Xi riflessjonijiet jien u naqra r-rumanz.

B’dan ir-rumanz tiegħu Salv Sammut joħodna fid-dinja tal-pubblikazzjoni tal-ktieb, b’wieħed mill-personaġġi jkun pubblikatur u ieħor il-kittieb. Mela hawn għandna ktieb li jittratta d-dinja tal-ktieb, dwar il-proċess tal-kitba u l-karatteristiċi li jagħmlu storja tajba. Il-grigalata li għaddejja barra b’xi mod diġà tirrifletti l-problema li l-pubblikatur għandu jħabbat wiċċu magħha. X’inhi eżattament?

Sa mill-ewwel paġna l-qarrej jifhem li l-istil ta’ kitba huwa mexxej, u n-narrazzjoni fl-ewwel persuna. Insibu riferiment intertestwali għall-kittieb Edgar Allan Poe. Hemm il-kelba li tħoss affarijiet li l-bniedem jasal għalihom iktar tard. Dan kollu jgħin sabiex Sammut iżomm il-qarrej fuq ix-xwiek jaqra. Minkejja li r-rakkont huwa ambjentat fiż-żmien preżenti, taħkem atmosfera gotika f’rabta mad-dar. Riferiment intertestwali ieħor isir f’paġna 243 meta tissemma l-kittieba Irlandiża kontemporanja, Cecilia Ahern. F’paġna 251 tissemma kanzunetta ta’ Acker Bilk, “Strangers on the shore”, mela din id-darba m’għandniex test letterarju imma test liriku.

Jiġi inkluż l-element oniriku, mela d-dinja tal-ħolm, u dan f’rabta mas-seħer tal-baħar. Fil-ħolm hemm twaħħid bejn elementi immaġinattivi u oħrajn letterarji, bejn il-fantasija u l-kitba, imma anki logħba bejn ir-reali u s-surreali. Dan biex nippruvaw nifhmu minn fejn titwieled il-letteratura. Ir-ritratt li jiskopri n-narratur jorbot ir-realtà mad-dinja tal-ħolm: fiż-żewġ każi hemm tfajla preżenti. Hemm drabi meta Sammut iħallat il-ħelu mal-morr, l-oniriku mar-reali, l-idilliku mal-vjolenza domestika. L-oniriku jerġa’ aktar ’il quddiem fir-rumanz, meta l-omm tidher lil bintha f’ħolma: x’riedet tgħidilha bil-ħarsa tagħha? Lura għad-dinja reali l-bint tinħakem minn iktar dubji u mistoqsijiet li għalihom tesiġi tweġibiet.

Interessanti l-introduzzjoni tal-manuskritt li nstab fid-dar. Dan hu rakkont miktub fit-tielet persuna singular, miktub mill-eks sid tad-dar. Mela għandna rakkont ġewwa rakkont ikbar (dan miktub minn Salv Sammut innifsu). Fil-parti intitolata “L-ewwel ġabra ta’ tifkiriet” Sammut idaħħalna fil-kontenut tal-manuskritt (bl-ismijiet tat-titli miġjubin fil-korsiv u ittri minuskoli) u b’hekk il-qarrej jittieħed lura fiż-żmien. Niltaqgħu ma’ Benjamin (nieqes mill-vista), Edith u żewġha Samwel (sakranazz u vjolenti). Jidħol l-użu tad-diskors dirett. Nindunaw li s-sitwazzjoni domestika mhi xejn sabiħa. Min-naħa l-oħra l-baħar hu l-element li jserraħ mill-piż tal-problemi umani. Hu anki l-imkien fejn jinkixfu veritajiet tal-imgħoddi u jseħħu ħwejjeġ li minħabba ċerti raġunijiet ma seħħewx fl-imgħoddi. Għalhekk, bil-mod il-mod Sammut jikxef dak li seħħ fl-imgħoddi fid-dar tad-dellijiet.

Hemm drabi meta ningħataw il-perspettiva taż-żewġ ulied bniet  – Mildred u Caroline – li jkollhom jgħixu tterrorizzati f’dan l-ambjent, l-iktar iż-żgħira Caroline li spiss il-missier xurban iħares bl-ikrah lejha. Il-qarrej jistaqsi, għaliex dan?

