Il-Verità bħala stil ta’ ħajja
Reċensjoni tal-ktieb: Meta r-Ruħ tintbill fid-Deheb
Horizons, 2021
minn Robert Farrugia Flores.
Bosta mistiċi, u kif ukoll xi filosfi b’rashom fuq għonqhom u qalbhom f’postha, għarfu l-bżonn u d-dmir li persuna tidħol fiha nnfisha u timmedita sabiex tagħraf u tagħti spazju lill-ħajja tal-ispirtu. Minn dawn tal-ewwel nistgħu nsemmu l-kbar, bħal San Ġwann tas-Salib, Santa Tereża ta’ Ġesù u Santa Eliżabetta tat-Trinità, li l-awtur tal-ktieb Meta r-Ruħ tintbill fid-Deheb jagħmel referenzi qawwija lejhom u jimxi proprju fuq il-passi tagħhom. Mill-kamp tal-filosfi nsibu wkoll vuċijiet profetiċi bħal dik ta’ Edmund Husserl, li fil-bidu tas-seklu għoxrin kien qed javżana dwar dak li hu jsejjaħlu “barbarian hatred of spirit” li qiegħed jiddomina l-ħajja tal-Punent u li, kif jargumenta hu, huwa riżultat tal-materjaliżmu u x-xjentiżmu li qegħdin jinvadu u jaħkmu kull sfera u mistoqsija dwar il-ħajja. Id-dixxiplu tiegħu, Michel Henry, ikompli jirradikalizza dan sal-punt li jniżżel l-isfera tal-viżibbli taħt dik li hi nviżibbli, sabiex tal-aħħar terġa verament tieħu r-ruħ u l-ħajja. Wara kollox, kif jghid San Pawl (2Kor 4:18), “dawk li jidhru huma għal zmien qasir, dawk li ma jidhrux huma ghal dejjem.” Infatti Henry, li kiteb u għex fit-tieni parti tas-seklu għoxrin, sa anke wasal biex fl-aħħar xogħlijiet tiegħu jagħmel studju profond fuq l-Evanġelju fejn, mil-lenti filosofika u dik fenomenoloġika, jittratta t-temi tal-verità, tal-kelma u l-inkarnazzjoni.
Il-ktieb ta’ P. Charlò nistgħu narawh bħala żwieġ intimu bejn l-imħabba mistika u l-għerf tar-ruħ. Huwa biċċa xogħol ta’ valur siewi u neċessarju għax mhux biss jippreżentalna studju storiku dwar il-meditazzjoni Nisranija, speċifikament dik Karmelitana, jew kif l-awtur isejħilha wkoll “it-talb tal-ġabra,” iżda, bla tlaqliq ta’ xejn, jipproblematizza wkoll il-meditazzjoni fil-forma kontemporanja sekulari li rabbiet l-għeruq tagħha fid-dinja kapitalista u konsumerista – li hija l-istess dinja li tħobb tifqa’ dak kollu li hu profond, impenjattiv u misterjuż. Għaldaqstant, kif jinnota l-awtur, din il-prattika qed tigi kummerċjaliżżata għal finijiet li mhumiex propji tagħha. L-awtur jispjegalna kif, oriġinarjament, il-meditazzjoni ma’ kenitx maħsuba li tkun xi tip ta’ skappatura ta’ malajr mill-ġenn ta’ ħajjitna. Lanqas kienet maħsuba li tnessina, teħlisna jew twarrabna mir-realtà sofferenti tagħna u ta’ madwarna sabiex l-ego tiegħi u ġismi nħosshom tajbin għal ftit bl-għan li nkun nista’ nkompli ngħix iffukat fuqi nnifsi. Xejn minn dan, anzi bil-kontra! Kif jgħidilna l-awtur, bl-iktar mod ċar, “il-prattika tal-meditazzjoni tibdilna fi bnedmin spiritwali, jiġifieri bnedmin li ma ngħixux biss fuq livell materjali, iżda nidħlu fil-fond, fil-qalba spiritwali ta’ kollox” (paġ. 111). Għaldaqstant, “il-meditazzjoni tgħallimna nindunaw li s-sigurtà ma tinsabx la f’moħħna u lanqas fid-dinja materjali. Il-meditazzjoni issaffilna l-ħarsa tagħna biex nogħlew ‘il fuq jew ninżlu fil-qalba” (paġ. 112).
