1. Għaliex l-għażla tiegħek biex tittraduċi għal Malti waqgħet fuq dan ir-rumanz tal-awtriċi relattivament żagħżugħa Iris Wolff?

L-ewwelnett Patrick għandek tkun taf li qabel ma ddeċidejt li naqleb dan ir-rumanz ta’ Iris Wollf, wara s-suċċess li kelli bin-‘Nemmies’,  kont qlibt għall-Malti rumanz polizzjesk ieħor tal-awtriċi Ġermaniża, internazzjonalment magħrufa, Charlotte Link,  jiġifieri ‘Die Suche’ li tajtu l-isem Malti ‘Is-Sejba’. Iżda, ironikament, minkejja dan l-isem, x’aktarx minħabba t-tul tiegħu, ma stajtx insib pubblikatur lest li jippubblikah, għad li għandu storja intriganti ħafna u bħas-soltu tmiem mhux mistenni. Għalhekk bdejt infittex awtriċi li tikteb rumanzi iqsar u l-għażla waqghet fuq Iris Wollf għax wara li qrajt fuqha, bdejt naqra r-rumanz ‘Lichtungen’ u ssaħħart wara l-użu tal-lingwa tagħha, apparti l-istorja u l-istil partikolari li bih hija rrakkuntata.

 

  1. X’inhi r-relazzjoni tiegħek mal-ilsien Ġermaniż? Minn fejn beda l-interess tiegħek f’dan l-ilsien u kif żviluppa matul iż-żmien?

Jiena Lettur anzjan semi-irtirat tal-Ġermaniz fl-Università ta’ Malta. Il-lingwi minn dejjem kont inħobbhom imma l-Ġermaniż bdejt nistudjah għax kelli ħabib tiegħi li kien qed jistudjah il-‘German Maltese Circle’ u ħajjarni. Meta spiċċajt il-kors, is -sur Victor Sammut, li dak iż-żmien kien segretarju ferm ħabrieki tac-Circle, billi kont ġa għalliem, ħajjarni biex nibda ngħallem hemm billi kont nirbaħ ħafna premjijiet tal-kors u ftit wara irbaħt borża ta’ studju  ta’ sentejn biex insir għalliem tal-Ġermaniż bħala ilsien barrani fil-Goethe Institute ta’ Munich u kif kont hemm, studjajt filgħaxija l-Università ta’ Munich u għamilt l-ogħla eżamijiet fil-lingwa għall-barranin u akkwistajt l-iSprachdiplom , kwalifika internazzjonalment magħrufa. Minn hemm bdejt il-karriera bħala għalliem tal-Ġermaniż fil-Junior Lyceum, tal-Ħandaq, wara fis-sixth-form li mbagħad sar ‘Junior College’ u hemmhekk intagħżilt bħala lettur tal-Ġermaniż. Wara dan bdejt ngħallem fl-Università, minn fejn irtirajt fl-2019, għalkemm għadni nagħti xi lectures dwar it-traduzzjoni Ġermaniż-Ingliż-Malti lill-istudenti tat-tieni sena tal-kors tal-B.A. Hons u Gen. German tad-Dipartiment tal-Ġermaniż. Fuq talba tal-mibki Professur Eynaud, għallimt ukoll  fil-kors tat-traduzzjoni post graduate.

 

  1. Liema huma l-fażijiet differenti li tgħaddi minnhom bejn il-waqt tal-għażla tax-xogħol li trid taqleb għall-Malti u l-waqt meta l-ktieb jiġi ppubblikat?

Għal dan hemm il-fażijiet normali jiġifieri l-ewwel ma nfittex pubblikaturi interessati li jippubblikaw l-ktieb u minnhom nagħżel min itini l-aħjar proposta. Umbagħad infittex qarrej tal-provi li jaf il-Malti sew. Filwaqt li nżomm il-copywright, inħalli f’idejn il-pubblikatur għal dak li għandu x’jaqsam editjar finali, layout, disinn tal-kaver u distribuzzjoni, naturalment dejjem b’konsultazzjoni miegħi.

 

  1. Meta Ġej? hu ambjentat fi żmien storiku partikolari. Dan hu b’hekk rumanz fittizju li hu bbażat fuq eventi storiċi li seħħew fir-realtà. U huwa rrakkuntat retrospettivament. Xi tgħidilna dwar dan?