Il-kunflitt hawn isir mekkaniżmu letterarju ieħor li jżomm lill-qarrej jaqra bla ma jegħja jew jiddejjaq. Hemm elementi oħrajn li jikkontribwixxu, fosthom l-għajbien ta’ persuna, l-investigazzjoni, l-introduzzjoni ta’ kundizzjoni mentali bħalma hija d-dimensja jew il-qtugħ mir-realtà immedjata, u anki l-element sopranaturali jew inspjegabbli. F’rabta ma’ dan tal-aħħar nistaqsu x’inhuma d-dellijiet li jissemmew, u kif il-ġiżirana bidlet postha? F’kapitlu 42 naraw lil Edith – li tkun ilha snin twal tgħix fis-solitudni – waqt passiġġata fil-masġar li tidħol fi djalogu ‘mistħajjel’ ma’ Benjamin li jispjegalha ċerti affarijiet kif verament seħħew fl-imgħoddi. Hawnhekk l-assenti jinbidel fi preżenza.

Sammut jintroduċi iktar sorpriżi u tensjoni: stupru u inċest bejn missier u bint, u jsegwu dipressjoni emozzjonali u psikoloġika, u aktar tard, tqala mhix mistennija. Fejn tidħol it-tema tfulija naraw li mhux kollox ward u żahar. Minkejja dan, fir-rakkont naqraw ukoll dwar tiġrib pożittiv bħal imħabba, altruwiżmu u s-sens tas-sagrifiċċju. F’kapitlu 43 hemm il-mara għaddejja waħedha fix-xatt – id-dell taz-‘zija’ Caroline li jinsisti li toħroġ għad-dawl il-verità –  u li ħadd ma jaraha ħlief Amanda. Dan kollu jqanqal iktar interess fil-qarrejja, mela jservi bħala spinta lid-dieġesi jew storja tar-rakkont.

Aktar ’il quddiem Sammut jintroduċi flasback ieħor u joħodna aktar lura fiż-żmien, meta Benjamin u Edith kienu għadhom żgħażagħ fejn tinkixef ir-rabta bejniethom fil-passat. Dan kollu jibda minn oġġett, eżattament ħannieqa magħmula mill-qxur tal-bebbux li Benjamin kien għamel lil Edith.

Meta tieqaf l-istorja rrakkuntata fil-manuskritt nittieħdu lura fil-preżent, u l-ismijiet tat-titli tal-kapitli jerġgħu għall-ittri kapitali fil-grassett. Nerġgħu lura għan-narrazzjoni fl-ewwel persuna singular. In-narratur hawn jgħaddi mill-istess ħsus u esperjenzi li ngħaddu aħna l-qarrejja, fosthom il-kurżità u l-istennija. Hemm aħna li qed naqraw ir-rumanz ta’ Sammut, imma hemm ukoll in-narratur-pubblikatur-protagonist li qed jaqra l-manuskritt misjub. Hemm ukoll l-idea li l-awtur tal-manuskritt juża psewdonimu, mhux ismu proprju, għax mhux qed ifittex il-fama personali imma jixtieq biss ifakkar dawk li  xi darba għexu fid-dar.

“It-tieni ġabra ta’ tifkiriet – Diżillużjoni” terġa’ toħodna lura għall-manuskritt. Għall-ewwel l-ispazju hu dak ta’ Pariġi –  waqt btala qasira – u hawn jidħol indirettament Salv Sammut li nafu li siefer bosta drabi u dar ħafna mkejjen fl-Ewropa u lil hinn. Naqraw mill-perspettiva ta’ Samwel li bħal jinbidel u jikkonverti; omm li ma trid bl-ebda mod it-tarbija li għadha kemm twieldet; persuna li titħalla tinġarr mill-mewġ qawwi tal-baħar (suwiċidju?). Il-baħar din id-darba hu dak lil jisraq ħajja umana, imma anki sodda fejn jista’ jinsab il-kenn etern. Fir-rumanz il-baħar jisraq il-ħajja ta’ tliet karattri. Hemm is-sens taż-żmien li jinħass il-ħin kollu għaddej.

Min-naħa l-oħra, il-masġar (Kapitlu 30) jinftiehem bħala post li wieħed jistkerrah, bħalma jiġri fil-ħrejjef: “… u t-tnejn għajtu u daħku sakemm waslu biswit il-masġar. Ħarsu lejh u ma tkellmux. Is-swidija li s-siġar folti kienu jixħtu, ġegħlithom mingħajr ma jafu għaliex jisktu mill-għajjat tagħhom.” (184) Ftit aktar ’il quddiem naqraw: “Dawk is-siġar kbar u twal bil-friegħi u zkuk miftuħin bdiet tistħajjilhom mostri ħerġin mill-ħrejjef li kienet tħobb taqra imma xorta titmeżmeż minnhom.” (185) Gilbert u Amanda b’xi mod hawn ifakkru fil-ħrafa ta’ Hansel u Gretel. Hemm saħansitra d-dar f’nofs il-masġar, element ieħor rikurrenti fil-ħrejjef tradizzjonali.

