Poeżiji – poems John P. Portelli
Traduzzjoni John Baldacchino
Pubblikazzjoni Horizons
Tarċisju Zarb
B’xi mod jew ieħor aħna rridu niddefinixxu lilna nfusna. Il-ħajja hija mixja lej’ l-awtodefinizzjoni…awtodefinizzjoni li ma tieqaf qatt. Kull mument, ħin u waqt. Kull sekonda li aħna npassu fiha, jew saħansitra nieqfu fiha, trid b’xi mod jew ieħor tgħidilna aħna min aħna.
Jgħinna f’dan l-ippajsaġġjar hemm l-immaġni. Hemm dawk ir-ritratti fiżiċi, daqskemm newrunali li jridu jgħidulna aħna min aħna, u fej’ aħna, f’dal-ispazju intimu personali, emozzjonali tal-jienija u l-ieħorija. U daw’ l-immaġnijiet għandhom ħabta kif jinbnew waħda minn oħra hekk kif jintħietu sintattikament ma’ xulxin u jiskattaw ġo moħħna, u ġo moħħ min jiltaqa’ magħhom, xi tip jew ieħor ta’ viżjoni, qagħda ta’ ruħ jew stat mentali.
U dan hu li jiġri f’daw’ l-iskatti-lampi ta’ Portelli. Skatti-sintetiċi, li jitkellmu jgħajtu, jew aħjar ipinġu jgħajtu, permezz ta’ immaġnijiet li jiskattaw waħda minn oħra, b’tali mod u manjiera li mhux biss jgħinu lilu bħala l-persona, imma lill-personae kollha li jiġu f’kuntatt jew taħt l-ombra, id-dell, id-dawl ta’ daw’ l-iskatti.
Għax il-poetiċità ta’ Portelli, hija ta’ bniedem li għaddej perennement, b’insistenza, saħħa u ħila, jiskatta ritratt-f’ritratt daw’ il-qagħdiet mentali tiegħu. Qagħdiet mentali li jiksbu d-dawl sewwa sew mill-immaġnijiet li bihom jibnihom, isawwarhom u jippreżentahom fuq il-karta.
Għax din ta’ Portelli, mhijiex id-dehwa ta’ darba, jew l-iskatt ta’ darba, imma hija endemiċità fil-personalità tiegħu, endemiċità li tagħtih ruħ, spirtu u qawwa, anke meta l-immaġni tinħass u tidher waħda ta’ diqa, qtigħ il-qalb, jew nuqqas ta’ ‘voglia’, li forsi wieħed jipproċedi.
Kull linja/i/vers/versi ta’ Portelli b’dan il-mod meħudin flimkien jistgħu jintqiesu bħala vjaġġ li qiegħed il-ħin kollu jippreżentalna xi tip ta’ sensazzjoni, emozzjoni, qagħda ta’ ruħ, li magħha, aħna…aħna min aħna…xi darba, b’xi mod jew ieħor se nsibu ruħna ġo fiha.
U dan jidher sew minn dawn il-versi li jiena ġibt fis-sħuħija tagħhom, kemm fil-forma Maltija, li hija l-oriġinali, kif ukoll fil-forma Ingliża.
Hawnhekk ta’ min jgħid li ż-żewġ forom, għalkemm huma ‘traduzzjoni’ ta’ xulxin mhumiex l-istess. Kull kelma għandha l-istorja tagħha, u għaldaqstant, kull kelma, l-istess bħal kull sintagma għandha l-awra tagħha. U għaldaqstant, hawnhekk nistgħu ngħidu li għandna żewġ kotba, fi ktieb wieħed. Wieħed bil-lingwa tal-għerq, u l-oħra bil-lingwa taz-zokk morfemiku. Waħda bil-lingwa ta’ gżira inżulari, u l-oħra ta’ lingwa globalizzata. U għaldaqstant l-effett fuq il-qarrej, għallinqas fuqi huwa differenti.
