TRATTI TA’ PERSONALITAJIET

Huwa fatt minn ewl id-dinja li fid-dinja tal-letteratura hemm forza qawwija, li tmexxi n-narrattiva u din m’hijiex ħaġa oħra ħlief dik tal-karattru. Għax huwa l-karattru, bit-tratti tal-personalità tiegħu/tagħha li jsawru u jibnu n-narrattiva.

Dawn it-tratti ta’ personalità qegħdin hemm jgħajtu l-ħin kollu biex aħna nisimgħuhom, hekk kif dawn jiġu nnarrati…irrakkuntati…bl-istess u fl-istess traġettoriji li jgħaddu minnhom.

Huma dawk it-tratti ta’ karattri li jiddefinixxu l-personalità…il-motivazzjoni u l-istess interazzjonijiet li minnhom u permezz tagħhom huma jsawru t-tessut ta’ mħuħhom u tar-relazzjonar ma’ ħaddieħor.

Dawn huma l-qofol ta’ kull narrattiva, u xejn inqas tan-narrattivi “Fejn idur il-Pinnur” ta’ Joe Camilleri, narrattivi, li fihom niltaqgħu ma’ karattri li magħhom hemm ċans li xi naħa jew oħra tal-personalità tagħna, f’xi żmien jew ieħor tirrelata ma’ tagħna. Tipi ta’ personalitajiet, li jistgħu jkunu riskjużi, daqskemm timidi. Tipi ta’ personalitajiet li hemm ċans li joħoloqu konflitti kemm interni kif ukoll esterni. Tipi ta’ personalitajiet li jistgħu jagħtu lok għal xi tip jew ieħor ta’ realizzazzjoni nifsija.

U huwa f’dan id-dawl li wieħed hemm iċ-ċans li jifhem xi wħud mill-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-karattri li niltaqgħu magħhom fin-novelli tal-Pinnur, u fejn dan isib ruħu jdur. Għax hawnhekk il-karatteristika saljenti ta’ dak li jkun…, hemm ċans li tidher. Tinħass. Toħroġ fil-beraħ.

U dan ma jsirx biss permezz tal-vuċi narrattiva, iżda wkoll permezz tal-mod kif jitkellmu u jirraġunaw dawn l-istess karattri. L-istess kif għandhom sehem qawwi l-ħsibijiet interjuri ta’ dawn l-istess karattri, li permezz ta’ dawn il-vuċijiet interni, aħna nsiru nafu t-tratti u l-motivazzjonijiet li mhux dejjem jidhru fid-deher b’modi oħra.

L-istess reazzjonijiet u emozzjonijiet ta’ dawn il-karattri, fosthom dawk tal-għadab, biża’, ferħ u saħansitra indifferenza fost oħrajn, għandhom iċ-ċans li jitfgħu dawl qawwi fuq it-tratti ewlenin ta’ dawn l-istess karattri u n-narrattivi tagħhom. Tar-relazzjonijiet u l-interazzjonijiet tagħhom, kif ukoll il-konflitti u l-alleanzi li jorbtuhom jew le minn, u ma’ karattri oħra.

U fid-dawl ta’ dan kollu, wieħed jista’ jifhem il-mod kif tiġi żviluppata tema speċifika, kif in-nisġa tipprogredixxi, kif jinħolqu relazzjonijiet emozzjonali bejn il-karattri, kif wieħed jagħraf u jifhem is-simboliżmi li nsibu f’dawn l-istess narrattivi.

 

U DAWN HUMA XI EŻEMPJI

U d-dimensja, dik li minħabba fiha l-moħħ ma jibqax jiftakar u jillokalizza, jirreminixxizza u jżomm min-nisi, ċerti qagħdiet u sitwazzjonijiet mentali – memorji remoti, daqskemm dawk li permezz tagħhom aħna nagħmlu l-ħwejjeġ ta’ kuljum, huma realtajiet intimi, li llum il-ġurnata sirna konxji ħafna u ħafna tagħhom.

U huwa sewwa sew dak li jagħmel b’ħila Joe Camilleri, fin-novella “Minn dar għal dar” (p.13), fejn il-protagonista tħossha għal kollox diżorjentata, u ma tkunx taf sewwa sew kif għandha ġġib ruħha, anke f’dawk il-ħwejjeġ li bħala regola aħna neħudhom bħala ‘naturali’.

