1. Għaliex l-għażla tiegħek biex tittraduċi għal Malti waqgħet fuq dan ir-rumanz tal-awtriċi relattivament żagħżugħa Iris Wolff?

L-ewwelnett Patrick għandek tkun taf li qabel ma ddeċidejt li naqleb dan ir-rumanz ta’ Iris Wollf, wara s-suċċess li kelli bin-‘Nemmies’,  kont qlibt għall-Malti rumanz polizzjesk ieħor tal-awtriċi Ġermaniża, internazzjonalment magħrufa, Charlotte Link,  jiġifieri ‘Die Suche’ li tajtu l-isem Malti ‘Is-Sejba’. Iżda, ironikament, minkejja dan l-isem, x’aktarx minħabba t-tul tiegħu, ma stajtx insib pubblikatur lest li jippubblikah, għad li għandu storja intriganti ħafna u bħas-soltu tmiem mhux mistenni. Għalhekk bdejt infittex awtriċi li tikteb rumanzi iqsar u l-għażla waqghet fuq Iris Wollf għax wara li qrajt fuqha, bdejt naqra r-rumanz ‘Lichtungen’ u ssaħħart wara l-użu tal-lingwa tagħha, apparti l-istorja u l-istil partikolari li bih hija rrakkuntata.

 

  1. X’inhi r-relazzjoni tiegħek mal-ilsien Ġermaniż? Minn fejn beda l-interess tiegħek f’dan l-ilsien u kif żviluppa matul iż-żmien?

Jiena Lettur anzjan semi-irtirat tal-Ġermaniz fl-Università ta’ Malta. Il-lingwi minn dejjem kont inħobbhom imma l-Ġermaniż bdejt nistudjah għax kelli ħabib tiegħi li kien qed jistudjah il-‘German Maltese Circle’ u ħajjarni. Meta spiċċajt il-kors, is -sur Victor Sammut, li dak iż-żmien kien segretarju ferm ħabrieki tac-Circle, billi kont ġa għalliem, ħajjarni biex nibda ngħallem hemm billi kont nirbaħ ħafna premjijiet tal-kors u ftit wara irbaħt borża ta’ studju  ta’ sentejn biex insir għalliem tal-Ġermaniż bħala ilsien barrani fil-Goethe Institute ta’ Munich u kif kont hemm, studjajt filgħaxija l-Università ta’ Munich u għamilt l-ogħla eżamijiet fil-lingwa għall-barranin u akkwistajt l-iSprachdiplom , kwalifika internazzjonalment magħrufa. Minn hemm bdejt il-karriera bħala għalliem tal-Ġermaniż fil-Junior Lyceum, tal-Ħandaq, wara fis-sixth-form li mbagħad sar ‘Junior College’ u hemmhekk intagħżilt bħala lettur tal-Ġermaniż. Wara dan bdejt ngħallem fl-Università, minn fejn irtirajt fl-2019, għalkemm għadni nagħti xi lectures dwar it-traduzzjoni Ġermaniż-Ingliż-Malti lill-istudenti tat-tieni sena tal-kors tal-B.A. Hons u Gen. German tad-Dipartiment tal-Ġermaniż. Fuq talba tal-mibki Professur Eynaud, għallimt ukoll  fil-kors tat-traduzzjoni post graduate.

 

  1. Liema huma l-fażijiet differenti li tgħaddi minnhom bejn il-waqt tal-għażla tax-xogħol li trid taqleb għall-Malti u l-waqt meta l-ktieb jiġi ppubblikat?

Għal dan hemm il-fażijiet normali jiġifieri l-ewwel ma nfittex pubblikaturi interessati li jippubblikaw l-ktieb u minnhom nagħżel min itini l-aħjar proposta. Umbagħad infittex qarrej tal-provi li jaf il-Malti sew. Filwaqt li nżomm il-copywright, inħalli f’idejn il-pubblikatur għal dak li għandu x’jaqsam editjar finali, layout, disinn tal-kaver u distribuzzjoni, naturalment dejjem b’konsultazzjoni miegħi.

