Il-Poeżija ta’ San Ġwann tas-Salib
San Ġwann tas-Salib huwa magħruf bħala wieħed mill-poeti kbar fil-qasam tal-letteratura Spanjola u bħala l-ogħla kittieb tal-poeżija mistika, mhux biss fi Spanja iżda madwar id-dinja kollha. Dan l-għarfien ma seħħx f’daqqa. Kritiċi letterarji bħal Menéndez Pelayo għarfu l-karattru smewwi tal-kitba tiegħu, filwaqt li studji ta’ żmienna juru li l-poeżija tiegħu mhix biss espressjoni spontanja ta’ esperjenza mistika, iżda ħidma artistika elaborata b’ħila letterarja tal-għaġeb.
L-ewwel kuntatt ta’ Juan de Yepes mal-poeżija aktarx seħħ matul is-snin tal-formazzjoni tiegħu f’Medina del Campo. Minkejja dan, l-ewwel tifsil poetiku tiegħu ma wasalx għandna. Il-fatt li Santa Tereża ta’ Ġesù xerrdet fost il-komunitajiet li waqqfet il-versifikazzjoni bħala mezz ta’ espressjoni spiritwali, kemm għall-festi liturġiċi kif ukoll għar-rikreazzjoni komunitarja, seta’ xpruna lil Ġwanni tas-Salib biex jikteb il-poeżija. Hu x’inhu, Ġwanni wasal biex jifhem li l-lingwaġġ simboliku tal-poeżija kien għodda siewja sabiex, dak li jkun, ifisser l-esperjenza kontemplattiva fir-relazzjoni ma’ Alla.
L-aktar żmien għammiel tal-kitba poetika tiegħu kien f’Toledo (1577–78), fil-ħabs. Hemmhekk l-esperjenza tat-tbatija saret għalih għajn ta’ kreattività spiritwali u letterarja. Matul dan iż-żmien huwa kiteb parti kbira mill-opra tiegħu, fosthom ir-Romances dwar it-Trinità, il-poeżija mibnija fuq is-Salm 137 (Super flumina Babylonis), il-kompożizzjoni Għax naf sew l-għajn, kif ukoll l-ewwel wieħed u tletin strofa tal-Kantiku Spiritwali. Wara l-ħarba tiegħu mill-ħabs konventwali, huwa kompla jiżviluppa u jtemm ix-xogħlijiet ewlenin tiegħu sa mewtu fl-1591.
Karatteristika fundamentali tal-poeżija ta’ San Ġwann tas-Salib hija l-għeruq tagħha fil-Kotba Mqaddsa. Il-Bibbja nistgħu ngħidu hija s-sies ewlieni li permezz tiegħu huwa jibni l-espressjoni letterarja tal-esperjenza mistika tiegħu. Fl-istess ħin, huwa kien midħla tal-poeżija Rinaxximentali Spanjola u jidher li kien japprezza kittieba bħal Juan Boscán u Garcilaso de la Vega. Barra minn hekk, huwa spiss adatta kompożizzjonijiet popolari sekulari billi tahom interpretazzjoni spiritwali u Kristoloġika. Eżempju ta’ dan narawh fil-poeżija Ir-Ragħaj Żgħażugħ Waħdu. Hawnhekk għanja pastorali popolari tiġi maħluqa mill-ġdid bħala meditazzjoni fuq l-inkarnazzjoni, il-passjoni u l-mewt ta’ Kristu bħala turija tal-imħabba ta’ Alla għall-umanità, li fil-poeżija tidher b’mod allegoriku fir-rgħajja li ma twassalx lura l-imħabba mogħtija minnu.
Element importanti ieħor huwa li l-poeżija tiegħu hija marbuta mill-qrib mal-mużika. Xhieda ta’ żmienu jgħidu li Ġwanni ta’ spiss kien jgħanni l-versi tiegħu waqt il-vjaġġi jew meta kien jikkontempla s-sbuħija tan-natura. Dan l-element mużikali kien preżenti wkoll fil-komunitajiet Karmelitani fejn il-poeżiji tiegħu kienu ta’ spiss jiġu mqiegħda fuq melodiji oħra sabiex jintużaw mill-komunità. Ma nistgħux ma nsemmux hawnhekk li l-kummentarji li huwa stess kiteb għall-poeżiji ewlenin tiegħu joffru għajnuna li ma tistax tgħaddi mingħajrha jekk trid tifhem il-ħsieb teoloġiku u mistiku li minnhom ħarġu l-versi tiegħu.
