INTERVISTA MA’ THERESE VELLA DWAR DAK LI TIŻRA’, TAĦSAD

  1. Meta u minn fejn twieldet l-idea li tikteb rumanz ambjentat fil-futur bħal dan?

Din l-istorja ilha tberren f’moħħi minn meta miet missieri, jiġifieri 36 sena. Daqs 10 snin wara temmejt l-ewwel draft. Kont viċin li nippublikah imma minħabba l-aspett politiku ġejt avżata nerġa’ nduru. Tfajtu fil-kexxun u fl-2017 erġajt dortu madankollu kien kollu ta’ xejn għax għalkemm tajt ismijiet fittizji baqa’ jingħaraf min hu aħmar u min hu blu. Dan iż-żmien u dawn ir-rewrites kollha kienu l-“psikologu” li kelli bżonn sabiex inġerraħ it-telfa ta’ missieri. Kien hawn li fl-aħħar stajt nikteb l-istorja b’moħħ aktar miftuħ u matur mingħajr sens ta’ vendetta.

Illum għandi 50 sena u wara tant esperjenzi nħoss li l-libertà tal-kelma fil-veru sens tal-kelma la qatt kien hawn u lanqas qatt se jkun hawn. Fejn jidħlu politika, reliġjonijiet u forsi anke t-tims tal-futbol, la tista’ tkun oġġettiv wisq anqas suġġettiv. Kienet din ir-raġuni prinċipali li nambjentah fil-futur.

  1. Interessanti l-fatt li filwaqt li r-rumanziera storiċi Maltin ħarsu lejn l-imgħoddi biex jiktbu dwar is-sitwazzjoni preżenti tagħhom, inti toħodna fil-ġejjieni biex titkellem dwar ħwejjeġ li ma jogħġbukx illum fil-preżent tagħna. Xi tgħid dwar dan?

Illum bl-inteliġenza artifiċjali l-ħajja ħadet pass mgħaġġel u nafu li għaddejijn minn żmien fejn qed iseħħ bdil kbir f’qasir żmien b’mod speċjali fil-pajjiżi żviluppati – bħan-nuqqas ta’ valuri, l-imigrazzjoni, gwerer varji u l-mod kif qed nabbużaw mill-ambjent.

Bħala kittieb jew poeta diffiċli tiġi taqa’ u tqum minn dan kollu mingħajr ma taħseb fil-futur.

  1. Fir-rumanz tiegħek jissemma rumanz importanti bħalma huwa Brave New World ta’ Aldous Huxley. Xi rwol kellu xogħol bħal dan fil-kitba tar-rumanz tiegħek? Qrajt iktar xogħlijiet ta’ dan it-tip u x’laqtek fihom?

Kienet l-ittra ta’ Huxley lil George Orwell li laqtitni l-aktar. L-ittra li rriferejt għaliha fl-ewwel kapitlu tal-ktieb. Dak li kiteb Aldous Huxley xebbahtu ma’ kif qed ngħixu llum – kulħadd aljenat jipprova jlaħħaq mal-ħajja u l-kapriċċi li saru bżonn. Donnu dan l-istil ta’ ħajja mhu xejn ħlief pjan sabiex jaljenana mill-hidden agenda ta’ min qed jieħu d-deċiżjonijiet f’isimna, f’isem pajjiżna u tad-dinja.

Xogħlijiet simili li qrajt huma bla dubju, 1984 u Animal Farm ta’ George Orwell. Influwenzawni wkoll il-films, Hunger Games u The Stanford Prison Experiment, esperiment li seħħ tassew fl-1971. Laqtitni l-imġieba umana meta tingħata l-poter: egoista, insensibbli, arroganti – prepotenti.

  1. F’Dak li tiżra’, taħsad timmaġina wkoll kif tista’ tkun Malta (taħt l-isem fittizzju ta’ Mahar) minn hawn u 60 – 100 sena oħra, anki bħala konsegwenza ta’ dak li qed iseħħ fiha llum. Kemm hu veru dan?

