Faiza qiegħda f’ilsien u moħħ kulħadd.

Faiza hija dik it-tifla li kulħadd iħobb u jfissed għax ġiet wara ħafna żmien u b’xi mod għandha sbuħija li ħutha ta’ qabilha m’għandhomx.  Imma Faiza m’għandhiex sbuħija biss, għandha wkoll ħafna intelliġenza li ma tħallihiex bi kwietha u li ssawrilha ras iebsa għax taf li dak li hu meqjus aċċettabbli għax dejjem kien hekk mhux bilfors hu ġust.  L-istess intelliġenza ttiha wkoll kunfidenza u assertività biżżejjed sabiex dak li tħoss toħorġu minn fommha u tispjegah b’għemilha.  Minkejja li qiegħda f’ilsien kulħadd, qatt ma titkellem dirett f’dan ir-rumanz.  Wara kollox, Faiza qalgħet xi tiri u qiegħda f’koma.

Faiza twieldet il-Kanada, fil-pajjiż ta’ Justin Trudeau li jidher tant liberali u differenti minn ħafna politiċi konservattivi oħra.  Imma Faiza mhux totalment Kanadiża.  Għandha missier Malti u omm imwielda t-Turkija imma meqjusa bħala Kurda.  Għal ħafna hija immigranta, u f’ħajjitha qasira kellha ġġorr il-piż ta’ din it-tabella.  Immigranti bħalha minn pajjiż missierha li ġejjin minn klassi oħra ukoll iħarsu lejha b’disprezz.

Missierha minkejja li kien ħalla Malta għexieren ta’ snin qabel twieldet, ġarr ħafna miegħu żrar u ċnagen tal-istess blata li ħalla, mingħajr ma qatt irrealizza li dik il-blata li xi darba ħalla wkoll qed tilqa’ ideat oħra ġejjin mall-mewġ li jaħbat magħha jew mill-ajruplani li jniżżlu xorti differenti ta’ umanità fi ħdanha.  Għalih il-familja hija kollox, u għall-unur lest li joqtol jew iġiegħel lil min joqtol.  Ħafna drabi jinsa li l-familja hija pluralita ta’ persuni, eleġġa lilu nnifsu d-dittatur, u sabiex juri l-faċċata tad-dar fuq il-fil perfetta qed iħott is-saqaf ta’ kamartu tas-sodda u jorqod fir-reżħa.  Mhuwiex il-protagonist ewlieni imma antagonist prim.  Il-patrijarkjalità tiegħu taffettwa lil kull min hu madwaru.

Ir-rumanz jibda b’rapporti ġurnalistiċi, liema rapporti jgħidulna li tfajla ġiet milquta f’sparatura meta ppruvat tinħataf.  Għandna aktar minn rapport wieħed, li kollha jgħidu xi ftit jew wisq l-istess ħaġa minn lenti differenti u b’laqtiet ta’ preġudizzji differenti.  Il-bidu huwa l-eċċezzjoni tar-rumanz.

Wara l-introduzzjoni, kollox jgħaddi għal-leħen ta’ min ftit wara l-isparatura mar iżur lil Faiza, u għalhekk kull ħsieb jaqa’ fuqha.  Forsi tista’ ssejħilhom monologi, tista’ wkoll ssejħilhom biċċiet minn djarju, tista’ wkoll issejħilhom frammenti.  Qisu kulħadd irid jiftaħ qalbu mal-qarrejja sabiex ineħħi ftit mit-toqol minn fuqu nnifsu.

L-awtur, Portelli jgħaddi lir-raġel ta’ Faiza, l-eks-namrat tagħha, oħtha, missier u omm l-eks-namrat, u fuq kollox missierha minn konverżazzjonijiet tqal.  Juża lil dawn il-persuni sabiex jiffoka fuq Faiza nnifisha.  Joħloq il-karattru ta’ Faiza permezz tagħhom, persuni li jafu lil Faiza sew u mill-qrib, għallinqas safejn jafu huma.

