu, u dan l-awtur bi sfond filosofiku jidher li ma jistax iħalli l-pinna għal wisq ħin lil hinn minn idu. Minn poeżiji, għal skizzi u issa għal rumanz. Imma mal-filosofija, Portelli jżewweġ is-soċjo-politika, skont it-teorija tiegħi bejn għax ma jistax joqgħod mingħajrha u bejn għax irid jaqsam biċċa minn ħajtu fil-komunikazzjoni tiegħu mal-qarrejja. F’Faiza joħloq karattru li fih mill-anqas kontradizzjonijiet, imma tipprovdi mera li tikxef kull kontradizzjoni oħra li hemm fil-persuni ta’ madwarha li jiġu jżuruha fuq sodditha tal-mewt. Mill-frammenti ta’ dawn, li ġejjin minn għeruq, nazzjonalitajiet u klassijiet differenti joħloq mera fuq is-soċjetà.
Kulħadd barra Faiza mhux sempliċiment rumanz miktub bil-lingwa Maltija. Huwa msejjes f’kultura Maltija, lil hinn mill-blata li bħalissa ħafna qed jgħidu hija wisq miżgħuda b’immigranti. Minflok, dan hu rumanz ta’ Maltin emigranti li xi darba telqu sabiex iħallu l-ispazju u l-ħobż ta’ din il-gżira għal ħaddieħor.
Faiza minkejja li twieldet lil hinn minn din il-blata u qatt ma kellha x-xorti żżurha ġarret ħafna mill-piż u ngirfet mill-ponot jaqtgħu tagħha. Min jaf hiex waħedha?
Jean Paul Borg