Hawnhekk jiena tkellimt b’mod speċjali fuq il-poeżiji bil-Malti. Il-forma Ingliża, min-naħa l-oħra fiha l-preġji tagħha, l-idjosinkratiċità tagħha, anke jekk fiha hemm l-istess pajsaġġi intimistiċi ta’ dik Maltija. Għaldaqstant, daw’ iż-żewġ naħiet tal-esperjenzjalità poetika tal-poeżija ta’ Portelli, fl-idea tiegħi, hija waħda unika, u ngħid għalija, inħobb naqra ħafna poeżiji b’żewġ lingwi tradotti, għax jagħtuni saħħa viżwali aktar. John Baldacchino min-naħa tiegħu rħiel din it-tranżitorjetà b’ħila. Il-kompożizzjoni ‘Maltija’ b’dan il-mod daħlet hija wkoll f’kompożizzjonalità ta’ skema-lingwistika oħra. Ta’ discourse-poetiku ieħor – discourse madankollu, li jgħin biex jitfa dawl b’saħħa fuq il-kompożizzjonalità Maltija, sewwa sew minħabba l-istess partikolarijiet lingwistiċi taż-żewġ skemi.
Dawn li ġejjin huma xi eżempji imaġistiċi tal-poeżiji ta’ John Peter Portelli, li jibdew sewwa sew, b’vers sulu…vers bil-puntini li jissuġġerixxi tkomplija:
bejn is-sensazzjoni tal-imħabba u..
between a feeling of love and…
Jidher li hemm xi ħaġa fl-imħabba ta’ din il-vuċi poetika, li mhux lakemm tiġi definita, anke jekk hemm sens ta’ inkejja, kif jissuġġerixxi t-tħaxwix tal-baħar, u aktar u aktar dik l-imħabba ‘stampata fuq ramel aħmar’. Id-definizzjoni, hawnhekk iddum ma toħroġ. Is-sensazzjoni…il-ħass…madankollu qiegħed hemm, kif jidher mill-istess linji:
vojta l-bajja, anke minn tħaxwix inkejjuż tal-baħar
jistenniekom kif stenna dejjem –
imħabbtu stampata fuq ramel aħmar
barren is the bay, too from the rustle of a teasing sea
awaiting you, as always –
its love etched on flushed sand
U minn bajja deżolata, li bħal qisha trid titkellem għal qagħda ta’ ruħ, ngħaddu għal ‘esseri’ għasfuri jimmolla minn naħa għal oħra, taħt it-toqol ta’ destin li jħossu li fnieh. Xi tfisser? X’tista’ tkun ix-xibka tal-passjoni li qiegħda tqattar fuq iż-żewġ naħiet tal-passiġġiera? Hemmm xi tip ta’ ambivalenza, li mhux qiegħda tħalli lill-vuċi għasfurija, metaforikament ittrasformata, tħossha daqshekk inkwieta?
għasfur jimmolla minn lasta għal oħra
mad-destin li fnieh;
ix-xibka tal-passjoni tqattar fuq żewġ naħat
a bird bouncing from perch to perch
with a fate that overcame him;
the passion’s net dripping on both sides
U din il-qagħda ambivalenti bħal qisu jittieħed minnha l-‘werżieq’, maqbud bħal f’morsa bejn ferħ u biki bla rażan u bla wqif. U għal darb’oħra, il-vuċi poetika tistaqsi, għalfej’ dil-qagħda ta’ ruħ? Għalfej’ dil-oxxillazzjoni.
il-werżieq, ċuqlajta ferħ bla waqfien
inti moħbija, titbekka telfet imħabbtek
taħt l-arżnu mwarrba
u għada, forsi ċara bħall-ilma ta’ xmara billejl
the cricket, a rattle of joy without end
hidden, you weep for your love’s loss
beneath a forlorn love’s loss
and tomorrow, perhaps as clear as a rivers water by night
Hemm ċans, għallinqas hekk qiegħda tissuġġerixxi din il-qagħda ta’ ruħ ta’ bħalissa, li għad jiġi jum li fih għad jisbaħ jum li fih, għandna nifhmu l-poeta, jarak, għandna nifhmu lill-anima tiegħu, jaraha ‘tiżżeffen ma’ qamar ġdid’, għandna nifhmu, twelid ġdid. Hemm iċ-ċans li din hija possibiltà, għax ix-xi darba, tissuġġerixxi minnha nnifisha, jekk xej’ xi tip jew ieħor ta’ eżistenzjalità.