Hija din it-teknika li tagħmel dan ir-rumanz differenti minn oħrajn.  Il-kelma tidher li qed tinbex u saħansitra tħabbat lil Portelli mingħajr hedu, u dan l-awtur bi sfond filosofiku jidher li ma jistax iħalli l-pinna għal wisq ħin lil hinn minn idu.  Minn poeżiji, għal skizzi u issa għal rumanz.  Imma mal-filosofija, Portelli jżewweġ is-soċjo-politika, skont it-teorija tiegħi bejn għax ma jistax joqgħod mingħajrha u bejn għax irid jaqsam biċċa minn ħajtu fil-komunikazzjoni tiegħu mal-qarrejja.   F’Faiza joħloq karattru li fih mill-anqas kontradizzjonijiet, imma tipprovdi mera li tikxef kull kontradizzjoni oħra li hemm fil-persuni ta’ madwarha li jiġu jżuruha fuq sodditha tal-mewt.  Mill-frammenti ta’ dawn, li ġejjin minn għeruq, nazzjonalitajiet u klassijiet differenti joħloq mera fuq is-soċjetà.

Kulħadd barra Faiza mhux sempliċiment rumanz miktub bil-lingwa Maltija.  Huwa msejjes f’kultura Maltija, lil hinn mill-blata li bħalissa ħafna qed jgħidu hija wisq miżgħuda b’immigranti.  Minflok, dan hu rumanz ta’ Maltin emigranti li xi darba telqu sabiex iħallu l-ispazju u l-ħobż ta’ din il-gżira għal ħaddieħor.

Faiza minkejja li twieldet lil hinn minn din il-blata u qatt ma kellha x-xorti żżurha ġarret ħafna mill-piż u ngirfet mill-ponot jaqtgħu tagħha.  Min jaf hiex waħedha?

Jean Paul Borg

“TLETTAX” – ta’ Kenneth Caruana – Pubblikazzjoni Horizons (364 faċċata)

Wara ‘Qtil fis-Skiet’ (2006) u ‘Kuntatt Fatali’ (2001), Kenneth Caruana għoġbu jidħol għal thriller ferm itwal u anki b’ħafna aktar intriċċi permezz tal-ktieb “TLETTAX”. Jidher biċ-ċar li fuq tlieta toqgħod il-borma għax id-disa’ snin li għaddew mill-aħħar ktieb tiegħu ġabu magħhom maturità fis-sengħa tal-kitba li tinħass u hija wkoll il-frott tar-riċerka bir-reqqa li għamel l-awtur.

Permezz ta’ dan ir-rumanz jiena inħoss ukoll li t-thriller bil-Malti nnifsu għadda mill-eżami tal-maturità flimkien miegħu. Fi “TLETTAX”, li l-isem waħdu hu eżoteriku u jqanqal kurżità kbira, Kenneth Caruana ħadem fuq każ li l-qarrej mingħalih mhu jitlef xejn min-nisġa tal-istorja, u li qed isir jaf kollox x’inhu għaddej kapitlu wara kapitlu dwar il-protagonist William  u l-istat mentali tiegħu, u mbagħad jispiċċa biex jissorprendi ruħu. Bħalma naraw fl-aqwa thrillers moderni barranin xejn m’huwa lineari l-mod li bih niskopru min hu, x’wassal biex weħel erba’ snin ħabs, u l-ossessjoni li ddaħħlu f’solitudni tal-ġenn.

Il-ktieb jiftaħ b’xena f’ħabs fejn William jagħmel tentattiv ta’ suwiċidju. Malajr nindunaw li Caruana kellu jirriċerka bis-sħiħ l-ambjent karċerarju mhux biss lokali iżda wkoll dak tal-pajjiż fejn tiżvolġi l-azzjoni. Hemm ambjenti oħrajn li kien jeħtieġlu jistħarreġ, ngħidu aħna dak taċ-ċrieki ġurnalistiċi f’żoni ta’ gwerra, postijiet imwiegħra fi żminijiet politiċi mqallba bħal dawk tal-Bosnja u s-Somalja. Għax kien fihom li ħadem William qabel spiċċa l-ħabs minħabba r-reat li kkommetta bi skop speċifiku. L-awtur ma setax jirriskja li ma jkunx konvinċenti, u rnexxielu għax tħejja tajjeb ferm. Pereżempju nsibu l-esperjenzi li tifel irrakkonta lil William fis-Sudan dwar minn xiex kien għadda (p.55), jew x’kien kiteb f’wieħed mir-rapporti tiegħu mis-Somalja dwar il-ħruxijiet li għaddiet minnhom ċerta Fathia (p.77) – ġrajjiet kommoventi għall-aħħar.