Madankollu, dan il-ktieb mhuwiex xogħol reazzjonarju. Xejn affattu. Dan huwa xogħol fejn l-awtur jurina kif nistgħu niffukaw ħsibijietna, l-emozzjonijiet u l-aġir tagħna sabiex niltaqgħu mal-verità u ngħixuha b’mod sħiħ. Din il-verità hija Ġesù Kristu, li huwa n-nifs tal-ħajja li, kif jaċċenna għalih l-awtur b’mod espliċitu, huwa l-ispirazzjoni u l-aspirazzjoni – jiġifieri, in-nifs ’il ġewwa u ’l barra, u allura l-ħajja li tgħammar fina u żżommna ħajjin: “Li nirritmaw l-Isem li hu fuq kull isem, l-Isem ta’ Ġesù, man-nifs tagħna, bil-mod il-mod nibdew nindunaw li l-identità vera tagħna hija Ġesù Kristu” (paġ. 213).
Il-meditazzjoni Nisranija, allura, kif jgħinna nagħrfu l-awtur, tressaqna qrib din il-verità billi toħodna dirett lejn il-mument preżenti – “il-Waqt” – li hu “fl-issa ta’ ħajti li jiena ninsab, dak għandi u xejn ħliefu, kif ukoll Alla jinsab fih” (paġ. 193). L-aħħar kelma “fih” faċilment tista’ taħrabilna u nitilfu t-tifsira qawwija tagħha hawn. F’dan il-ktieb, kif ukoll f’diversi xogħolijiet mistiċi u filosfiċi li nkitbu matul iż-żmien, din għandha rwol sinifikanti ħafna. Il-kelma “fih” tindikalna li hemm xi ħaga ġewwa, bħal daħla, spazju ieħor u xi mkien ulterjuri. Hija kelma ripetuta f’dan ix-xogħol għaliex it-tema ċentrali tiegħu hija propju l-ġewwieni tagħna, dak li jinħeba minna imma, fl-istess nifs, dak li hu l-eqreb tagħna. Fi kliem l-awtur stess, “il-prattika medittativa tagħna sseħħ fil-kuntest tar-relazzjoni tagħna miegħu, Hu li mhuwiex ’il barra minna, iżda fina, magħġun magħna, anzi huwa l-Kewn tagħna” (paġ. 186). Infatti, l-awtur jipproponi kelma oħra flok meditazzjoni: “Qagħda” (minn toqgħod) li fil-fatt tkompli tibni fuq il-ħsieb li noqgħodu xi mkien – fih/ fina.
Fl-aħħar mill-aħħar, it-tip ta’ meditazzjoni li dan il-ktieb qed iressqilna hija “l-koltivazzjoni tal-ħbiberija ma’ Alla li twassal għall-għarfien tiegħi nnifsi fih u tiegħu fija” (paġ. 184). Fil-proċess ta’ dan hemm il-ħelsien interjuri tagħna fin-nofs fejn niġu meħlusa minn irbit u jasar li ma jħalluniex nimmaturaw u nikbru bħala persuni b’mod sħiħ. Dan il-vjaġġ mhuwiex wieħed solitarju lanqas, kif jaċċenna l-awtur, imma maħsub li jkun fi spirtu komunitarju u f’relazzjoni mal-ieħor li huwa lil hemm minni. Allura, “il-bniedem meditattiv imsejjaħ sabiex jimxi flimkien mal-bnedmin ta’ żmienu u jrawwem ħarsa, qalb u azzjoni mimlija kompassjoni u mħabba lejn id-dinja bl-isfidi, il-provokazzjonijiet u l-kuntradizzjonijiet tagħha” (paġ. 189).