Il-masġar jintrabat ma’ aspetti pożittivi wkoll: joffri kenn lil Samwel ladarba jixjieħ u ilu jgħix waħdu. Ironikament naqraw li, “ Mistur f’dak l-imkien kien iħossu protett mill-ilpup ta’ barra l-masġar”, meta sa ftit żmien qabel kien hu stess ‘lupu’. Id-dellijiet li spiss jissemmew jistgħu jirrappreżentaw is-sens ta’ ħtija li Samwel jaħrab minnu. Anki l-għadira f’nofs il-masġar għandha karatteristiċi msaħħra u tfakkar fil-ħrejjef.

Bħala parti mit-teknika narrattiva Sammut jalterna l-azzjoni li sseħħ fi spazji differenti: daqqa fid-dar ta’ Mildred, daqqa fil-masġar jew qrib il-baħar, daqqa fi spazji magħluqin bħal xi bar. Apparti hekk, aktar tard fir-rakkont, Sammut bħal iġiegħel lill-qarrej jitħassar lil dak li xi darba kien bla ħniena u ħajjen, imma joħodha anki kontra dik li xi darba kienet vittma.

Lura għar-rakkont ewlieni mill-ġdid u għalhekk waqfien mill-qari tal-manuskritt u mill-ġdid mal-kittieb. Il-pubblikatur jikkummenta dwar il-karatteristiċi u l-valur tal-manuskritt li qed jaqra. Din hija l-parti metanarrattiva tar-rumanz preżenti. Niskopru li l-istess spazji li jissemmew fil-manuskritt imur fihom ukoll il-qarrej-pubblikatur, fosthom ir-ramla, il-baħar, il-masġar, l-għolja, id-dar f’nofs il-masġar. Dan hu vjaġġ fiżiku li jagħmel il-pubblikatrur sabiex ifittex lill-kittieb tal-manuskritt. Hu anki vjaġġ letterarju fil-passat meta jaqra l-manuskritt. Il-qarrej jibqa’ kurjuż dwar min hu fir-realtà l-kittieb tal-manuskritt: tgħid Samwel, jew le? Hemm sett ta’ noti li nkitbu, li mbagħad ġew żviluppati f’rakkont mill-kittieb, li mbagħad spiċċaw f’idejn il-pubblikatur. Il-kittieb isejjaħ lid-dar fil-masġar dar ta’ “diżappunt u wġigħ”. (234)

Bil-mod il-mod nifhmu wkoll li dan hu rakkont dwar it-tiġrib ta’ tliet ġenerazzjonijiet differenti. Lejn tmiem ir-rumanz climax isegwi lil anti-climax ladarba toħroġ il-verità tant mixtieqa, imma mhix dik li ssopona u stenna l-qarrej. Sammut, bħala kittieb tal-esperjenza, iħawwar sewwa r-rakkont tiegħu b’ingredjenti varji: il-qarrej jibqa’ sal-aħħar jistaqsi min kien verament missier Amanda.

Fl-aħħar kapitlu naqraw dwar żewġ ġesti simboliċi mill-pubblikatur: it-tfigħ tal-kriżantemi fil-baħar u l-ftuħ tat-twieqi tad-dar sabiex joħorġu d-dellijiet u l-iħirsa minnha. Dan hu rit ta’ tisfija u fl-istess ħin katarsi. X’inhuma l-aħħar deċiżjonijiet tal-pubblikatur: se jibqa’ jgħix fid-dar? Se jippubblikah il-ktieb? Dan kollu f’rumanz ta’ 288 paġna. Bħal dejjem, dan hu rumanz ieħor ta’ Salv Sammut li jżomm lill-qarrej attent u kurjuż sal-aħħar anki billi ma jħallihx passiv imma jinvolvih u jnissel fih ħsibijiet u ħsus diversi waqt il-qari tiegħu. Id-Dar tad-Dellijiet hu garanzija ta’ qarja li toffri ħin ta’ mistrieħ u pjaċir.

Patrick Sammut (April 2025)