Wieħed ma jridx jinsa lanqas ir-riċerka li kien hemm bżonn issir min-naħa tal-awtur biex ikun konvinċenti meta jittratta d-deskrizzjoni tal-personaġġi, l-inħawi tal-ħabsijiet fejn jilagħbu r-rwol tagħhom, u l-kundizzjoni medika tal-PTSD. Din tal-aħħar kien jinħtieġlu għarfien sħiħ tagħha minħabba r-rwol li tilgħab fin-nisġa tal-istorja prattikament mill-bidu sal-aħħar. Dan biex ma nsemmux ukoll is-sengħa li biha jirrekordja s-sessjonijiet bejn pazjenti fil-ħabs u l-psikologi li jsegwuhom. Hija ovvja li l-awtur qara ħafna u tkellem ma’ bosta professjonisti li jaħdmu fl-oqsma msemmija. U dan Kenneth jirrikonoxxih fid-daħla li kiteb għall-ktieb.

Huwa żgur mertu tiegħu kollu iżda kif Kenneth jagħraf iżomm lill-qarrej il-ħin kollu jtella’ u jniżżel fuq l-istat mentali tal-protagonist u l-motivazzjoni wara għemilu. Biex ma ntellef xejn mill-pjaċir tal-qarrejja li jiskopru gradwalment il-kxif ta’ dil-motivazzjoni, ngħid biss li wara l-attentat ta’ suwiċidju li jiftaħ bih ir-rumanz hemm pjan metikoluż anki jekk perikoluż u dijaboliku.

In-narrattiva mbagħad hija mżewqa bit-tħaddim f’waqtu ta’ nixxigħat ta’ ħsibijiet xi minn daqqiet deliranti, flashbacks kuluriti u thewdin min-naħa tal-protagonist li l-awtur kellu jara x’jagħmel biex jingħarfu minn xulxin. U anki hawnhekk irnexxielu. Hekk, hu jieħu ħsieb li t-thewdin jingħaraf permezz tal-użu tal-korsiv fil-kitba tiegħu:

Il-bieba ta’ wara tal-ambulanza nfetħet beraħ. Hu seta’ jara tfajla diġà mejta mitluqa fuq streċer. Resaq iktar qrib lejha. Ralha jdejha magħqudin f’ponn, xagħarha kannella twil jgħattilha nofs wiċċha u għajnejha magħluqin.”(p. 44)

Meta l-awtur joħodna lura fiż-żmien, hu jieħu ħsieb jgħin lill-qarrej billi juża tipa ħarira iċken biex tibqa’ dejjem ċara. In-narrattiva mbagħad mhux nieqsa minn deskrizzjonijiet konvinċenti f’mumenti ewlenin tal-istorja. Hekk ngħidu aħna f’paġni 168-169:

“Is-sinfonija (‘Liebestraum’ ta’ Franz Liszt) kienet tibda bil-mod, b’noti ħelwin, ġentili, l-istess ġentilezza tagħha. Imbagħad f’salt in-noti jitqawwew, ifakkruh kif mix-xejn, mhux mistenni, seħħ l-attakk imdemmi. Maqbudin, Lana, ommha, u dawk li inzertaw magħhom bdew jifgaw billi belgħu l-gass velenuż…”

Fl-aħħar u mhux l-inqas wieħed ma jistax ma josservax id-djalogar ferm naturali li fih il-ktieb. Tiġini f’moħħi x-xena fejn fil-ħabs tinqala’ ġlieda partikolari f’paġna 194. Il-kliem joħroġ tant naturali u b’mod tassew realistiku, qisek qed tara d-djalogu jinħadem f’xi film. Ikolli ngħid li Kenneth Caruana kien qiegħed b’mod konxju jlaqqa’ l-azzjoni mad-diskors b’sengħa u attenzjoni ferm akbar bl-idea li jagħmel mill-ktieb tiegħu speċi ta’ scenario għal xi sensiela televiżiva. Min jaf x’għad jiġri!