Il-moħħ meta jibda jbati mid-demnsja jibda ‘jaħseb’ u ‘jirraġuna’ b’naħiet ta’ moħħ li issa ma jibqgħux jissinkronizzaw sew ma’ xulxin. Sadattant, hawnhekk, f’din in-novella, nisimgħu, jew aħjar nieħdu ħjiel dwar dak li jista’ jkun għaddej f’qiegħ moħħ bniedem/bniedma li tkun f’din il-qagħda mentali. Din t’hawn taħt hija leħħa waħda minn din il-qagħda ta’ moħħ:

“Intix tara, sewwwa ħsibt jien. Bigħuli d-dar mingħajr ma qaluli. Ħadmuni. Dawn xi żewġ imbroljuni oħrajn. Nurihom jien. Issa nistrieħ sewwa, u xħin inqum immur l-għassa tal-Pulizija u nagħmel rapport li serquli d-dar u ħaduni f’dar oħra.  / Dort fuq ġenbi biex norqod. Iżda in-ngħas kien ’il bogħod. Erġajt berraħt għajnejja u qomt bilqiegħda bi tregħida fuqi: “Fejn irrid immux xħin inqum? Għiduli.” (p. 13)

Skambji (p. 48) min-naħa l-oħra hija diskursata bejn żewġ nisa li kellhom raġel li magħhom kienu qattgħu ħajjithom, fi żmenijiet differenti, u fl-iskambju ta’ bejniethom, wara li dan tal-aħħar miet, jgħaddi kliem li fih jinħass imrar, daqskemm għoġba u stmerrija fl-istess rakkuntar ta’ bejniethom – diskursar dwar personaġġ li fil-ħajja huma kienu qasmu bejniethom, u li għal kull waħda minnhom kien sors ta’ niket daqskemm ta’ ferħ.

Novella, jew aħjar sitwazzjoni djalogata ta’ min jiftakar dwar dak li kien u kif dan b’xi mod jew ieħor jinfluwixxi fuq il-mod kif aħna nesperjenzaw ħajjitna fir-relazzjonar ta’ bejnietna.

Min-naħa l-oħra, hemm ċans, bħal qisha trid tgħidilna “Bidla fid-dehra” (p.66) li aħna ħafna drabi ma nkunux aħna, imma sempliċiment il-fabbrikazzjoni tas-soċjetà tal-madwar. Aħna, b’dan il-mod insiru sempliċiment prodott kulturali. Il-bixra, is-sura u d-dehra tagħna, fiżika, dehiera, u saħansitra intima tagħna, ma tkunx dik li nkunu aħna, imma dik li l-forzi tal-madwar ikunu jriduna noħoloqu minna nfusna.

U hekk jinħass li ġratilha l-protagonista fin-novella “Bidla fid-dehra” (p. 66), fejn mara li ma kinetx tqarreb l-estetiċità tal-madwar tbiddel lilha nnifisha għall-estetiċità elettronika, u li filwaqt li hija ħassitha li laħqet is-sema b’idejha, żewġha ħassu li kien tilef l-essenzjalità tal-istess martu li fl-istess ‘maskulinità” tagħha issa li kienet tilfitha ma baqgħetx aktar ‘martu’, imma sempliċiment mara.

Novella, li titkellem tgħajjat fl-istess konċiżjoni tagħha dwar il-ħtieġa li nkunu aħna, aktar milli xi tip jew ieħor ta’ fabbrikazzjoni soċjali, tal-moda u l-bqija.