- Charlò jenfasizza wkoll il-kelma “attenzjoni” u jużaha kontinwament f’rabta mal-prattika tal-meditazzjoni li qed iressqilna. Din il-kelma hawn imfissra bl-istess mod kif Simone Weil, filosfa u mistika tas-seklu għoxrin, kienet targumenta li l-prattika tal-attenzjoni ħielsa hija neċċessarja biex tiprepara spazju għall-possibiltà tal-grazzja. Din l-attenzjoni tar-ruħ, maqtugħa u mbattla mill-egoċentriżmu, tiġbed it-Tajjeb sabiex jingħaqad b’mod kważi irreżistibbli mar-ruħ. Infatti, għal Weil, attenzjoni ġenwina, li hi mudlama u mneżżgħa minn ħsibijiet imferrxin, hija talba fiha nnfisha. Bl-istess ħsieb, l-awtur ta’ Meta r-Ruħ tintbill fid-Deheb, jurina kif fil-qagħda ta’ dlam u distakk aħna nistgħu noħolqu spazju fejn niltaqgħu mal-verità u nħalluha tiblagħna, sabiex aħna ngħixu fiha u hi fina.
Kelmtejn qosra tal-aħħar dwar l-istil u l-preżentazzjoni tal-ktieb.
L-awtur għoġbu jżomm il-vuċi tiegħu f’dan il-ktieb daqs li kieku wieħed qiegħed preżenti għal lezzjoni jew konferenza. Dan l-għaliex il-kontenut innifsu huwa l-frott ta’ laqgħat u klassijiet tal-meditazzjoni li ġew mogħtija fil-kunvent li fih jgħix l-awtur. Infatti, l-kapitli huma referenza għal kull laqgħa li saret u allura tinħass ħolqa naturali ħafna bejniethom inti u taqrahom. Apparti l-kliem, fil-ktieb insibu wkoll l-arti meditattiva ta’ P. Charlò’, li hi magħmulha minn pinzellati qosra ta’ inka sewda u deheb. Il-fatt li jinħassu li kienu magħmula f’sekondi qosra, jikkumplimentaw ħafna l-ħsieb tal-preżent li hu jitkellem fuqu kontinwament fil-ktieb. Peress ukoll li ma’ jirrappreżentaw xejn, għaliex huma astratti, tħalli fil-qarrej kemm sens ta’ kalma u kif ukoll għatx għall-inviżibbli.
Rigward il-kontenut inġenerali, minkejja li tgħin jekk il-qarrej ikun midħla tat-teoloġija u tal-filosofija li titratta l-ispiritwalità, madankollu huwa xorta xogħol aċċessibbli għal min b’rieda tajba lest ikompli jfittex l-awturi li jirreferi għalihom l-awtur stess u jaqra aktar dwarhom.
Għaldaqstant, jiena nifhem li l-awtur ma jridx jagħmilhielna wisq faċli u jagħtina kollox lest fuq platt. Anzi, jeħtieġ li b’temenza niskomodaw ftit ruħna u nidħlu għal dan l-impenn bis-serjetà li jista’ jħalli tant frott tajjeb u sabiħ. Fl-aħħar nett, dan huwa ktieb għal minn hu verament imxennaq li jidħol fil-qalba ta’ ruħu u lest jistenna, fis-silenzju, li jiltaqgħa ma’ dak li Hu.
Robert Farrugia Flores
Robert huwa għalliem tal-Istorja u tal-Arti, lettur każwali fl-Università ta’ Malta u qiegħed jaħdem id-Dottorat fil-Filosofija, fejn qed jirriċerka dwar l-interjorità fil-qasam tal-Fenomenoloġija.