Hemm ħafna aktar x’wieħed jgħid fuq dan it-tielet rumanz ta’ Kenneth Caruana. Jekk inkompli iżda nirriskja li nikxef wisq mill-istorja. U dan ċertament ma jagħmel tajjeb għal ħadd. Għal min iħobb jaqra thriller modern u eċċitanti “TLETTAX” żgur li darba jibdieh mhux ser jitilqu minn idejh.

Prof. Toni Aquilina

Dan huwa rumanz qasir jew rakkont twil li jtul ftit iktar minn 70 paġna. Għandu Daħla mit-traduttur stess, patri Mark Montebello. Huwa rakkont li ismu jfakkar f’bosta affarijiet, fosthom versi mill-poeżija ‘Ode to a Nightingale’ ta’ John Keats: “Darkling I listen; and, for many a time/ I have been half in love with easeful Death…”

 

Dan tal-kittieba minn Katalonja, Spanja, imma li tgħix f’Għawdex, Marta Obiols Fornell, huwa xogħol li għandu mill-filosofiku, mill-ispiritwali, mill-erotiku, mir-reliġjonijiet Orjentali, min-niħiliżmu, u l-bqija. Amanda hija l-personaġġ ċentrali u n-narratur, tfajla ta’ 20 sena li għadha kemm tiggradwa fil-Filosofija u ssir tħobb lill-għalliem tagħha Martin, 40 sena ikbar minnha. Hemm ukoll is-saċerdot Michael li jisma’ u jieħu ħsieb lil Amanda f’waqtiet ta’ turment eżistenzjali, inċertezza u solitudni, karattru li fl-aħħar jixxokkja billi fuq is-sodda tal-mewt jirrifjuta valuri bħall-kastità, il-faqar u l-ubbidjenza.

 

Dan hu rakkont profond li jittratta ħwejjeġ differenti: id-differenza bejn il-ħajja (meta tgħixha kif irid ħaddieħor u skont regoli prestabbiliti) u l-Ħajja (meta tgħixha kif tixtieq int), mela d-differenza bejn li tgħix imjassar bil-ktajjen u li tgħix ħieles minn kull irbit li jxejjen il-’jien’; ix-xewqa għall-mewt, bl-imħabba bħala l-unika forza kontra din ix-xewqa; il-ħajja bħala suwiċidju mħabbar sa mit-twelid; l-uġigħ tas-solitudni u l-bżonn ta’ xi ħadd li jisimgħek u jserrħek minnu; il-bżonn li wieħed jikber minn ġewwa u ma jiddependi fuq ħadd; it-taqbida bejn użanzi u tradizzjonijiet li ilhom ikaxkru għal sekli sħaħ, u mġiba, ħsibijiet u aġir li jkisser l-iskemi riġidi tal-ġenerazzjonijiet l-antiki; il-ġlieda bejn il-kuxjenza li tumilja l-‘jien’ u l-passjonijiet li jsaħħu u jimlew lil dak li jkun bil-ħajja; in-nar li jdawwal u li jemana minn Alla u n-nar tal-passjoni karnali; u l-firda bejn li tgħix il-ħajja kif jixtieq Alla u tgħixha kif tiddetta l-Knisja bħala istituzzjoni.

 

Easeful Death jista’ jinqara bħala djarju intimu jew għajta silenżjuża ta’ ruħ żagħżugħa li qed tfittex it-tifsiriet u r-raġunijiet għal ħwejjeġ differenti. Dan huwa xogħol li jista’ jinqara fi ftit sigħat u f’nifs wieħed, daqslikieku nqbadt f’kurrent li jaħkmek, jinkwetak u jagħtik pjaċir fl-istess waqt.

