Realtà u Fantasija għal-Lum
Charles Briffa
(Ġorġ Peresso, l-aħħar Warda, Horizons, Malta, 2021)
Ġorġ Peresso, f’l-aħħar Warda (li huwa xogħol klassiku ta’ żmienna), jittratta r-realtà, u biex jiddilja mar-realtà jħaddem il-fantasija magħġuna mal-filosofija, is-simboliżmu, u r-reliġjon.
Ir-realtà
Ir-realtà f’dan ir-rumanz narawha f’dehriet bħal ta’ raġel kasbari li jipprova jirrejpja tfajla għax sabiħa (dehra li għandha ħafna mill-ħrafa ta’ Little Red Riding Hood) u bħal ta’ bulldozer imżarġna li tikklirja ġmiel wied. U narawha wkoll (ir-realtà) żgur f’temi bħas-sens ta’ ġustizzja, is-sens ta’ ħajja u mewt, il-valur tal-lingwa, il-valur tas-skiet – temi li jissieħbu u jitwaħħdu ma’ dawk viżjonarji li jfittxu fl-astratt u fil-fantastiku dak li jista’ jmur ’l hemm minn dak li hu normali jew tas-soltu; temi li jaslu sax-xfar tal-mistiku għax f’dan it-twaħħid jitqanqal it-tħassib li jressaq f’ġustapożizzjoni (fost oħrajn) il-fidi mad-dubju u d-dehen artistiku mal-kilba għall-flus.
Hawnhekk Peresso joqrob ħafna lejn Herman Hesse (1877-1962) li kien affettwat bil-bosta bil-mistiċiżmu tal-filosofija tal-Lvant. Huwa twaħħid li jagħraf li l-ġmiel huwa xejra ewlenija tal-verità – tema li tissieħeb mal-poeżija Ode on a Grecian Urn ta’ John Keats (1795-1821: “beauty is truth, truth beauty”). F’Peresso l-ġmiel tan-natura huwa verità spiritwali; anki l-ħajt tas-sejjieħ għandu jkun irrispettat għax għandu “ġebel li kennen ġnien, is-siġar, u l-fjuri” u ma jixraqlux ikun “imżeblaħ”.
Dan kollu huwa parti mir-realtà ta’ moħħ Peresso u huwa l-qofol ta’ ruħ in-narrattiva f’dan ix-xogħol.
Il-fantasija
Fil-kreattività tiegħu, Peresso jieħu mid-dinja klassika r-rabta tal-fantasija mad-divin. U l-poeżija invażiva tiegħu tagħti leħħiet lejn il-preżent li ma nafuhx (jew, jekk trid, lejn xi futur tal-qrib). Jagħtina fantasija moderna biex jistgħalla l-għarfien tar-realtà ta’ żmienna; fi kliem ieħor, sabiex jagħti varjetà ta’ perspettivi ġodda tad-dinja tagħna. Din il-fantasija turina l-attitudnijiet kif jistgħu jinbidlu u li moħħna jista’ jaffordja għarfien fix-xejriet simboliċi tal-ħsieb li ninqdew bihom bħala filter biex nipproċessaw il-perċezzjonijiet tagħna.
Is-saħħa tar-rumanz titqawwa bil-ħrejjef. Peresso jinqeda bl-elementi tal-ħrafa ta’ Little Red Riding Hood – imma jsemmi ħrejjef u leġġendi oħra bħall-istejjer ta’ Snow White u s-seba’ nani, tal-funtana taż-żgħożija, il-ġrajja tal-lupu mqareb f’Gubbio immansat minn San Franġisk ta’ Assisi, u dik ta’ Simurg.
Jekk niffokaw fuq Carmen li kienet tħobb tilbes l-aħmar (bħal Little Red Riding Hood), nistgħu nispekulaw psikoanalitikament u ngħidu li t-tfajla kienet fil-pubertà tagħha: l-aħmar li kienet tħobb tilbes jista’ jissimbolizza l-period tat-tfajliet u l-bidu tas-sesswalità tagħha. Insibu karattri komplementari bħan-nanna, l-omm, u l-missier (kif insibu f’Little Red Riding Hood) li jissimbolizzaw l-aspetti differenti tal-ġenituri.