 

  1. Meta Ġej? hu ambjentat fi żmien storiku partikolari. Dan hu b’hekk rumanz fittizju li hu bbażat fuq eventi storiċi li seħħew fir-realtà. U huwa rrakkuntat retrospettivament. Xi tgħidilna dwar dan?

Hekk hu. Fi żmien meta Caucescu kien qed imexxi lir-Rumanija b’mod tassew dittatorjali. Iris Wollf twieldet hemm u dawn iż-żmenijiet koroh għexithom sa ma kellha għaxar snin. Għalhekk ħasbet fi storja fittizja biex permezz tagħha tagħmel il-kummenti tagħha dwar dawk iż-żmenijiet, b’mod sottili ħafna, taħt forma ta’ ġrajja ta’ mħabba bejn Lev u Kato. L-istil retrospettiv kienet  għazla tagħha għax kif qaltli hi stess, meta kienet Malta għat-tnehdija ta’ ‘Meta Ġej’, li saret waqt il-fiera tal-ktieb f’Novembru li għadda, hi temmen li l-preżent ta’ kull bniedem marbut mal-passat u mal-memorji. Infatti t-titlu oriġinali tal-ktieb ‘Lichtungen’ metaforikament ifisser vjaġġ fil-memorji filwaqt li litteralment bil-lingwa Ġermaniża ifisser dik il-parti tal-foresta fejn ma jkunx hemm siġar. Issa billi f’Malta la għandna foresti u ftit biss siġar, għażilt it-titlu ‘Meta Ġej’ li hija l-mistoqsija li tistaqsi Kato lil Lev fil-kartolini li tibgħatlu.

 

  1. Kull parti mid-disgħa li fiha hu maqsum ir-rumanz hija introdotta minn kwotazzjoni partikolari: mil-letteratura, mill-Bibbja, xi proverbju, xi ħrafa jew xi kanzunetta. Nassumi li din kienet l-għażla ta’ Iris Wolff stess? X’funzjoni għandhom dawn, u kemm taħseb li huma effettivi?

Eżattament . Dan jifforma parti mill-istil partikolari tagħha u barra minn hekk is-sottotitoli fil-ktieb bil-Ġermaniż, huma b’lingwi differenti għax hi temmen ħafna fl-iskambju interkulturali u tema ewlenija tal-ktieb hija l-migrazzjoni u l-problemi kollha li ġġib magħha. Imma jien biex ngħin lill-qarrej Malti qlibthom għall-Malti ukoll.

 

  1. Inti ttraduċejt għall-Malti rumanz ieħor ta’ awtriċi Ġermaniża: In-Nemmies (Der Beobachter, The Watcher, 2011) ta’ Charlotte Link, ippubblikat mill-Horizons fl-2016. X’hemm komuni bejn Meta Ġej? u In-Nemmies, u x’kemm differenti? Liema kien l-ikbar sfida għalik meta ġejt biex taqlibhom għall-Malti? Għaliex?

Huma għal kollox differenti. In-‘Nemmies’ huwa rumanz polizzjesk bi studju dettaljat tal-karattri, filwaqt li ‘Meta Ġej’ huwa storja ta’ mħabba fi żmien id-dittatura ta’ Caucescu, billi Iris Wolff twieldet ir-Rumanija u għexet l-agħar żmien tagħha qabel ma l-ġenituri tagħha ħaduha l-Ġermanja.

L-ikbar sfida tinsab fil-fatt li l-Ġermaniż hu ilsien indo -Ġermaniku filwaqt li l-Malti huwa ilsien semitiku-rumanz, żewġ familji lingwistiċi għal kollox distinti. Sfida oħra kienet l-ambjent tan-‘Nemmies’, ambjent tipiku Ingliz, filwaqt li f’’Meta Ġejt’ insibu l-ambjent tat-Transilvanja-Ġermaniż-Awstrijak. Apparti l-problemi normali tal-lingwa, struttura grammatikali u morfoloġika, idjomi u x’naf jien.

