Kwadri mill-Istorja (2026) jkompli ma’ kotba oħrajn tal-istess kittieb, bħal Frak mill-Istorja (2025), Ritratti mill-Istorja (2025). Kollha huma kotba li jixħtu dawl fuq l-istorja, l-identità u l-kultura Maltija, imwassal permezz ta’ stil mexxej u li jistiednek taqra bla ma tiddejjaq.
F’dan il-ktieb Bartolo ma jiddejjaq xejn isemmi u jislet minn xogħlijiet ta’ professuri, akkademiċi, studjużi u storiċi ewlenin bħal Godfrey Wettinger, Charles Dalli, Joseph M. Brincat, Frans Ciappara, Leonard Mahoney, Daniel Cilia, Stanley Fiorini, Martin R. Zammit, Carmel Cassar, Noel Buttigieg, Mario Buhagiar, Paul P. Borg u oħrajn. Dan hu prova li t-tagħrif li jingħatalna f’dan il-ktieb hu bbażat kemm fuq sorsi primarji kif ukoll sekondarji. Huwa anki mod kif Bartolo juri rispett lejn dawn ir-riċerkaturi u apprezzament u turija tal-importanza ta’ xogħolhom.
Dan hu anki ktieb li jfakkarna f’kemm huma importanti siti fejn hemm maħżuna bosta dokumenti bħall-Biblijoteka Nazzjonali u l-Arkivji varji li jinsabu fil-gżejjer tagħna. Hu wkoll tfakkira li siti bħal dawn għandhom ikunu dejjem u iktar disponibbli għal kull min ikun interessat jagħmel xi riċerka partikolari u b’hekk lesti li joħorġu għad-dawl dokumenti li jkunu ilhom maħżuna għal deċennji sħaħ jiġbru t-trab fuqhom. Wieħed jiftakar ukoll kemm hu importanti l-proċess li dokumenti bħal dawn jiġu diġitalizzati sabiex ikunu disponibbli għal kulħadd u f’kull ħin sabiex jiffaċilitaw xogħol ir-riċerkatur.
Matul il-kapitli ta’ dan il-ktieb Bartolo jitfa’ dawl fuq aspetti differenti, mhux biss ewlenin imma anki minuri, f’rabta ma’ dan il-poplu żgħir tagħna. Eżempju ta’ dan hu meta naqraw dwar il-kunċett tal-coffee shop li hawn Malta jmur lura għas-seklu 17. Insiru nafu wkoll li l-kafè kien jissajjar u jinxtorob l-ewwel f’Malta qabel ma nxtered fl-Ewropa. Eżempju ieħor hu t-tagħrif mogħti dwar ir-rabta bejn il-kittieb Sqalli Andrea Camilleri u l-Faxxista Malti Carmelo Borg Pisani.
Interessanti wkoll dak li naqraw f’paġna 50: “Sinjuri tal-Imdina u fqar tal-irħula, niesna kollha kemm huma, ġew minn artijiet differenti fi żminijiet differenti. Ma kellniex xi nies tal-post li għexu hawn minn dejjem u oħrajn li ġew minn barra.” Aktar tard, f’paġna 70, naqraw dwar żmien il-Kavallieri (sa mis-seklu 16) li ġab miegħu “ħafna barranin jaħdmu Malta bi snajja’ li ma kellhomx il-Maltin.” U ftit ’il quddiem, “Dan ta ħajja ġdida lis-soċjetà Maltija waqt li [ġab] ukoll tensjonijiet u kumplikazzjonijiet.” (71) Dawn huma stqarrijiet li jġagħluna nirriflettu ħafna dwar is-sitwazzjoni preżenti u simili li għaddejjin minnha l-gżejjer Maltin fi żmien meta qed jiġu eluf ta’ barranin f’pajjiżna li bil-mod il-mod għad jintegraw magħna – wieħed jittama – bħala poplu Malti. Wieħed jistaqsi jekk dik tal-lum hijiex verament sitwazzjoni simili jew jekk hemmx differenzi?
Xi ħaġa simili li kienet isseħħ fl-imgħoddi (sa mis-seklu 15) u għadha sseħħ fil-preżent hija din li naqraw f’paġni 52-53, fejn jingħad li n-nies tal-irħula kienu jipprotestaw kontra l-kbarat minħabba li dawn kienu jieħdu għall-użu privat tagħhom artijiet li kienu ta’ kulħadd. Il-ktieb għandu wkoll laqta ambjentalistika, l-iktar meta naqraw dwar l-istorja u l-benefiċċji ta’ ċerti siġar u pjanti bħall-bajtar tax-xewk, il-ħarruba, il-kappar u t-tin. Il-kumment ambjentalistiku jinħass b’saħħtu wkoll f’paġna 247, fejn naqraw “Bi żvilupp sensittiv u delikat, mhux billi nidfnuha taħt il-konkos ta’ lukandi kbar jew vilel u b’rispett sħiħ għan-natura, Kemmuna tista’ toffri esperjenza sabiħa ħafna lil dawk li jixtiequ jiskopruha.”
Kwadri mill-Istorja jberraħ ħwejjeġ li ftit naħsbu dwarhom, bħal pereżempju l-każ ta’ Pantellerija u l-ilsien li jitkellmu hemm, u x-xebh li hemm bejn iż-żewġ ilsna, il-Pantelleresco u l-Malti. Mela Bartolo jistedinna noħorġu ’l barra mil-limiti nazzjonali tagħna u nimirħu lil hinn.
Bartolo jfakkar ukoll li parti mdaqqsa mit-tagħrif li ksibna dwar Malta tal-imgħoddi kien permezz ta’ barranin li żaru lill-gżejjer tagħna bħall-pittur Franċiż Jean Houël (kien Malta bejn l-1770 u l-1777), jew il-Ġermaniż Michael Heberer von Bretten (1588), vjaġġaturi bħall-Ġermaniż Johann Hermann von Riedesel, il-Franċiż Jean Quintin (1530-1536), u l-Ingliż Patrick Brydone (1774).
Kull ktieb iġorr xi nuqqasijiet. Fi Kwadri mill-Istorja hemm xi partijiet irrepeturi kelma b’kelma f’taqsimiet differenti tal-ktieb. M’hemmx lista biblijografika miġbura alfabetikament fi tmiem il-ktieb li setgħet tistieden lill-qarrejja interessati jkompli jwessgħu l-għarfien tagħhom billi jaqraw kotba oħrajn. Nieqsa hija wkoll konklużjoni li tagħlaq dan il-ktieb. Il-kwadri-kapitli huma ppreżentati b’mod li mhux storikament kronoloġiku u dan jista’ jagħti l-idea li x-xogħol hu fframmentat, meta faċilment seta’ ġie strutturat aħjar.
Min-naħa l-oħra hemm ukoll xi punti tajbin. Għall-poplu ftit ħabib tal-qari u tal-Istorja ta’ Malta, dan – flimkien mal-kotba li semmejt fil-bidu – hu ktieb tajjeb biex jagħtih tagħrif u jiftaħ twieqi żgħar fuq episodji differenti mill-istorja ta’ Malta matul is-sekli. Bartolo jħaddem lingwa ċara, mexxejja u kapitli qsar li jistednuk tkompli taqra bla ma tegħja.
minn
Dr Patrick Sammut
(Il-Pont, Ottubru 2026)

