Stejjer mill-Bosk huwa r-raba’ ġabra ta’ rakkonti għat-tfal ta’ Patrick Sammut. Dawn huma 15-il rakkont ieħor li l-awtur xi darba rrakkonta lil uliedu qabel raqdu, imma li wara għaddiehom minn proċess ta’ tirqim f’dik li hi lingwa u tlaħħim f’dak li hu kontenut.
Huma stejjer li għandhom bħala protagonisti kemm bnedmin, ħafna minnhom tfal, kif ukoll bhejjem differenti li huma mogħtija karatteristiċi umani, fosthom il-kapaċità li jitkellmu u li jħossu għal ħlejjaq oħrajn.
Sammut juża lingwa mexxejja u Malti idjomatiku biex b’hekk l-esperjenza tal-qari tinbidel f’waħda mhux biss ta’ pjaċir imma wkoll ta’ tagħlim. Dawn huma stejjer li jħaddnu valuri pożittivi, fosthom: il-ħbiberija, ir-rispett lejn il-proxxmu, is-sabiħ tat-tfulija, u s-sodisfazzjon li wieħed jikseb minn ħidma onesta.
L-imkejjen fejn isseħħ l-azzjoni huma kemm reali kif ukoll fantastiċi, bħalma huma l-personaġġi. Stejjer mill-Bosk huma kitbiet li għandhom mill-ħrafa tradizzjonali, mill-ħolma, u anki mill-cartoons li xi darba jew oħra segwejna fuq it-televiżjoni. Jinżlu għasel mat-tfal u anki ma’ min għad għandu t-tifel jew it-tifla ġewwa fih.