Ix-xogħlijiet poetici ewlenin huma dawn:
-
Il-Kantiku Spiritwali (Cántico Espiritual)
Dan huwa wieħed mill-kapolavuri tal-letteratura mistika Nisranija. Il-poeżija tieħu l-forma ta’ djalogu bejn ir-ruħ u Kristu bħala l-Għarus divin, ispirat mill-Għanja tal-Għanjiet. Tiddeskrivi l-mixja tar-ruħ fit-tfittxija tagħha għal għaqda perfetta ma’ Alla. Il-Kantiku jasal għandna f’żewġ verżjonijiet, il-Kantiku A u l-Kantiku B, fejn id-differenza bejniethom hija żieda ta’ strofa waħda u tranġar tas-sezzjoni tan-nofs. San Ġwann tas-Salib ikkompona l-Kantiku B biex jimxi mal-kummentarju. - Il-Lejl Mudlam (Noche Oscura)
Din il-poeżija tfisser il-proċess tat-tisfija spiritwali li permezz tiegħu ir-ruħ tgħaddi minn lejl mudlam ġewwieni sabiex tasal għall-għaqda ma’ Alla. Il-“lejl” jirrappreżenta t-tisfija kemm tas-sensi kif ukoll tar-ruħ, u hija kemm attiva kif ukoll passiva. - Il-Fjamma Ħajja tal-Imħabba (Llama de Amor Viva)
F’din il-poeżija, Ġwanni jfisser jew aħjar jesprimi l-istat tal-għaqda mistika diġà milħuqa, ma’ Alla. Hawnhekk l-imħabba ta’ Alla taħdem fir-ruħ bħal fjamma ħajja li tittrasformaha bis-sħiħ. - Strofi dwar estażi ta’ kontemplazzjoni l-aktar għolja (Coplas: Entréme donde no supe)
Il-poeżija tesprimi l-paradoss tal-għarfien mistiku: aktar ma’ l-bniedem jidħol ’il ġewwa fil-misteru ta’ Alla, aktar jagħraf il-limitazzjonijiet tal-għarfien tiegħu ta’ bniedem. Il-poeżija nistgħu ngħidu li hija meditazzjoni fuq Alla li jisboq kull għarfien tal-bniedem u fuq il-karattru ineffabbli tal-esperjenza mistika. - Ngħix, imma mhux fija nnifsi (Coplas: Vivo sin Vivir en Mi)
Din il-poeżija tesprimi x-xewqa eskatoloġika tar-ruħ li titlaq mill-kundizzjoni tagħha ta’ ħlejqa tal-art sabiex tgħix fil-milja tal-ħajja ta’ Alla. Il-versi ta’ din il-poeżija huma ispirati mill-kliem ta’ San Pawl “Ngħix mhux jien, imma huwa Kristu li jgħix fija.” (Gal. 2: 20) - Ħriġt infittex l-imħabba (A lo divino: Tras de un amoroso lance)
Hawnhekk San Ġwann tas-Salib jurina kif ir-ruħ li titlaq tfittex lil Alla b’imħabba kbira tidħol fi vjaġġ iebes u li jitlob sagrifiċċju. Minkejja dan, il-poeżija turi li r-ruħ ma taqtax qalbha. Fl-aħħar tasal biex tingħaqad ma’ Alla, li hu l-ogħla għan tagħha. Il-poeżija turi li min jafda f’Alla u jintelaq bis-sħiħ fil-Maħbub isib il-ferħ u l-milja vera. - Ragħaj waħdu (A lo divino: Un pastorcico)
F’din il-poeżija ħelwa San Ġwann tas-Salib juża x-xbieha ta’ ragħaj li waħdu jħobb ħafna lill-maħbuba tiegħu, sabiex jgħanni l-imħabba ta’ Kristu għall-ġens tal-bnedmin. Iżda l-imħabba tiegħu ma tiġix milqugħa kif jixraq. Minkejja n-nuqqas ta’ mħabba li jirċievi, dan ir-ragħaj jibqa’ jħobb sal-aħħar u saħansitra sal-mewt. Il-poeżija tgħanni l-għotja ta’ Kristu fuq is-salib u fl-imħabba tiegħu bla tmiem għall-bniedem. - Għax naf sew l-Għajn (Cantar del alma: Que bien sé yo la fuente)
Permezz tas-simbolu tal-għajn, il-poeta jikkontempla l-ħajja intima ta’ Alla. L-għajn hija minn dejjem u ma tintemmx, bla bidu u bla tmiem, filwaqt li t-tliet nixxigħat tagħha jirreferu b’mod poetiku għall-persuni tat-Trinità Qaddisa. - Ir-Romances
Dawn il-poeżiji jippreżentaw b’mod narrattiv u poetiku l-ġrajja tas-salvazzjoni, li tibda mill-eternità fi ħdan it-Trinità u twassal għat-tlaħħim fostna tal-Verb. Minkejja li mil-laqta letterarja u poetika, dawn huma inqas irfinati minn xogħlijiet oħra ta’ Ġwanni, xorta huma ta’ importanza kbira għall-ħsieb teoloġiku li fihom.