Hekk hu. Fi żmien meta Caucescu kien qed imexxi lir-Rumanija b’mod tassew dittatorjali. Iris Wollf twieldet hemm u dawn iż-żmenijiet koroh għexithom sa ma kellha għaxar snin. Għalhekk ħasbet fi storja fittizja biex permezz tagħha tagħmel il-kummenti tagħha dwar dawk iż-żmenijiet, b’mod sottili ħafna, taħt forma ta’ ġrajja ta’ mħabba bejn Lev u Kato. L-istil retrospettiv kienet  għazla tagħha għax kif qaltli hi stess, meta kienet Malta għat-tnehdija ta’ ‘Meta Ġej’, li saret waqt il-fiera tal-ktieb f’Novembru li għadda, hi temmen li l-preżent ta’ kull bniedem marbut mal-passat u mal-memorji. Infatti t-titlu oriġinali tal-ktieb ‘Lichtungen’ metaforikament ifisser vjaġġ fil-memorji filwaqt li litteralment bil-lingwa Ġermaniża ifisser dik il-parti tal-foresta fejn ma jkunx hemm siġar. Issa billi f’Malta la għandna foresti u ftit biss siġar, għażilt it-titlu ‘Meta Ġej’ li hija l-mistoqsija li tistaqsi Kato lil Lev fil-kartolini li tibgħatlu.

 

  1. Kull parti mid-disgħa li fiha hu maqsum ir-rumanz hija introdotta minn kwotazzjoni partikolari: mil-letteratura, mill-Bibbja, xi proverbju, xi ħrafa jew xi kanzunetta. Nassumi li din kienet l-għażla ta’ Iris Wolff stess? X’funzjoni għandhom dawn, u kemm taħseb li huma effettivi?

Eżattament . Dan jifforma parti mill-istil partikolari tagħha u barra minn hekk is-sottotitoli fil-ktieb bil-Ġermaniż, huma b’lingwi differenti għax hi temmen ħafna fl-iskambju interkulturali u tema ewlenija tal-ktieb hija l-migrazzjoni u l-problemi kollha li ġġib magħha. Imma jien biex ngħin lill-qarrej Malti qlibthom għall-Malti ukoll.

 

  1. Inti ttraduċejt għall-Malti rumanz ieħor ta’ awtriċi Ġermaniża: In-Nemmies (Der Beobachter, The Watcher, 2011) ta’ Charlotte Link, ippubblikat mill-Horizons fl-2016. X’hemm komuni bejn Meta Ġej? u In-Nemmies, u x’kemm differenti? Liema kien l-ikbar sfida għalik meta ġejt biex taqlibhom għall-Malti? Għaliex?

Huma għal kollox differenti. In-‘Nemmies’ huwa rumanz polizzjesk bi studju dettaljat tal-karattri, filwaqt li ‘Meta Ġej’ huwa storja ta’ mħabba fi żmien id-dittatura ta’ Caucescu, billi Iris Wolff twieldet ir-Rumanija u għexet l-agħar żmien tagħha qabel ma l-ġenituri tagħha ħaduha l-Ġermanja.

L-ikbar sfida tinsab fil-fatt li l-Ġermaniż hu ilsien indo -Ġermaniku filwaqt li l-Malti huwa ilsien semitiku-rumanz, żewġ familji lingwistiċi għal kollox distinti. Sfida oħra kienet l-ambjent tan-‘Nemmies’, ambjent tipiku Ingliz, filwaqt li f’’Meta Ġejt’ insibu l-ambjent tat-Transilvanja-Ġermaniż-Awstrijak. Apparti l-problemi normali tal-lingwa, struttura grammatikali u morfoloġika, idjomi u x’naf jien.

