Mingħajr tlaqliq nista’ngħid li KHERSON – BEJN IT-TAMA U L-QLUBIJA, rumanz storiku ieħor ta’ Ben Agius, waħħalni miegħu! Qabel dan ir-rumanz kont qrajt żewġ rumanzi storiċi oħrajn ta’ dan l-awtur illi t-tnejn għoġbuni ferm. Imma dan huwa tassew intriganti.
Ġrajja intensiva, xokkanti u mimlija emozzjonijiet. Rakkont li bil-mod ta’ kif dan l-awtur jispjega l-fatti u s-sitwazzjonijiet, ġegħelni nifhem, u nħoss fil-fond ta’ qalbi, il-ħajja traġika li qed jgħixu nies innoċenti li pajjiżhom għaddej mill-esperjenzi brutali tal-gwerra. Episodji koroh u saħansitra anki mingħajr skrupli jew l-iċken ħjiel ta’ kuxjenza fuq suldati, ribelli u nies ċivili li jqanqlu biża’ kbir u inċertezza kontinwa dwar jekk ix-xemx tal-għada, hux ser ikollhom ix-xorti li jarawha. Speċjalment meta kiesaħ u biered u b’modi l-aktar krudili, jitilfu lil qrabathom u lill-maħbubin tagħhom wara stupri, torturi, u diversi krimini tal-gwerra oħrajn.
Ngħid il-verità, dawn l-atroċitajiet ġieli rajthom jinħadmu fuq diversi films. Imma jien u naqrahom, donnhom li fija qanqlu iżjed biża’, daħħluni f’qoxorti, u tkexkixt bl-aktar mod intimu u sensittiv. U dan proprju minħabba li bħalma għaddew minnhom dawn in-nies li sa ftit jiem qabel kienu għadhom qegħdin jgħixu għall-kwiet u l-paċi f’darhom, hekk ukoll nistgħu ngħaddu minnhom bla ħsieb ta’ xejn aħna – proprju jekk allaħares qatt, xi miġnun b’saħħtu u rgħib għall-poter ifettillu jixħet għajnejh fuq pajjiżna. Imbagħad, addijo kollox. Il-paċi u s-sliem jinbidlu biss f’ħolma sabiħa, remota, u impossibbli.
Tant li proprju hekk ġara lil Alex, raġel Malti li mill-paċi ta’ pajjiżna, f’salt wieħed kellu jsib ruħu f’nofs il-qilla, l-attakki u l-krudeltajiet li qegħdin iseħħu ġewwa l-Ukrajna. Proprjament fil-Belt ta’ Kherson, waħda mill-ewwel bliet li ġew attakkati mill-qawwiet Russi, u li sofriet imwiet, stupri, torturi u qerdiet kbar.
Madanakollu, Alex ma marx f’din il-belt biex jiġġieled il-gwerra, imma għax kien imqanqal mill-imħabba ta’ missier lejn bintu. Missier qalbieni li ma qagħadx iqis il-perikli li kien ser jiltaqa’ magħhom. Missier li quddiem għajnejh ma ra xejn iżjed ħlief it-tama li jsalva lil bintu. Bintu l-waħdanija. Bintu li tant kien jgħożż. Li għaliha kien lest li jissogra ħajtu.
Bintu li kien għad kellha biss ħames snin, u li kienet fil-periklu li titlef ħajjitha!
Tant li l-eċċitament ta’ din l-istorja jkompli jikber meta l-unika triq li jkollu Alex tkun dik li jingħaqad mar-ribelli tar-reżistenza Ukrena … qabel ma l-qawwiet Russi jilħqu jisirqu lit-tfal kollha minn KHERSON …
Dan ir-rumanz nirrakkomandah lil kull min jixtieq jaqra ġrajja mqanqla miktuba b’Malti sabiħ, mexxej u idjomatiku.
Kumment ta’ Michael Cini