Mahar mhijiex Malta taħt isem fittizju imma taħlita ta’ pajjiżi. L-istorja hi miktuba aktar mill-aspett tal-pajjiżi Oċċidentali / Demokratiċi, inkluża Malta.

Dak li ktibt mhuwiex dak li realment jien naħseb għad ser jiġri. Nibża’ li l-konsegwenzi se jkunu ħafna aktar agħar jekk ma nagħtux importanza lit-tradizzjonijiet tagħna, il-valuri u jekk mhux se nagħtu prijorità lill-ambjent.

  1. Inħoss li f’dan ir-rumanz hemm ħafna mill-vjaġġi jew permanenzi tiegħek f’pajjiżi oħra barra, ħafna ikbar u iktar avvanzati minn Malta. Kemm hu minnu dan?

Kollu minnu għax bħalma għedt, Mahar hu taħlita ta’ pajjiżi. Pajjiżi fejn jiena għext. Iva akbar minn Malta u forsi wħud huma aktar avvanzati minna wkoll imma mhux kollha u żgur mhux f’kollox. Bħalma jgħidu t-Taljani: tutto il mondo è paese. Kull pajjiż għandu t-tajjeb u l-ħażin.

  1. Hemm preżenti wkoll it-tematika ambjentalistika: naqraw dwar baħar imniġġes, ir-ramel lewn ġir tat-tikħil, ir-riħa tinten barra, imma anki dwar l-Unjoni Globali u Oħtna l-Kbira. Hu interessanti dan iż-‘żwieġ’ bejn din it-tematika u l-letteratura miktuba mill-pinna ta’ awtriċi. Reazzjonijiet tiegħek, u minn fejn joriġina dan kollu?

Għamilt disa’ snin ngħix fil-Lvant Nofsani u fir-rumanz daħħalt ħafna minn dak li għext hemm: bħar-ramel qisu tajn taħt is-saqajn minħabba li għext fuq “gżira” magħmula mill-bniedem u l-bini dejjem għaddej. L-arja mniġġsa mis-cement u l-ġir, mill-exhaust tal-generators, trakkijiet u xarabanks qodma tal-ħaddiema.

Hemm kollox kien ikkontrollat. Minħabba f’hekk konna nħossuna qisna f’xi programm bħal The Big Brother jew The Truman Show. Minn hawn oriġinat Oħtna l-Kbira għalkemm fir-rakkont din għandha rwol pożittiv. Daħħalt l-Unjoni Globali minħabba li llum dejjem nitkellmu fuq il-globalizazzjoni. Fit-tieni parti hemm ħafna wishful thinking. Ma nafx kemm għad ikun hemm unjoni u għaqdiet li jipproteġu l-interessi tal-popli u tal-pajjiżi. M’għadx għandi fiduċja f’min jieħu d-deċiżjonijiet. Jista’ jkun minħabba li mhux qed nara l-istampa sħiħa, jew qed inkun pessimista, jew kbirt u bdejt ingerger, ma nafx!

  1. Fir-rumanz inti bħal tipproponi numru ta’ soluzzjonijiet għall-problemi preżenti: il-bini żejjed li jitwaqqa’ biex jerġgħu jinħolqu spazji miftuħa u ħodor, u l-assoċjazzjoni Dinja Aħjar għal Kulħadd (DAK). Ħsibijiet tiegħek?

Il-veru problema hi li meta jkun hemm proposta ta’ xi ħaġa li tista’ tassew tkun ta’ soluzzjoni, jittella’ ħajt difensiv. Għal kull soluzzjoni hemm skuża. Mentri l-veru raġuni hi dejjem il-flus – kemm ħa jkolli qliegħ? Dinja aħjar għal kulħadd tista’ tinkiseb faċilment imma fl-istess ħin impossibli sakemm nibqgħu niddefendu l-iżbalji tal-politiċi u nkomplu nħallu l-politika tifridna.