 

  1. Kemm temmen li xogħol it-traduttur huwa importanti inġenerali, imma iktar u iktar fil-kuntest Malti?

Naħseb li huwa importanti ħafna, biex ma ngħidx essenzjali, billi l-letteratura tagħna, meta mqabbla ma’ letteraturi ta’ ilsna oħra, għadha fi stat relattivament bikri u għalhekk li nwasslu lill-qarrejja Maltin qrib awturi kbar tal-letteratura internazzjonali huwa meħtieġ ferm. Kien dan li ppruvajt nagħmel sa minn meta kellha 17-il sena u qlibt l-ewwel rumanz tiegħi mill-Ingliż – ‘Narziss u Goldmund’ ta’ Hermann Hesse. Wara mbagħad, meta kont l-iskola tad-drama kellna bżonn xogħlijiet bil-Malti u għalhekk qlibt għal Malti ‘l-Ors’, il-Ġublew’ u l-‘Ġnien taċ-Ċirasa’ ta’ Anton Chekov għax lili l-awturi Russi jogħġbuni ħafna għax imissu r-ruħ tal-bniedem. Qlibt ukoll ‘Il-ħabel’ ta’ Plautus u ‘L’uomo la bestia e la virtu’ ta’ Luigi Pirandello.

 

  1. X’diffikultajiet wieħed jiltaqa’ magħhom meta jkun qed jaqleb xogħol mill-Ġermaniż, u mhux minn ilsna oħra bħat-Taljan u l-Ingliż?

L-Ingliż huwa ilsien anglo-Sassonu filwaqt li t-Taljan lingwa rumanza. Mill-banda l-oħra, il-Ġermaniż huwa ilsien indo-Ġermaniku u għalhekk it-tliet lingwi huma lingwi minn familji lingwistiċi għal kollox differenti. Minn hemm joħorġu l-isfidi tal-lingwa kollha meta tkun qed taqleb minnhom lejn il-Malti li hija lingwa semitika-rumanza.

 

  1. It-tmiem jista’ jinħass enigmatiku u għalhekk effettiv tassew għax iħalli lill-qarrejja jistaqsu x’seħħ eżattament. Żgur li tispikka r-relazzjoni iben-missier, ix-xewqa li l-iben isib fl-aħħar lill-missier. Xi tgħid dwar dan?

Dwar it-tmiem nghidlek is-sewwa thawwadt jien ukoll imma jekk tpoġġih fil-kuntest tal-mezz stilistiku li tħobb tuża hi jiġifieri dak tal-omission, allura forsi jiftiehem xi ftit aħjar. Iris qed tghid lill-qarrejja intetpretah kif tixtieq int mill-memorji tiegħek….

 

  1. Min hu Alfred Scalpello bħala bniedem? X’inhuma l-attivitajiet tiegħek meta ma tkunx qed taqra jew tikteb?

Alfred Scalpello huwa lettur anzjan tal-Ġermaniż semi-irtirat u nannu ta’ erba’ neputijiet – Luke, Louisa, Emma u Alexandra. Meta ma nkunx qed naqra jew nikteb, inħobb insiefer, nirreċta u nagħmel xogħol ta’ volontarjat ma’ diversi għaqdiet volontarji. Nagħmel ukoll ħafna xogħol bħala interpretu fil-Qrati Maltin u istituzzjonijiet Ewropej u ngħin ħafna lill-Pulizija ta’ Malta u lill-avukati u l-imħallfin. Kultant nara xi film tajjeb jew immur it-tejatru nara xi play tajba. Imma bħalissa flimkien mal-mara qed nagħmel ħafna babysitting!

 

  1. Pjanijiet għall-futur?

Il-futur kaxxa magħluqa imma żgur li se nkompli naqra, ngħallem u nittraduċi. Fil-fatt ġa għandi f’moħħi l-proġett li jmiss imma għalissa ma nixtieqx niżvela xejn dwaru, tifhimni mhux hekk?

 

 

 Minn Patrick Sammut, meħuda mill-Pont, edizzjoni ta’ Lulju 2026.

 

Il-Poeżija ta’ San Ġwann tas-Salib

San Ġwann tas-Salib huwa magħruf bħala wieħed mill-poeti kbar fil-qasam tal-letteratura Spanjola u bħala l-ogħla kittieb tal-poeżija mistika, mhux biss fi Spanja iżda madwar id-dinja kollha. Dan l-għarfien ma seħħx f’daqqa. Kritiċi letterarji bħal Menéndez Pelayo għarfu l-karattru smewwi tal-kitba tiegħu, filwaqt li studji ta’ żmienna juru li l-poeżija tiegħu mhix biss espressjoni spontanja ta’ esperjenza mistika, iżda ħidma artistika elaborata b’ħila letterarja tal-għaġeb.