xi darba hawn jisbaħ
u minn bejn is-sħab nilmaħ lil wiċċek
jiżżeffen mal-qamar ġdid
one day, dawn will come
and among the clouds I’ll spot your face
dancing with a new moon
Hemm iċ-ċans li jista’ jiġri, li darba waħda aħna nerġgħu mmorru lura fl-imkien li jkun sawwarna, li b’xi mod jew ieħor nagħrfu aħna min aħna, u għaldaqstant ngħaddu xi tip ta’ riflessjoni, li fiha, aħna nindunaw wisq aktar x’residwi jkun għad fadal fina, milli qatt inkunu bsarna:
il-gallarija ta’ tfuliti, ippużata fir-raħal
li rabbieni u xekkilni
tistenna li hawn u issa jintesa kollox
my childhood’s balcony, poised in the village
that nurtured and schackled me
awaiting to forget the here and now
Imbagħad jiġu waqtiet ukoll, li fihom aħna ma nkunux nistgħu nifhmu eżatt x’jiġifieri dan il-fenomenu li ngħidulu ħajja, u għaldaqstant indoqqu xi tip ta’ nota eżistenzjali jew eżistenzjalista, li s-sistema tagħna tkun wasslitna għaliha. Il-metafora hemm iċ-ċans li tgħin f’dan ir-rigward.
il-ħajja funtana stunata
tħobbha biss għax m’għandekx għażla
ta’ xejn, din l-għanja tal-imwiet
such a jarring fountain is life
with no choice left, love it you ought
useless, is this song of death
U ma jonqosx li l-lirika poetika, twassalna…twassal lill-persona, biex jirrifletti dwar din l-istess ħajtu, b’mod speċjali fid-dawl tal-fatt, li din l-istess persona tgħix ħajjitha aktar tikteb, u għaldaqstant taħseb u tirrifletti milli xi ħaġa oħra. Il-ħajja b’dan il-mod issir riflessjonijiet imħażża…ikklikkjata f’xi tip ta’ spazju jew ieħor.
jien ngħix fl-ispazju bejn kliem maħrub
niskarta l-irmixk tal-eżistenza
tiżżeffen bla ħsieb
i live in the gaps of furtive words
skiving off the scraps of exisence
in heedless dance
U l-awtodefinizzjoni tal-persona, tal-poeta nnifsu, bħal qisha tinħass għaddejja tinkiteb u tinbena l-ħin kollu, hekk kif huwa jara lilu nnifsu bħala l-vjaġġatur perenn, li għandu ġo fih ukoll id-diq, li hemm iċ-ċans li nkanalizza ruħu fih f’saħħa. U din hi l-fakra.
għajnejja jiftakru kuljum l-ibħra li qsamt
u s-skiet ta’ ġo fija jħażżeż id-diq
fuq ir-ramel b’rixa ta’ merill
my eyes always remember the seas i’ve crossed
and the silence that within me the sadness drew
in the sand with a thrush’s feather
U bħal qisu f’dan it-tidwid kollu għaddej ħarkien fil-madwar, hemm biss ‘il-krib tas-siġar’, b’dak kollu li dan jista’ jissuġġerixxi, li bħal qisu jispira lil din il-vuċi ta’ dawn il-linji.
bl-arja friska tiġi u tmur
l-għasafar tal-bejt inaqqru dudu mejjet
fuq qabar ta’ poeta li qatt ma lissen kelma
jitpaxxa bil-krib tas-siġar;
dan biss jifhem, dan biss jispirah
with a breeze’s fresh bustling
the sparrows peck at a dead worm
on the grave of a poet who never spoke
gratified by the tree’s creaking;
this he gets, by this he is moved
Minn dan kollu naraw kif il-poeżija ta’ Portelli, kemm fil-verżjoni Maltija kif ukoll fil-verżjoni Ingliża jgħinuna naraw kif l-esperjenzjalità umana dejjem tikber, titberrah u tieħu dimensjonijiet varji, jekk xej’ b’dil-multipliċità lingwistika li nissieħbu fiha. Din hija poeżija ta’ kwintissenzjalità li tipprova fis-sintitetiċità tagħha tiżbrixxja xi ftit mit-turbulenza, il-ħsus, l-ideat u l-inkonxjożitajiet-konxji tal-esseri-bniedem. Kull linja trid tgħid storja. U kull storja tiskatta dawl fl-immaġni, anke meta l-vjaġġ jew il-waqfa tinħass kiebja. Sewda. Dieqja.
Ħajr John Peter Portelli. Ħajr John Baldacchino.