 

  1. Kemm temmen li xogħol it-traduttur huwa importanti inġenerali, imma iktar u iktar fil-kuntest Malti?

Naħseb li huwa importanti ħafna, biex ma ngħidx essenzjali, billi l-letteratura tagħna, meta mqabbla ma’ letteraturi ta’ ilsna oħra, għadha fi stat relattivament bikri u għalhekk li nwasslu lill-qarrejja Maltin qrib awturi kbar tal-letteratura internazzjonali huwa meħtieġ ferm. Kien dan li ppruvajt nagħmel sa minn meta kellha 17-il sena u qlibt l-ewwel rumanz tiegħi mill-Ingliż – ‘Narziss u Goldmund’ ta’ Hermann Hesse. Wara mbagħad, meta kont l-iskola tad-drama kellna bżonn xogħlijiet bil-Malti u għalhekk qlibt għal Malti ‘l-Ors’, il-Ġublew’ u l-‘Ġnien taċ-Ċirasa’ ta’ Anton Chekov għax lili l-awturi Russi jogħġbuni ħafna għax imissu r-ruħ tal-bniedem. Qlibt ukoll ‘Il-ħabel’ ta’ Plautus u ‘L’uomo la bestia e la virtu’ ta’ Luigi Pirandello.

 

  1. X’diffikultajiet wieħed jiltaqa’ magħhom meta jkun qed jaqleb xogħol mill-Ġermaniż, u mhux minn ilsna oħra bħat-Taljan u l-Ingliż?

L-Ingliż huwa ilsien anglo-Sassonu filwaqt li t-Taljan lingwa rumanza. Mill-banda l-oħra, il-Ġermaniż huwa ilsien indo-Ġermaniku u għalhekk it-tliet lingwi huma lingwi minn familji lingwistiċi għal kollox differenti. Minn hemm joħorġu l-isfidi tal-lingwa kollha meta tkun qed taqleb minnhom lejn il-Malti li hija lingwa semitika-rumanza.

 

  1. It-tmiem jista’ jinħass enigmatiku u għalhekk effettiv tassew għax iħalli lill-qarrejja jistaqsu x’seħħ eżattament. Żgur li tispikka r-relazzjoni iben-missier, ix-xewqa li l-iben isib fl-aħħar lill-missier. Xi tgħid dwar dan?

Dwar it-tmiem nghidlek is-sewwa thawwadt jien ukoll imma jekk tpoġġih fil-kuntest tal-mezz stilistiku li tħobb tuża hi jiġifieri dak tal-omission, allura forsi jiftiehem xi ftit aħjar. Iris qed tghid lill-qarrejja intetpretah kif tixtieq int mill-memorji tiegħek….

 

  1. Min hu Alfred Scalpello bħala bniedem? X’inhuma l-attivitajiet tiegħek meta ma tkunx qed taqra jew tikteb?

Alfred Scalpello huwa lettur anzjan tal-Ġermaniż semi-irtirat u nannu ta’ erba’ neputijiet – Luke, Louisa, Emma u Alexandra. Meta ma nkunx qed naqra jew nikteb, inħobb insiefer, nirreċta u nagħmel xogħol ta’ volontarjat ma’ diversi għaqdiet volontarji. Nagħmel ukoll ħafna xogħol bħala interpretu fil-Qrati Maltin u istituzzjonijiet Ewropej u ngħin ħafna lill-Pulizija ta’ Malta u lill-avukati u l-imħallfin. Kultant nara xi film tajjeb jew immur it-tejatru nara xi play tajba. Imma bħalissa flimkien mal-mara qed nagħmel ħafna babysitting!

 

  1. Pjanijiet għall-futur?

Il-futur kaxxa magħluqa imma żgur li se nkompli naqra, ngħallem u nittraduċi. Fil-fatt ġa għandi f’moħħi l-proġett li jmiss imma għalissa ma nixtieqx niżvela xejn dwaru, tifhimni mhux hekk?

 

 

 Minn Patrick Sammut, meħuda mill-Pont, edizzjoni ta’ Lulju 2026.