L-ewwel kuntatt ta’ Juan de Yepes mal-poeżija aktarx seħħ matul is-snin tal-formazzjoni tiegħu f’Medina del Campo. Minkejja dan, l-ewwel tifsil poetiku tiegħu ma wasalx għandna. Il-fatt li Santa Tereża ta’ Ġesù xerrdet fost il-komunitajiet li waqqfet il-versifikazzjoni bħala mezz ta’ espressjoni spiritwali, kemm għall-festi liturġiċi kif ukoll għar-rikreazzjoni komunitarja, seta’ xpruna lil Ġwanni tas-Salib biex jikteb il-poeżija. Hu x’inhu, Ġwanni wasal biex jifhem li l-lingwaġġ simboliku tal-poeżija kien għodda siewja sabiex, dak li jkun, ifisser l-esperjenza kontemplattiva fir-relazzjoni ma’ Alla.

L-aktar żmien għammiel tal-kitba poetika tiegħu kien f’Toledo (1577–78), fil-ħabs. Hemmhekk l-esperjenza tat-tbatija saret għalih għajn ta’ kreattività spiritwali u letterarja. Matul dan iż-żmien huwa kiteb parti kbira mill-opra tiegħu, fosthom ir-Romances dwar it-Trinità, il-poeżija mibnija fuq is-Salm 137 (Super flumina Babylonis), il-kompożizzjoni Għax naf sew l-għajn, kif ukoll l-ewwel wieħed u tletin strofa tal-Kantiku Spiritwali. Wara l-ħarba tiegħu mill-ħabs konventwali, huwa kompla jiżviluppa u jtemm ix-xogħlijiet ewlenin tiegħu sa mewtu fl-1591.

Karatteristika fundamentali tal-poeżija ta’ San Ġwann tas-Salib hija l-għeruq tagħha fil-Kotba Mqaddsa. Il-Bibbja nistgħu ngħidu hija s-sies ewlieni li permezz tiegħu huwa jibni l-espressjoni letterarja tal-esperjenza mistika tiegħu. Fl-istess ħin, huwa kien midħla tal-poeżija Rinaxximentali Spanjola u jidher li kien japprezza kittieba bħal Juan Boscán u Garcilaso de la Vega. Barra minn hekk, huwa spiss adatta kompożizzjonijiet popolari sekulari billi tahom interpretazzjoni spiritwali u Kristoloġika. Eżempju ta’ dan narawh fil-poeżija Ir-Ragħaj Żgħażugħ Waħdu. Hawnhekk għanja pastorali popolari tiġi maħluqa mill-ġdid bħala meditazzjoni fuq l-inkarnazzjoni, il-passjoni u l-mewt ta’ Kristu bħala turija tal-imħabba ta’ Alla għall-umanità, li fil-poeżija tidher b’mod allegoriku fir-rgħajja li ma twassalx lura l-imħabba mogħtija minnu.

Element importanti ieħor huwa li l-poeżija tiegħu hija marbuta mill-qrib mal-mużika. Xhieda ta’ żmienu jgħidu li Ġwanni ta’ spiss kien jgħanni l-versi tiegħu waqt il-vjaġġi jew meta kien jikkontempla s-sbuħija tan-natura. Dan l-element mużikali kien preżenti wkoll fil-komunitajiet Karmelitani fejn il-poeżiji tiegħu kienu ta’ spiss jiġu mqiegħda fuq melodiji oħra sabiex jintużaw mill-komunità. Ma nistgħux ma nsemmux hawnhekk li l-kummentarji li huwa stess kiteb għall-poeżiji ewlenin tiegħu joffru għajnuna li ma tistax tgħaddi mingħajrha jekk trid tifhem il-ħsieb teoloġiku u mistiku li minnhom ħarġu l-versi tiegħu.