Meta r-raġel ħajjen u għawli (in-Nagħġu) jipprova jirrejpjaha lit-tfajla innoċenti liebsa l-aħmar, din titgħallem li mill-estremità tal-imħabba tista’ tgħaddi għall-imrar u qrusa definita. Imma din il-firda bejn it-tajjeb u l-ħażin taffettwa sew lil Carmen għax in-Nagħġu qatlilha s-sens ta’ mħabba għall-irġiel ħlief għal missierha. Kien Wolff (l-ismijiet hawnhekk jidħlu ironikament fil-ġrajja) li ġabilha lura l-fiduċja fl-irġiel; warajh kompla Yorgos. Carmen lil Wolff l-ewwel ratu bħala missierha, imbagħad ħaditu bħala maħbub. Donnu hemm ħjiel ta’ interpretazzjoni Oedipali fis-simboliżmu sesswali tar-rumanz jekk aħna nieħdu lil Wolff bħala s-sesswalità tal-missier: il-missier-wulf li jinġibed sesswalment lejn bintu jikseb ix-xewqa tiegħu li jħobbha sesswalment.
Kuntrasti
Din in-narrattiva taħdem b’mod effettiv f’dawk l-aspetti ta’ kuntrarju u ta’ kuntrast. Ngħidu aħna, l-isem “Wied Ilpup” għall-bidu jagħti impressjoni ta’ biża’ u twegħir, però mbagħad insibu l-maqlub għax fih hemm il-ġnien tar-razzett bil-ward sabiħ u l-kenn tal-imħabba. Mill-banda l-oħra, “Nagħġu” (bis-suffiss tal-laqmijiet) jagħtina l-impressjoni ta’ xi ħadd ġwejjed u kwiet, imma malajr nintebħu li dan il-karattru huwa lupu liebes ta’ nagħġa (Mt.7:15); jiġifieri, jilgħab parti li hija l-maqlub tal-karattru veru tiegħu u min imiss miegħu jkun qed jilgħabha – huwa bniedem falz; taħt il-ġilda ta’ nagħġa hemm moħħ ħajjen u fejjieti ta’ lupu. Anki fid-diskors bejn il-karattri hemm il-kuntrast: il-maniġer ġenerali ta’ ħu Carmen jitkellem fuq “ftehim kummerċjali u legali” li għaliha huwa “tradiment”.
Fil-kuntest sħiħ tan-narrattiva, l-għemil tan-Nagħġu li jipprova jirrejpja lis-sbejħa jidħol f’ġustapożizzjoni mal-istupru tal-art li jġib is-setgħan bil-krejnijiet u l-gafef monstrużi; u jqegħedilna b’urġenza l-idea li “l-azzar, bħall-konkrit, m’għandux qalb. Kif għandhom il-fjuri” (p.169) – l-urġenza tinsab fit-tlaqqigħ ma’ xulxin tal-azzar bla qalb mal-fjuri bil-qalb.
Peresso jħobb idaħħal f’ġustapożizzjoni dehriet għat-tħassib tagħna: il-ħoss tal-mużika klassika jitlaqqa’ mal-istorbju tas-serrieq arroganti li jħanxar is-siġar; id-dedikazzjoni ta’ min jiżra’ fl-art biż-żegħil titlaqqa’ mal-arroganza ta’ min ikabbar il-konkrit fl-għelieqi u jbiddel “is-sbuħija fi qligħ” (p.235); il-krib tal-ħajt tas-sejjieħ jitlaqqa’ mal-konkrit, briks, u azzar tal-monstri bla gost. Ukoll, Peresso jqegħdilna ġmiel il-ġnien mogħni bil-fwieħa tal-imħabba mal-qerda qalila tal-monstri tal-konkrit. U malajr Wolff (li jħobb l-ambjent) jidħol f’kuntrast mas-sinjur tal-konsorzju (li jrid jeqred l-ambjent bil-konkrit).
Il-fantasija, f’dan ir-rumanz, hija tajba biex noqogħdu naħsbu biha – u turina kif l-awtur ħaseb fuq ħajtu. Ir-rumanz ta’ Peresso (maħdum ukoll bħala radjudramm fuq Campus FM) ma jippritkax imma jitħaddet mal-bniedem f’nisġa kumplessa kulturali. Iġorr qawwa psikoloġika vitali li taħkem l-immaġinazzjoni tal-qarrejja.
Peresso huwa awtur ta’ suġġeriment, ta’ sfumatura, ta’ intimazzjoni.