“Paralleliżmi kuntrastanti” (p. 96) minn aspett ieħor, hija novella li titkellem tgħajjat dwar dak li jsir parti mir-rutina tagħna, u minkejja li dan ikun qiegħed idejjaqna, u jtellifna saħansitra minn dak li nkunu nħobbu u ngħożżu, għax bħal qisu narawh bħala theddida għal din l-istess rutinizzazzjoni tagħna, fl-istess ħin għandna bżonn dan l-istess disturb. Għandna bżonn dak il-ħoss tal-gamiema, li minkejja li hija invadenti għall-protagonista ta’ din in-novella, hija kienet saret hija wkoll, parti mill-istess ‘hu’, mill-istess jumjieniżmu tiegħu. U għaldaqstant, meta din ma dehritx aktar fis-sottosfond ta’ moħħu, tal-ħoss ta’ widintu, il-protagonista ħassu bħal qisu mhux hu. Kien tilef xi ħaġa. Xi ħaġa li kienet saret parti minnu, biex imbagħad, hekk, minkejja li kienet disturbanti għall-aħħar, ħallietu ltim minnha:

“Għax issa n-nervi kotru fuq li kotru. Aktar u aktar xħin niftakar li għalxejn inwaqqaf widnejja għall-kuu-KUU-kuu. Ta’ xej ngħarrex kemm ngħarrex. / Il-gamiema tal-kullar ma tfaċċatx aktar. Imma l-karba litanika tagħha baqgħet iddur u tirbombja fit-tnabar ta’ widnejja. In-nuqqas tagħha issa beda jkiddni. / X’kontradizzjonijiet! Iff, x’nervi! (p. 101)

U jista’ jiġri wkoll li waqt li nkunu qegħdin nitkellmu mingħajr forsi ma nagħtu każ dak li nkunu qegħdin ngħidu, kull wieħed u waħda mina għandu ċ-ċans li jagħti l-interpretazzjoni tiegħu ta’ dak li jkun qiegħed jisma’, dejjem skont l-ivviżizzjonar tiegħu/tagħha.

U hekk ġralha x-xwejħa fin-novella “Fil-fixla tat-tpaċpiċ tal-ewtanasja” (p. 117), novella li fiha niltaqgħu ma’ xwejħa li quddiem il-kelma ewtanasja għamlet rievalwazzjoni tagħha, u ta’ dak li seta’ jissuċċedilha, issa li kienet xjaħet. Kellha l-biża’, li wara li qattgħet ħajjitha, tgħin u sservi, tispiċċa biex jaqtgħulhielha għall-mewt permezz tal-ewtanasja. Tant ħaditha bi kbira, li marret għand in-nutar, fejn talbitu biex dan ma jseħħx, u minkejja li n-nutar qallha li ma kellhiex għalfejn tibża’, hija xorta waħda, wasslet lin-nutar biex jagħtiha ċertezza b’dak li huwa sejjaħ:

“speċi ta’ living will. Hi x’inhi, kitba ffirmata minnek li turi x-xewqat tiegħek, jekk, allaħares qatt, tasal f’xi stat u f’kundizzjoni li qiegħda tibża’ minnhom.” […] ‘Dak li ħambqu ser jibqa’ f’wiċċhom. Daqshekk smajt traħħim u diskussjonijiet.’/ Mil-lum ’l hemm kienet biħsiebha tisma’ biss il-leħen ta’ qalbha.” (p. 123)

“Jum il-Ħaddiem” (p.159) titkellem tgħajjat dwar il-mod kif minkejja li kien jum il-ħaddiem, min iħaddem, mhux dejjem jittratta lill-ħaddiem tiegħu b’dinjità. Imma tidħol il-kelma sfruttament. U sfruttament bla ħniena. Għax hawnhekk, minkejja li kellu jkun jum li fih il-ħaddiem kellu jkun ittrattat ta’ nies, l-istess kliem ta’ sid lejn is-serv tiegħu, jgħidu kelma oħra. U ironikament dan isir, ironikament f’jum li fih il-ħaddiem kellu jkun ittrattat b’mod dinjituż. Sadattant, il-ħaddiem barrani, kellu joqgħod għall-ordnijiet tal-imgħallem tiegħu, li għalih ma kienx hemm ħniena.

Fin-novella, “Muskoli fondi li jmewtu l-konsenturi” (p. 173) min-naħa l-oħra, niltaqgħu ma’ karattru li minkejja r-rabja li kellu, hekk kif kien qiegħed jara l-kosenturi jiżdiedu u jiżdiedu, riżultat ta’ bini li kien tiela’ ħdejh, wara li mtela rabja ma tarax art, spiċċa biex minkejja li ġie b’wiċċ ’mb’wiċċ mal-barrani qisu ġgant, minflok sfidah jew għajru, qallu: “Nice work you are doing”, bħal qiegħed jgħidilna li quddiem nies li ma tafhomx u li jkollhom ċertu tip ta’ preżenza mmuskolata, il-bniedem-vittma, jispiċċa biex ilaqlaq, u l-valuri u d-drittijiet tiegħu ma jsibux vuċi biex jinstemgħu u jsemmagħhom.