Ix-xogħlijiet poetici ewlenin huma dawn:

  1. Il-Kantiku Spiritwali (Cántico Espiritual)
    Dan huwa wieħed mill-kapolavuri tal-letteratura mistika Nisranija. Il-poeżija tieħu l-forma ta’ djalogu bejn ir-ruħ u Kristu bħala l-Għarus divin, ispirat mill-Għanja tal-Għanjiet. Tiddeskrivi l-mixja tar-ruħ fit-tfittxija tagħha għal għaqda perfetta ma’ Alla. Il-Kantiku jasal għandna f’żewġ verżjonijiet, il-Kantiku A u l-Kantiku B, fejn id-differenza bejniethom hija żieda ta’ strofa waħda u tranġar tas-sezzjoni tan-nofs. San Ġwann tas-Salib ikkompona l-Kantiku B biex jimxi mal-kummentarju.
  2. Il-Lejl Mudlam (Noche Oscura)
    Din il-poeżija tfisser il-proċess tat-tisfija spiritwali li permezz tiegħu ir-ruħ tgħaddi minn lejl mudlam ġewwieni sabiex tasal għall-għaqda ma’ Alla. Il-“lejl” jirrappreżenta t-tisfija kemm tas-sensi kif ukoll tar-ruħ, u hija kemm attiva kif ukoll passiva.
  3. Il-Fjamma Ħajja tal-Imħabba (Llama de Amor Viva)
    F’din il-poeżija, Ġwanni jfisser jew aħjar jesprimi l-istat tal-għaqda mistika diġà milħuqa, ma’ Alla. Hawnhekk l-imħabba ta’ Alla taħdem fir-ruħ bħal fjamma ħajja li tittrasformaha bis-sħiħ.
  4. Strofi dwar estażi ta’ kontemplazzjoni l-aktar għolja (Coplas: Entréme donde no supe)
    Il-poeżija tesprimi l-paradoss tal-għarfien mistiku: aktar ma’ l-bniedem jidħol ’il ġewwa fil-misteru ta’ Alla, aktar jagħraf il-limitazzjonijiet tal-għarfien tiegħu ta’ bniedem. Il-poeżija nistgħu ngħidu li hija meditazzjoni fuq Alla li jisboq kull għarfien tal-bniedem u fuq il-karattru ineffabbli tal-esperjenza mistika.
  5. Ngħix, imma mhux fija nnifsi (Coplas: Vivo sin Vivir en Mi)
    Din il-poeżija tesprimi x-xewqa eskatoloġika tar-ruħ li titlaq mill-kundizzjoni tagħha ta’ ħlejqa tal-art sabiex tgħix fil-milja tal-ħajja ta’ Alla. Il-versi ta’ din il-poeżija huma ispirati mill-kliem ta’ San Pawl “Ngħix mhux jien, imma huwa Kristu li jgħix fija.” (Gal. 2: 20)
  6. Ħriġt infittex l-imħabba (A lo divino: Tras de un amoroso lance)
    Hawnhekk San Ġwann tas-Salib jurina kif ir-ruħ li titlaq tfittex lil Alla b’imħabba kbira tidħol fi vjaġġ iebes u li jitlob sagrifiċċju. Minkejja dan, il-poeżija turi li r-ruħ ma taqtax qalbha. Fl-aħħar tasal biex tingħaqad ma’ Alla, li hu l-ogħla għan tagħha. Il-poeżija turi li min jafda f’Alla u jintelaq bis-sħiħ fil-Maħbub isib il-ferħ u l-milja vera.
  7. Ragħaj waħdu (A lo divino: Un pastorcico)
    F’din il-poeżija ħelwa San Ġwann tas-Salib juża x-xbieha ta’ ragħaj li waħdu jħobb ħafna lill-maħbuba tiegħu, sabiex jgħanni l-imħabba ta’ Kristu għall-ġens tal-bnedmin. Iżda l-imħabba tiegħu ma tiġix milqugħa kif jixraq. Minkejja n-nuqqas ta’ mħabba li jirċievi, dan ir-ragħaj jibqa’ jħobb sal-aħħar u saħansitra sal-mewt. Il-poeżija tgħanni l-għotja ta’ Kristu fuq is-salib u fl-imħabba tiegħu bla tmiem għall-bniedem.
  8. Għax naf sew l-Għajn (Cantar del alma: Que bien sé yo la fuente)
    Permezz tas-simbolu tal-għajn, il-poeta jikkontempla l-ħajja intima ta’ Alla. L-għajn hija minn dejjem u ma tintemmx, bla bidu u bla tmiem, filwaqt li t-tliet nixxigħat tagħha jirreferu b’mod poetiku għall-persuni tat-Trinità Qaddisa.
  9. Ir-Romances
    Dawn il-poeżiji jippreżentaw b’mod narrattiv u poetiku l-ġrajja tas-salvazzjoni, li tibda mill-eternità fi ħdan it-Trinità u twassal għat-tlaħħim fostna tal-Verb. Minkejja li mil-laqta letterarja u poetika, dawn huma inqas irfinati minn xogħlijiet oħra ta’ Ġwanni, xorta huma ta’ importanza kbira għall-ħsieb teoloġiku li fihom.