  1. Hemm ukoll waqtiet meta dan ix-xogħol jieħu l-forma ta’ rumanz investigattiv. Element ewlieni ieħor huwa r-rwol tal-ħolm, imwassal permezz tal-korsiv. Għaliex dan?

Il-ħolma f’pġ. 87, ħlomtha tassew u ħlomtha tliet darbiet dejjem l-istess. Wara mewtu, lil missieri ħassejtu viċin tiegħi aktar minn qatt qabel. Bħal donnu kelli entità dejjem maġenbi. F’ħajti lħaqt għanijiet li waħdi ma kienx se jirnexxili nikseb. Daqshekk ieħor ħriġt minn sitwazzjonijiet perikolużi (uħud imsemmija f’pġ. 185), li għad m’għandix spjegazzjoni għalihom. Għalhekk daħal l-irwol tal-ħolm għax forsi dan ir-rumanz ktibnieh jien u missieri flimkien.

  1. Naqraw partijiet bħar-referenza minn The Merchant of Venice ta’ Shakespeare li tgħid “the sins of the father are to be laid upon the children” (p. 76), jew “Bniedem bi spirtu ħażin qatt mhu kuntent. Jgħix fil-biża’ u ddisprat… Dik hi l-ġustizzja…” (p. 213) X’taħseb dwar il-bżonn li jkun hawn iktar rumanzi impenjati bħal dan, anki mill-pinna ta’ kittieba nisa?

Il-bżonn l-ewwel u qabel kollox hu li n-nies taqra għax kull ktieb għandu xi ħaġa x’jagħtina. Nemmen li kull awtur jikteb stejjer xi ftit jew wisq influwenzati mill-esperjenzi ta’ ħajtu waqt li jiġi ispirat mill-ambjent ta’ madwaru. Dan ir-rumanz ħareġ minn emozzjoni profonda. Minn esperjenza kerha li kellha impatt qawwi f’ħajti. Huma ħafna n-nies li għaddew minn esperjenzi daqstant jew ħafna aktar emozzjonali imma mhux kulħadd iħossu komdu jaqsam mumenti tant personali u jippubblikahom.

Imbagħad hemm il-fatt tal-kritika u l-ġudizzju. Aħna pajjiż żgħir, kulħadd jaf lil kulħadd u faċli tiġi ġġudikat.

Immaġina: Rabia e Orgoglio ta’ Oriana Fallaci jew Sons and Lovers ta’ D.H. Lawrence (li għalkemm kkritikati kellhom suċċess kbir), kieku nkitbu minn awturi nisa Maltin illum, kif kienu jintlaqgħu?

  1. X’inhi r-reazzjoni tiegħek quddiem dan il-kumment?: il-personaġġi nisa fir-rumanz jintrabtu ma’ karatteristiċi bħall-armonija u l-imħabba, filwaqt li l-personaġġi rġiel jintrabtu iktar ma’ firda, dittatura, poter u l-bqija.

Kulħadd jitwieled bil-karatteristiċi individwali tiegħu irrispettivament hux raġel jew mara. Maż-żmien il-karattri jassorbu l-esperjenzi tal-ħajja b’konsegwenza li jinfluwenzaw l-imġieba tagħna. Fl-ewwel parti l-personaġġi, b’mod speċjali l-irġiel, huma marbuta ma’ sentimenti negattivi bħalma huma wkoll il-karatteristiċi ta’ Żejna u Tita, li għalkemm nisa, għandhom karattru mhux li tant issejjaħlu ta’ armonija. Dawn il-personaġġi trabbew fi żmien ta’ dittatura u l-irġiel kellhom xogħol ta’ awtorità. Assimilajt dawn il-karatteristiċi minħabba s-snin oskuri li għexu fihom. Imġieba li forsi kienet ukoll mod ta’ sopravivenza.

L-intervista ta’
PATRICK SAMMUT
(Mejju 2023)