It-Traduzzjoni bil-Malti
Matul dawn l-aħħar snin tista’ tgħid b’ritmu kostanti miċ-ċentinarju tal-1992, il-Provinċja Karmelitana Tereżjana ħasbet biex tippubblika l-kitbiet ta’ Ġwanni tas-Salib. F’dan il-proġett insibu l-Kantiku Spiritwali maqlub minn Mons. Lawrenz Cachia; It-Telgħa tal-Għolja Karmel, Il-Lejl Mudlam, Il-Massimi u s-Sentenzi Spiritwali minn P. Anġeliku Busuttil, OCD u l-Fjamma ħajja ta’ Mħabba minn P. Wistin Vella, OCD. Ma’ dawn jiżdiedu Il-Ġawhar u s-Sentenzi maqlubin għall-Malti minn Dun Alwiġ Camilleri. Ħidma oħra tal-qlib għall-Malti ta’ xi poeżiji minn kittieba oħrajn baqgħet ma ġietx mitbugħa jew ġiet mitbugħa f’edizzjonijiet limitati, bħal fil-każ tal-Kantiku Spiritwali B maqlub għall-Malti minn P. Hugh Mallia, O.Carm. u mitbugħ f’Ruma fl-1980. Kif jikteb P. Hugh fid-daħla “Il-poeżija ta’ San Ġwann tas-Salib hija biċċa xogħol iebsa għal min irid jaqlibha f’xi lsien ieħor. Inżid li hija wisq aktar iebsa minn traduzzjoni ta’ poeżija ta’ xi awtur ieħor.” Dan għaliex minbarra li San Ġwann tas-Salib “laħaq il-quċċata tal-arti,” “il-versi tiegħu idoqqu b’armonija tas-sema.” Raġuni oħra hija li l-poeżiji l-kbar tiegħu huma kkummentati. Għaldaqstant kulmin jidħol għall-biċċa xogħol tat-traduzzjoni irid ikun jaf sewwa t-tifsira li kellu f’moħħu l-poeta sabiex ikun jista’ jaqleb fi lsien ieħor il-poeżija. F’kelma waħda il-kummentarju jorbtok.
F’din il-ġabra qegħdin inġibu għaldaqstant il-poeżiji kollha ta’ San Ġwann tas-Salib maqlubin għall-Malti mill-edituri kif ukoll minn P. Hugh Mallia, O.Carm. u mis-Sa Rita Grima. Uħud minn dawn it-traduzzjonijiet saru għall-użu personali, mill-Ispanjol, u għaldaqstant xi wħud mill-poeżiji qed jingħataw f’verzjonijiet differenti bil-Malti. Għal dawk li kienu diġà mitbugħa inkitbet nota li turi dan. Il-bqija tal-poeżiji ġew maqlubin għal din l-edizzjoni. B’għażla editorjali, il-poeżiji qegħdin jiġu ppreżentati kronoloġikament skont is-snin li fihom inkitbu, skont il-fehma tal-istudjużi u l-kritiċi kkwotati fl-edizzjoni kritika B.A.C. diġà kkowtata.
