Il-fil narrattiv ma jeżistix waħdu. Huwa l-prodott u t-tinsiġ flimkien ma’ ambjentazzjoni u karatterizzazzjoni. Huwa t-tiflil flimkien ma’ ħsibijiet, emozzjonijiet u qagħdiet mentali varji. Hawnhekk l-awtur – in-nissieġ tal-fil tal-istorja ma jistax jaħrab minn dawn it-tisripiet li fihom huwa jara lill-istess erwieħ tal-protagonisti tiegħu. Il-protagonisti li jixirfu minn żmien għal żmien fin-narrattivi tiegħu – narrattivi li jsawru minnhom infushom qagħdiet mentali ħelwin, sielma u rassiguranti daqskemm skabrużi u inkwetanti.
U dan huwa sewwa sew li jagħmel Joe Camilleri, kittieb u promotur tal-ħsieb u d-disinn uniku, li waqt li jkun qiegħed jinseġ in-narrattivi tiegħu ma jafx ma jiqafx biex jara lil dik u lil oħra, lil dak u lil ieħor, f’ambjentazzjonijiet u qagħdiet speċifiċi li juru sewwa sew wisq aktar mid-dawl fil-kantini – il-kantini ta’ dak li jgħaddi mis-sottorenitajiet ta’ ruħna – dawk il-kantini li fihom aħna nitkellmu magħna nfusna u f’dan it-tiklim aħna nsawru lill-istess ruħna. Fuq barra, imbagħad, aħna nitkellmu dwar karattri, u l-imkejjen fejn dawn il-karattri jpassu ngħidulu l-ambjent – l-ambjentazzjoni.
Il-persona li qiegħda tirrakkonta dawn l-istejjer huwa persona b’għajnejn għarriexa mhux biss għal dak li qiegħed jiġri fil-madwar u għaldaqstant jidher, imma wkoll dak li qiegħed jiġri fil-qiegħ nett subkonxjuż ta’ dawn l-istess personaġġi. Personaġġi li jiffullaw lill-ambjenti Għawdxin u li jgħixu d-dwalijiet u l-oskuritajiet ta’ ġo fihom hekk kif ipassu minn imkien għal ieħor, u jitkellmu jgħajtu dwar dak li jkun qiegħed jiġri f’ruħhom – il-beżgħat, t-trepidazzzjonijiet, id-dwejjaqijiet u l-ispiritwalitajiet varji ta’ ġo fihom.
Hemm traġedji għaddejjin f’dawn il-personaġġi. Daqskemm hemm stejjer ta’ fidwar f’dawn il-karattri. Huma traġedji daqskemm fidwiet li l-persona li qiegħda tinnnarra konxja tagħhom u konxja tagħhom sew. Għax fl-introspezzjonijiet tiegħu huwa jirnexxilu jagħraf mhux biss lilu nnifsu, imma wkoll lil dawk ta’ madwaru. In-nies tad-demm u l-laħam li l-ħin kollu fl-istess mixjiet u qagħdiet tagħhom jitkellmu u jitkellmu jgħajtu, anke meta jkunu siekta.
U dan Joe Camilleri jagħmlu u jagħmlu tajjeb. Anzi tajjeb ħafna. Għaliex lil hinn mill-fenomenoloġija li jara għaddejja quddiemu hekk kif bniedem jiltaqa’ ma’ bniedem jew bniedem jiġi kkantonat u mwarrab, huwa jagħraf jisma’ u jisma’. U f’dan it-tismigħ hemm il-lingwa – lingwa li huwa kiseb, sawwar u bena matul meddet iż-żmien fl-istess idjomatiċità tagħha, idjomatiċità li hija Għawdxija daqs l-istess blat samm li jsawwar lil din il-gżira. Hija dik is-sintattiċità li l-persona bena matul meddet is-snin, biex b’hekk huwa jirnexxilu mhux biss jagħraf dak li qiegħed jiġri madwaru, imma wkoll ġo fih – u b’hekk il-madwar jiġi l-ġewwieni u l-ġewwieni u l-madwar joħolqu dawn in-narrattivi – dawn il-frammenti narratorji. Dawn it-thewdiniet il-kbar ta’ eżistenzi varji li aħna naraw, mhux dejjem bil-mod kospikwu li jarahom in-narratur.