It-Traduzzjoni bil-Malti
Matul dawn l-aħħar snin tista’ tgħid b’ritmu kostanti miċ-ċentinarju tal-1992, il-Provinċja Karmelitana Tereżjana ħasbet biex tippubblika l-kitbiet ta’ Ġwanni tas-Salib. F’dan il-proġett insibu l-Kantiku Spiritwali maqlub minn Mons. Lawrenz Cachia; It-Telgħa tal-Għolja Karmel, Il-Lejl Mudlam, Il-Massimi u s-Sentenzi Spiritwali minn P. Anġeliku Busuttil, OCD u l-Fjamma ħajja ta’ Mħabba minn P. Wistin Vella, OCD. Ma’ dawn jiżdiedu Il-Ġawhar u s-Sentenzi maqlubin għall-Malti minn Dun Alwiġ Camilleri. Ħidma oħra tal-qlib għall-Malti ta’ xi poeżiji minn kittieba oħrajn baqgħet ma ġietx mitbugħa jew ġiet mitbugħa f’edizzjonijiet limitati, bħal fil-każ tal-Kantiku Spiritwali B maqlub għall-Malti minn P. Hugh Mallia, O.Carm. u mitbugħ f’Ruma fl-1980. Kif jikteb P. Hugh fid-daħla “Il-poeżija ta’ San Ġwann tas-Salib hija biċċa xogħol iebsa għal min irid jaqlibha f’xi lsien ieħor. Inżid li hija wisq aktar iebsa minn traduzzjoni ta’ poeżija ta’ xi awtur ieħor.” Dan għaliex minbarra li San Ġwann tas-Salib “laħaq il-quċċata tal-arti,” “il-versi tiegħu idoqqu b’armonija tas-sema.” Raġuni oħra hija li l-poeżiji l-kbar tiegħu huma kkummentati. Għaldaqstant kulmin jidħol għall-biċċa xogħol tat-traduzzjoni irid ikun jaf sewwa t-tifsira li kellu f’moħħu l-poeta sabiex ikun jista’ jaqleb fi lsien ieħor il-poeżija. F’kelma waħda il-kummentarju jorbtok.

F’din il-ġabra qegħdin inġibu għaldaqstant il-poeżiji kollha ta’ San Ġwann tas-Salib maqlubin għall-Malti mill-edituri kif ukoll minn P. Hugh Mallia, O.Carm. u mis-Sa Rita Grima. Uħud minn dawn it-traduzzjonijiet saru għall-użu personali, mill-Ispanjol, u għaldaqstant xi wħud mill-poeżiji qed jingħataw f’verzjonijiet differenti bil-Malti. Għal dawk li kienu diġà mitbugħa inkitbet nota li turi dan. Il-bqija tal-poeżiji ġew maqlubin għal din l-edizzjoni. B’għażla editorjali, il-poeżiji qegħdin jiġu ppreżentati kronoloġikament skont is-snin li fihom inkitbu, skont il-fehma tal-istudjużi u l-kritiċi kkwotati fl-edizzjoni kritika B.A.C. diġà kkowtata.