It-traduzzjonijiet hawnhekk miġbura jirriflettu diversi laqtiet u metodoloġiji fil-qlib tal-poeżija ta’ San Ġwann tas-Salib għall-Malti, u nistgħu ngħidu li kull waħda minnhom tagħfas fuq aspett jew ieħor tal-oriġinal Spanjol. L-għażla, konxja jew le tat-tradutturi, iddur mal-mistoqsija dejjiema ta’ x’għandu jagħmel it-traduttur: jaqleb il-forma jew il-kontenut fil-poeżija? Hemm min għażel li t-traduzzjoni tkun aktar ixxaqleb lejn it-test oriġinali. Dan għamluh billi żammu kemm jista’ jkun il-kliem, is-sintassi u l-istruttura tal-poeżija oriġinali. Nistgħu inqisu dawn bħala letterali, filoloġiċi jew mibnija fuq il-prinċipju tal-ekwivalenza formali. Oħrajn iżommu fl-għoli l-kontenut semantiku u l-isfumaturi tat-tifsira, filwaqt li jħallu spazju għal ftit adattament lingwistiku sabiex it-test jinħass aktar naturali fil-Malti. B’din l-għażla jxaqilbu lejn it-traduzzjoni semantika jew fidila. Għażla oħra li nsibu f’din il-ġabra hija dik li tqiegħed fil-qalba tax-xogħol il-ħtieġa li l-poeżija tibqa’ poeżija ukoll fil-Malti. Jinħass l-isforz f’dawn it-traduzzjonijiet li jinħoloq mill-ġdid ir-ritmu, il-mużikalità, l-immaġinarju u l-qawwa emottiva tal-vers. F’dawn il-każi nistgħu inqisuhom bħala traduzzjoni poetika, jew dak li jissejjaħ trasferiment kreattiv. Hawnhekk it-traduttur mhux sempliċiment qed jagħżel triq tan-nofs bejn il-fedeltà lejn l-oriġinal u l-ħolqien ta’ test b’ħajja letterarja awtonoma fil-Malti. Kull verżjoni tirrappreżenta interpretazzjoni leġittima tal-istess oriġinal poetiku.
Il-pitturi li jakkumpanjaw il-poeżija huma tal-artist Fernando Cidoncha li din is-sena tella’ wirja, The Inner Garden, ġewwa Firenze ispirata mill-kitbiet mistiċi ta’ San Ġwann tas-Salib u mistiċi oħrajn u li ġentilment laqa’ t-talba tagħna li l-pitturi tiegħu jiġu mitbugħa mal-poeżija ta’ San Ġwann tas-Salib. Inħallu lilu jfissrilna dawn il-pitturi:
“Għandi ngħid li s-serje kienet fil-fatt influwenzata ħafna minn San Ġwann. Għalkemm ma ġietx maħsuba bħala illustrazzjoni diretta tal-poeżija, l-atmosfera kollha tax-xogħol, kif ukoll ħafna mix-xbihat li jidhru fih, ġejjin b’mod qawwi minn dik id-dinja: ir-ruħ bħala ġnien, il-Maħbub moħbi, iċ-ċerv, ir-rebbiegħa, l-għajn, il-funtana, ir-riħ, il-volpi u ċ-ċaqliq aħħari lejn l-għaqda.
Għalija, is-serje għandha tip ta’ narrattiva. Fl-ewwel pittura, ir-ruħ tkun rieqda ġewwa l-ġnien u ċ-ċerv jidħol bil-kwiet. Nara dan bħala l-ewwel żjara tal-Maħbub: xi ħaġa tidħol fid-dinja ġewwinija tar-ruħ u tibdilha, anki qabel ma r-ruħ tifhem x’ġara. Diġà hemm laqgħa, iżda hemm ukoll sens ta’ nuqqas, għaliex il-Maħbub minnufih jistaħba. Il-figura bajda turi r-ruħ. Hija vulnerabbli, għarwiena, u kważi mhux kompluta, bħallikieku tappartjeni aktar għal spazju ġewwieni jew spiritwali milli għar-realtà ordinarja. Hija tfittex, tistenna, tisma’, u bil-mod il-mod tinbidel minn dak li tiltaqa’ miegħu. Il-kulur blu tal-pitturi huwa wkoll importanti għalija: huwa tip ta’ atmosfera ta’ xewqa u misteru. Huwa l-ispazju li fih timxi r-ruħ waqt li l-Maħbub għadu moħbi.
Wara dan l-ewwel waqt, iċ-ċerv jibqa’ moħbi fil-masġar u r-ruħ tibda ddur fil-ġnien. Il-ġnien ikun inbidel. Waslet ir-rebbiegħa, dehret ħajja ġdida, iżda r-ruħ għadha ma tafx minn fejn ġiet din il-bidla. Qed tipprova tifhem x’ġab il-ħajja lura fil-ġnien, fejn jinsab l-għajn tagħha, u x’tifsira għandha din il-preżenza ġdida. Dan jgħaqqad b’mod dirett ħafna mal-bidu tal-Kantiku Spiritwali: “Fejn ħbejt lilek innifsek, u ħallejtni fil-karbiet tiegħi, o Maħbub?” Dan huwa partikolarment importanti fil-pittura tar-riħ: ir-ruħ tinsab fi stat ta’ xewqa profonda, kważi qed tisma’ lill-ġnien, tipprova tagħraf minn fejn ġej dan il-moviment u dan it-tiġdid.