Il-persona ta’ dawn in-narrattivi, waqtiet bħal qisu jagħraf jiddistakka ruħu minn dawk it-thewdiniet li jkunu għaddejjin fil-qiegħ subkonxjuż tal=karattri tiegħu, u jgħaddi huwa wkoll biex ikun l-interpretu, hekk kif juża l-lingwa ta’ min jaf janalizza, ta’ min jaf jinterpreta, ta’ min jaf jitkellem fuq dak li jkun għaddej f’qiegħ dawn il-personalitajiet. U dan bil-ħaqq u s-sewwa meta wieħed iqis li Joe Camilleri huwa kritiku tal-arti daqskemm tal-letteratura, u għaldaqstant jiġu waqtiet meta l-vuċi tal-karattri – il-fil narrattiv – jieħu fih u minnu nnifsu dawk ix-xejriet interpretttivi – xejriet li jitolbu lingwaġġ differenti – lingwaġġ li kif nafu għandu bixra u xejra oħra minn dik li wieħed ikun qiegħed juża fl-att krettiv tan-narrazzjoni.
Il-kitbiet li jagħtina Joe Camilleri huma kitbiet mexxejja, sempliċi, profondi, ċari, b’tali mod u manjiera li din il-profondità tasal għandna bl-aktar mod li aħna nkunu nistgħu nagħrfuha, nivvalorizzawha u nieħdu gost biha. Hemm narrattiva għaddejja li nistgħu ngħidu tintħiet il-ħin kollu bejn storja u oħra, qagħda u oħra, stat u ieħor – li lkoll flimkien isawru nisġa li titfa’ dawl fuqna l-bnedmin li ngħixu f’dawn il-gżejjer.
Dan kollu jgħinna biex fil-ħinijiet tagħna, aħna nkunu nistgħu nissieħbu ma’ erwieħ oħra ta’ madwarna u magħhom, aħna nkunu nistgħu nifhmu xi ftit minn dawn it-travalji varji tal-ħajja – travalji li konxjament u subkonxjament għaddejjin il-ħin kollu jsawru l-fenomenoloġħija tal-ħajja.
Dawn huma n-novelli:
Ix-xitan li ħabbat biebhom; Kannestri bil-fjuri; Kwarantina; Ċaqlembuta; Il-kelb u l-poeta; Lutfana; Vanġelu tal-ħobż; F’dis-siegħa sewda; Il-mara li kienet mara; Qanfud fiċ-ċella f’daru; Loniċera; Għajnejn ġawhar leqqiena; In-nannu miet!; B’sens ta’ rġulija!; Villa għall-kwiet.
Dawn huma xi siltiet:
Sema’ ċaqliq u ħsejjes ġejjin minn isfel. It-taħbir ta’ qalbu tektiklu li kien inqala’ xi saram. Qam minn fuq il-pultruna, qasam il-pjan, u beda nieżel it-taraġ bil-lajma, mgħawweġ la ġenba biex b’idejh it-tnejn ikun jista’ jaħfen il-poġġaman waqt li jmidd sieq wara sieq. Minn nofs il-medda tat-taraġ seta’ jilmaħ xi nies liebsa lbies protettiv, b’nuċċali wiesa’ quddiem għajnejhom u b’maskra taċ-ċarruta tgħattilhom il-parti t’isfel ta’ wiċċhom. (Ix-xitan li ħabbat biebhom, p. 15)
Tasal tkarkar b’vann qadim. Tipparkjah għall-ġenb minnu tqandel il-kannestri b’tiżwiqa ta’ fjuri. Friski u żnelli b’rashom merfugħa għax maqtugħa kmieni kmieni mat-tbexbix mir-raba’ mżerżaq ta’ taħt il-kenn tal-għolja. Tarma fil-mogħdija li tagħti għaċ-ċimiterju. (Kannestri bil-fjuri, p. 35)
Ftit taż-żmien ilu kienu raħħmulu biex waqt dar-Randan issir purċissjoni votiva bl-istatwa titulari. ‘Wegħda biex il-protettur tagħna jħarisna mill-coronavirus,’ kienu ssuġġerewlu. Hu kien żamm iebes għax emmen li purċisssjoni mat-toroq ewlenin tar-raħal kienet ixxelliflu difru mal-awtoritajiet. Kienet tkun tentazzjoni u kalamita biex in-nies tixref barra. Kien jaf sewwa li x-xbieha tal-qaddis tasal tistordi lir-raħlin u titfagħhom f’ewforija. U bħalissa kien hemm ħtieġa li wieħed iżomm rasu fuq għonqu. Li jirraġuna b’moħħu u ma jitkaxkarx mit-taħbit ta’ qablu. It-taħlit kien ta’ periklu li jkattar sitwazzjoni li diġà kienet waħda ta’ tħassib.” (Vanġelu tal-ħobż, p.107)