It-traduzzjonijiet hawnhekk miġbura jirriflettu diversi laqtiet u metodoloġiji fil-qlib tal-poeżija ta’ San Ġwann tas-Salib għall-Malti, u nistgħu ngħidu li kull waħda minnhom tagħfas fuq aspett jew ieħor tal-oriġinal Spanjol. L-għażla, konxja jew le tat-tradutturi, iddur mal-mistoqsija dejjiema ta’ x’għandu jagħmel it-traduttur: jaqleb il-forma jew il-kontenut fil-poeżija? Hemm min għażel li t-traduzzjoni tkun aktar ixxaqleb lejn it-test oriġinali. Dan għamluh billi żammu kemm jista’ jkun il-kliem, is-sintassi u l-istruttura tal-poeżija oriġinali. Nistgħu inqisu dawn bħala letterali, filoloġiċi jew mibnija fuq il-prinċipju tal-ekwivalenza formali. Oħrajn iżommu fl-għoli l-kontenut semantiku u l-isfumaturi tat-tifsira, filwaqt li jħallu spazju għal ftit adattament lingwistiku sabiex it-test jinħass aktar naturali fil-Malti. B’din l-għażla jxaqilbu lejn it-traduzzjoni semantika jew fidila. Għażla oħra li nsibu f’din il-ġabra hija dik li tqiegħed fil-qalba tax-xogħol il-ħtieġa li l-poeżija tibqa’ poeżija ukoll fil-Malti. Jinħass l-isforz f’dawn it-traduzzjonijiet li jinħoloq mill-ġdid ir-ritmu, il-mużikalità, l-immaġinarju u l-qawwa emottiva tal-vers. F’dawn il-każi nistgħu inqisuhom bħala traduzzjoni poetika, jew dak li jissejjaħ trasferiment kreattiv. Hawnhekk it-traduttur mhux sempliċiment qed jagħżel triq tan-nofs bejn il-fedeltà lejn l-oriġinal u l-ħolqien ta’ test b’ħajja letterarja awtonoma fil-Malti. Kull verżjoni tirrappreżenta interpretazzjoni leġittima tal-istess oriġinal poetiku.

Il-pitturi li jakkumpanjaw il-poeżija huma tal-artist Fernando Cidoncha li din is-sena tella’ wirja, The Inner Garden, ġewwa Firenze ispirata mill-kitbiet mistiċi ta’ San Ġwann tas-Salib u mistiċi oħrajn u li ġentilment laqa’ t-talba tagħna li l-pitturi tiegħu jiġu mitbugħa mal-poeżija ta’ San Ġwann tas-Salib. Inħallu lilu jfissrilna dawn il-pitturi:

“Għandi ngħid li s-serje kienet fil-fatt influwenzata ħafna minn San Ġwann. Għalkemm ma ġietx maħsuba bħala illustrazzjoni diretta tal-poeżija, l-atmosfera kollha tax-xogħol, kif ukoll ħafna mix-xbihat li jidhru fih, ġejjin b’mod qawwi minn dik id-dinja: ir-ruħ bħala ġnien, il-Maħbub moħbi, iċ-ċerv, ir-rebbiegħa, l-għajn, il-funtana, ir-riħ, il-volpi u ċ-ċaqliq aħħari lejn l-għaqda.

Għalija, is-serje għandha tip ta’ narrattiva. Fl-ewwel pittura, ir-ruħ tkun rieqda ġewwa l-ġnien u ċ-ċerv jidħol bil-kwiet. Nara dan bħala l-ewwel żjara tal-Maħbub: xi ħaġa tidħol fid-dinja ġewwinija tar-ruħ u tibdilha, anki qabel ma r-ruħ tifhem x’ġara. Diġà hemm laqgħa, iżda hemm ukoll sens ta’ nuqqas, għaliex il-Maħbub minnufih jistaħba. Il-figura bajda turi r-ruħ. Hija vulnerabbli, għarwiena, u kważi mhux kompluta, bħallikieku tappartjeni aktar għal spazju ġewwieni jew spiritwali milli għar-realtà ordinarja. Hija tfittex, tistenna, tisma’, u bil-mod il-mod tinbidel minn dak li tiltaqa’ miegħu. Il-kulur blu tal-pitturi huwa wkoll importanti għalija: huwa tip ta’ atmosfera ta’ xewqa u misteru. Huwa l-ispazju li fih timxi r-ruħ waqt li l-Maħbub għadu moħbi.

Wara dan l-ewwel waqt, iċ-ċerv jibqa’ moħbi fil-masġar u r-ruħ tibda ddur fil-ġnien. Il-ġnien ikun inbidel. Waslet ir-rebbiegħa, dehret ħajja ġdida, iżda r-ruħ għadha ma tafx minn fejn ġiet din il-bidla. Qed tipprova tifhem x’ġab il-ħajja lura fil-ġnien, fejn jinsab l-għajn tagħha, u x’tifsira għandha din il-preżenza ġdida. Dan jgħaqqad b’mod dirett ħafna mal-bidu tal-Kantiku Spiritwali: “Fejn ħbejt lilek innifsek, u ħallejtni fil-karbiet tiegħi, o Maħbub?” Dan huwa partikolarment importanti fil-pittura tar-riħ: ir-ruħ tinsab fi stat ta’ xewqa profonda, kważi qed tisma’ lill-ġnien, tipprova tagħraf minn fejn ġej dan il-moviment u dan it-tiġdid.