Ir-ruħ tistaqsi lid-dinja maħluqa għall-ħjiel li ħalla warajh il-Maħbub: “O boskijiet u għollieq, imħawla minn id il-Maħbub!” u mbagħad, “Għiduli, għadda minn ħdejkom?” Inħoss li dan huwa wkoll dak li jiġri fil-pitturi. Is-siġar, l-annimali, il-fjuri, l-ilma, l-għasafar u r-riħ huma kollha sinjali. Huma parti mill-ħajja ġewwinija tar-ruħ, u fl-istess ħin jindikaw lil hinn minnhom infushom.
Din hija waħda mir-raġunijiet għaliex ir-rabta ma’ San Ġwann tidher tant naturali għalija. Il-pitturi tiegħi huma marbuta ħafna man-natura, iżda mhux biss b’mod deskrittiv. Tinteressani n-natura bħala xi ħaġa simbolika u spiritwali: bħala lingwaġġ ta’ trasformazzjoni, xewqa u preżenza moħbija. Dan il-mod kif wieħed jara n-natura bħala mimlija bil-preżenza ta’ Alla huwa qrib ħafna ta’ dak li kont qed nipprova nistħarreġ f’din is-serje.
Il-funtana hija immaġni oħra fil-qalba tas-serje. F’waħda mill-pitturi, ir-ruħ tiġi mmexxija lejn l-ilma, li jsir l-għajn tal-ħajja li daħlet fil-ġnien. San Ġwann jikteb: “O għajn kristallina,” u jitlob li l-għajnejn mixtieqa tal-Maħbub jidhru fuq wiċċha. Għalija, l-għajn jew l-għadira hija l-post fejn ir-ruħ tista’ fl-aħħar tidħol fil-misteru li ilha tfittex.
L-aħħar pittura timxi b’mod aktar ċar lejn l-għaqda. Ir-ruħ m’għadhiex sempliċiment iddur jew tfittex. Hija ġiet mibdula mil-laqgħa. Fl-aħħar immaġni, ir-ruħ tkun ġiet trasformata u l-figuri jkunu flimkien ġewwa tip ta’ kastell interjuri jew ġnien magħluq. Għalija, dan huwa l-post tal-intimità wara t-tfittxija: ir-ruħ u l-Maħbub flimkien f’dar ġewwinija. Dan jintrabat ma’ dak il-waqt fil-Kantiku Spiritwali fejn San Ġwann jikteb “L-għarusa daħlet fil-ġnien ħelu u mixtieq, u hemm tistrieħ skont ix-xewqa ta’ qalbha.”
Għal din ir-raġuni, inkun tassew hieni jekk il-pitturi jakkumpanjaw il-pubblikazzjoni tagħkom. Naħseb li jistgħu jidħlu f’djalogu siewi ma’ San Ġwann tas-Salib, speċjalment għaliex jaqsmu din l-istess dinja simbolika.”
Għeluq
Il-poeżija ta’ San Ġwann tas-Salib tirrappreżenta sintesi straordinarja bejn teoloġija, mistika u arti letterarja. Permezz ta’ simboli, allegoriji u lingwaġġ poetiku raffinat u fin, irnexxielu jesprimi realtà li, min-natura tagħha stess, tmur lil hinn mill-kapaċità tal-ilsien tal-bniedem. Għalhekk, il-kitbiet ta’ San Ġwann tas-Salib jibqgħu mhux biss monument letterarju taż-Żmien tad-Deheb Spanjol, iżda wkoll iqegħduh bħala wieħed mill-ogħla esponenti tal-letteratura spiritwali Nisranija ta’ kull żmien.
Jalla din il-pubblikazzjoni tal-poeżiji bil-Malti twassal lill-qarrejja sabiex iduqu mill-benna tal-armonija tas-sema sa minn din l-art, fil-qalba ta’ ruħhom hemm fejn il-Maħbub iqum mistrieħ.
L-Edituri
Glen Attard
Charló Camilleri, O.Carm.
Carmelite Institute Malta