Il-qorriegħa ta’ rasu tnemmel. Iħokk u jħokk. Mhux biss fil-ġilda tal-kranju ħotba. Imma ħakk ma’ ġismu kollu. Qris fi qris. Qisu n-nemus dar għalih. U jsieħbu lil din l-persekuzzjoni fitta, fwawar fi fwarar. Telgħin jitmewġu minn sidru. Mal-lehġa tan-nifs li ħassu jrid jinqatagħlu. […] Dan l-aħħar kien mirkub minn sintomi strambi li qatt ma ħasshom qabel. Nuqqas ta’ sabar jimxi miegħu qisu l-eku ta’ passih mal-erba’ kmamar ta’ daru. M’għandux ħila jtawwal ftit minuti mal-mejda biex inaqqar xi ħaġa tal-ikel għax kull darba jkollu jqum idur u jdur, jonfoħ u jonfoħ fil-vojt. (Qanfud fiċ-ċella f’daru, p. 153)
Ta’ kuljum, il-mara tterraq l-istess triq. Dejjem fl-istess ħinijiet. L-aktar waqt li l-ommijiet ikunu miġbura qaqoċċa jzekzku u jtaqtqu fuq kull fettuqa li tfaqqas f’rashom huma u jistennew lil uliedhom joħorġu frattarija waħda x’ħin jitberraħ bieb l-iskola. Il-mara tibqa’ għaddejja dritta bla kliem u bla sliem. … Ma tqis lil ħadd. Tislima ma tixrifx. Qisha ma taf lil ħadd. Timxi b’rasha merfugħa. Għajnejha mwaħħla ’l quddiem fil-baħħ. […] Tassew li ma kinitx ilha wisq li tfaċċat f’dawn l-inħawi. Inqalgħet minn xi mkien ieħor. Il-mixja dritta dirtta tagħha ma kinitx ta’ xi waħda mistħija. Il-klikka ta’ fuq il-bankina tal-anqas stenniet serqa ta’ ħarsa ħafifa lejhom minn taħt. Inkella tislima jew tbissima. Jekk ma kellhomx xi faħam miblul, il-barranin li jaqbżu fir-raħal kienu mistennija li jibdew jersqu u jindiehsu ma’ tal-lokal. Jekk mhux għal ħaġa oħra biex ikunu jistgħu jistħarrġu għawwarhom jgħarblu jekk jilqgħuhom bħal ta’ ġewwa. Jew jerfgħulhom kitfejhom. Il-kliem bħaċ-ċirasa u naqra naqra jsiru jafu liema riħ ikun tefagħhom f’dik il-ħara. (Għajnejn ġawhar leqqiena, p179)
U n-nannu qatt ma tela’ xejn għal rasu. Dejjem baqa’ jxidd il-qalziet li kien fassallu r-raħal umli. L-Għawdxi sod, ħabriek, ħawtiel u onest li emmen li min jerfa’ mnieħru, in-nies ma tibqax taħmlu. Għalhekk libes dejjem ir-raġel tad-dawl u tat-tbissima. Kelma ma jitlaqhiex qabel jiżinha. Jigdem ilsienu jekk jagħraf li tista’ toħroġ vleġġa. Aħjar tislima milli tħaġġira, kien jgħid qaddisu. U l-bniedem tat-tislima kien jaf inewwel driegħ ta’ rifda lil kulħadd. Jimxi l-pass dritt tal-irġulija. Ma jgħallet lil ħadd. Ma jqarraq b’ħadd biex qatt ma jkollu xi jħammarlu wiċċu. (In-Nannu Miet, p. 187.)
Nagħlaq billi ngħid, li kitbiet ta’ dan it-tip, għallinqas ħafna minnhom, għandhom ikunu testi li jgħinu lil kull ġenerazzjoni ta’ qarrejja Maltin, mhux biss għall-mod kif inhuma miktuba, imma wkoll għall-mod kif dawn jgħinuna nissieħbu ma’ ħaddieħor, b’mod speċjali fi żminijiet meta r-relazzjonar bejnietna l-bnedmin bħal qisu qiegħed jonqos. Nawgura lil Joe Camilleri aktar kitbiet ta’ dan it-tip, filwaqt li fl-istess ħin nissuġġerixxi l-qari ta’ dawn in-novelli, flimkien ma’ novelli oħra ta’ dawn il-kitbiet, li fl-idea tiegħi, jistħoqqilhom mhux biss qarrejja ta’ kull żmien u età, imma wkoll ta’ studju fid-dettall fil-livell ta’ xi Baċellerat u l-bqija.
Kumment ta’ Tarċisju Zarb