Min-naħa l-oħra hemm wisq aktar minn “Biċċa Kejk” (p. 191) fin-novella li ġġib dan l-istess isem. Dan minħabba l-fatt li din il-frażi, kienet tiġbor fiha storja li tmur lura fiż-żmien ta’ mara li ħabbet żagħżugħ, u li hu ħabbha lura, imma wara li siefer, dan ma reġa’ qatt lura. U din l-istess mara, issa kienet iżżewġet lil sieħbu. Imma, minkejja li fid-deher kienu jidhru koppja ‘stabbli’, fil-qiegħ nett ta’ ruħhom kien hemm bħal divarju.

Għallinqas hekk jasal biex jinterpreta lil martu, il-protagonista ta’ din in-novella, li issa kellu lil martu tbati bid-dimensja, u li ħlief il-biċċa kejk, li kien wegħidha ż-żagħżugħ ta’ żgħożitha, issa ma kien għad fadal xejn. U hekk f’salt wieħed mietet. Imma, il-biċċa ewlenija tan-novella tinsab fil-biċċa kejk, simbolu ta’ min kien iżżewweġ mara, li fil-fond ta’ qalbha ma riditx lilu, imma riedet lil sieħbu. B’dan il-mod il-biċċa kejk, issir wisq aktar minn sempliċiment biċċa kejk. Issir esperjenza ta’ ħajja li fiha l-imħabba ma seħħitx.

Ovvjament hemm ħafna aktar naħiet x’wieħed jista’ jikkummenta dwar kull novella, skeċċ u l-bqija li nsibu f’dan il-ktieb.

 

KONKLUŻJONI

U fid-dawl ta’ dan kollu wieħed jista’ jifhem in-narratoloġija ta’ Joe Camilleri, narratoloġija li ma’ kull paġna tittrasforma l-kliem fuq paġna f’personalitajiet dinamiċi, li jibqgħu jippersistu, b’xi mod jew ieħor fil-moħħ tal-qarrej li jaqrahom bid-dehwa li jixirqilhom. Sadattant, l-istess qarrej ta’ “Fejn idur il-pinnur” jirnexxilu jagħraf u jifhem ir-rwol ta’ dawn it-tratti ta’ personalità u b’hekk wieħed jikseb aktar għerf-għarfien dwar il-ħajja u l-fenomenoloġija tagħha.

Tajjeb ingħidu li Joe Camilleri huwa kittieb assidwu, li b’insistenza u konsistenza jfannad fl-esperjenzjalità ta’ ħajjitna, biex permezz ta’ narrattivi u ‘pitturi’ permezz tal-lingwa, niksbu dejjem ħjilijiet varji dwar aħna min aħna, u kif aħna nterrqu f’dal-ivvjaġġjar tagħna li ngħidulu ħajja.

Dan kollu jwasslu bi stil ħafif, mexxej u fl-istess ħin dinamiku, li jixhed mhux biss esperjenzjalità f’dan il-qasam ta’ kitba, imma wkoll fehim intrinsiku fil-bniedem u dak li jsawru fil-qiegħ nett tal-istess surtu, personalitu u l-bixriet intimi li jagħmluh dak li hu – l-esseri ħassieb għaddej il-ħin kollu jipprova jifhem u jfannad fil-qiegħ ta’ din l-ajsberg psikoloġika u antropoloġika li ngħidulha bniedem. Kitbiet b’dan il-mod li jitfgħu dawl fuqna lkoll hekk kif ngħaddu npassu f’dal-pajsaġġ tal-ħajja, bejn sqaqien, toroq u awtostradi.

Nissuġġerixxi għal darb’oħra li jkun hemm studji fil-fond tan-narrattivi ta’ Joe Camilleri, li minnhom issa għandna għadd mhux ħażin – għadd li f’qiegħ qiegħhom jitfgħu dawl fuqna lkoll.

 

Kumment ta’ Tarċisju Zarb