Ir-ruħ tistaqsi lid-dinja maħluqa għall-ħjiel li ħalla warajh il-Maħbub: “O boskijiet u għollieq, imħawla minn id il-Maħbub!” u mbagħad, “Għiduli, għadda minn ħdejkom?” Inħoss li dan huwa wkoll dak li jiġri fil-pitturi. Is-siġar, l-annimali, il-fjuri, l-ilma, l-għasafar u r-riħ huma kollha sinjali. Huma parti mill-ħajja ġewwinija tar-ruħ, u fl-istess ħin jindikaw lil hinn minnhom infushom.

Din hija waħda mir-raġunijiet għaliex ir-rabta ma’ San Ġwann tidher tant naturali għalija. Il-pitturi tiegħi huma marbuta ħafna man-natura, iżda mhux biss b’mod deskrittiv. Tinteressani n-natura bħala xi ħaġa simbolika u spiritwali: bħala lingwaġġ ta’ trasformazzjoni, xewqa u preżenza moħbija. Dan il-mod kif wieħed jara n-natura bħala mimlija bil-preżenza ta’ Alla huwa qrib ħafna ta’ dak li kont qed nipprova nistħarreġ f’din is-serje.

Il-funtana hija immaġni oħra fil-qalba tas-serje. F’waħda mill-pitturi, ir-ruħ tiġi mmexxija lejn l-ilma, li jsir l-għajn tal-ħajja li daħlet fil-ġnien. San Ġwann jikteb: “O għajn kristallina,” u jitlob li l-għajnejn mixtieqa tal-Maħbub jidhru fuq wiċċha. Għalija, l-għajn jew l-għadira hija l-post fejn ir-ruħ tista’ fl-aħħar tidħol fil-misteru li ilha tfittex.

L-aħħar pittura timxi b’mod aktar ċar lejn l-għaqda. Ir-ruħ m’għadhiex sempliċiment iddur jew tfittex. Hija ġiet mibdula mil-laqgħa. Fl-aħħar immaġni, ir-ruħ tkun ġiet trasformata u l-figuri jkunu flimkien ġewwa tip ta’ kastell interjuri jew ġnien magħluq. Għalija, dan huwa l-post tal-intimità wara t-tfittxija: ir-ruħ u l-Maħbub flimkien f’dar ġewwinija. Dan jintrabat ma’ dak il-waqt fil-Kantiku Spiritwali fejn San Ġwann jikteb “L-għarusa daħlet fil-ġnien ħelu u mixtieq, u hemm tistrieħ skont ix-xewqa ta’ qalbha.”

Għal din ir-raġuni, inkun tassew hieni jekk il-pitturi jakkumpanjaw il-pubblikazzjoni tagħkom. Naħseb li jistgħu jidħlu f’djalogu siewi ma’ San Ġwann tas-Salib, speċjalment għaliex jaqsmu din l-istess dinja simbolika.”

Għeluq
Il-poeżija ta’ San Ġwann tas-Salib tirrappreżenta sintesi straordinarja bejn teoloġija, mistika u arti letterarja. Permezz ta’ simboli, allegoriji u lingwaġġ poetiku raffinat u fin, irnexxielu jesprimi realtà li, min-natura tagħha stess, tmur lil hinn mill-kapaċità tal-ilsien tal-bniedem. Għalhekk, il-kitbiet ta’ San Ġwann tas-Salib jibqgħu mhux biss monument letterarju taż-Żmien tad-Deheb Spanjol, iżda wkoll iqegħduh bħala wieħed mill-ogħla esponenti tal-letteratura spiritwali Nisranija ta’ kull żmien.
Jalla din il-pubblikazzjoni tal-poeżiji bil-Malti twassal lill-qarrejja sabiex iduqu mill-benna tal-armonija tas-sema sa minn din l-art, fil-qalba ta’ ruħhom hemm fejn il-Maħbub iqum mistrieħ.

L-Edituri
Glen Attard
Charló Camilleri, O.Carm.
Carmelite Institute Malta