 

Xogħol bħal dan ifakkar fil-Being and Nothingness ta’ Sartre jew f’The Unbearable Lightness of Being ta’ Milan Kundera. Kulma hu huwa ġabra ta’ 70 paġna, imma huma ftit paġni li jġorru piż kbir u li jisfidaw lill-qarrej iħares ’l isfel – jew ġewwa fih stess – u bħal jirriskja jixxabbat biex jara b’għajnejh abiss bla qiegħ li donnu huwa d-destin ta’ kull bniedem li jwarrab it-twemmin.

 

Hu rakkont dwar il-mewt tal-imħabba; dwar il-mewt tal-ħajja nnifisha; dwar l-imħabba li tirrendi l-mewt esperjenza inqas iebsa; dwar l-għarfien li l-bniedem – u mhux kull bniedem – jikseb qabel ma jintefa’ b’ruħu u b’ġismu għal isfel f’dan l-abiss…

 

Hu rakkont qasir li jħalli warajh eku li jibqa’ jidwi għat-tul f’ruħ min jaqrah.

 

Patrick Sammut

Jiem bla wiċċ / anonimu bħal dawk li jmutu fi djar vojta /

bħall-funerali bla udjenza / bħas-swali tal-isptar bla ħin għall-visti. (Karl Schembri)

Jien lejk niċċassa/nistenniek ħa tkellimni – /l-ħemda titbandal. (Immanuel Mifsud)

Ħadet nifs ieħor, / magħdur u jkarkar. / Kien l-aħħar nifs. / Is-skiet. (Charles Flores)

Xufftejk / kemxejn mitbuqa / jsoffu l-aħħar nifsijiet. (Elena Cardona)

dik is-sena daħlet l-isptar darbtejn, darba għaliha u darba/

għan-nannu, kienu daħħluh l-istpar ta’ malajr, ħabta / u sabta. (Leanne Ellul)

Xi darba t-toroq kienu vojta, / inżommu l-vajrus kwarantina. /

Fit-toroq kellna biss il-pulizija, / u l-armata u l-pumpiera, /

u jiġġieldu l-vajrus minn wara l-maskri, /

kellna t-tobba u l-infermiera (Kit Azzopardi)

L-ebda ċaqliqa  fl-arja ħadranija: / żewġ dgħajjes mitluqin /

taħt siġra kbira / u l-ħemda infinita / taż-żerniq. (Joe Friggieri)

Kien wisq id-dwal li ntfew / matul il-jum /

biex id-dlam ma jemmnuhx fihom/

 fond midfun. (Gioelle Galea)

Hekk biss sabiħa l-ħajja meta t-toroq /

Ċimiterju – għax hawn il-ġdiem u l-pesta /

U tiġi wiċċ imb wiċċ mal-baħħ jirbombja,/ 

U tasal f’tarf it-triq u f’tarf ix-xifer (Alfred Grech)

Dal-lejl smajna l-qatates saħħar / li werżqu bħal spirti ħabbara. /

Kien lejl ta’ ħruxija / ta’ wġigħ, t’agunija /

u fraħna li s-sebħ keċċa l-ħsara. (Adrian Grima)

Bieb imbexxaq, rui tperper, żiffa – (Simone Inguanez)

il-kotba tal-latin u l-matematika /

l’aljenawni meta l-poeżija nixfet fuq ilsieni (Albert Marshall)

 

Hemm iċ-ċans li kulħadd jaf, li aħna bħala bnedmin, aħna ‘iwwajerjati’ biex ninteraġixxu / ‘nitfiegħlu’ ma’ xulxin. U dan b’mod speċjali fi żminijiet ta’ stress. Hemm iċ-ċans ukoll li meta aħna ngħaddu minn xi tip ta’ ‘diżastru nifsieni’, waħedna, ikun hemm iċ-ċans li aħna nimtlew b’aktar ansjetà, u forsi wkoll insibuha aktar diffiċli biex aħna ‘nikkowpjaw’.

 

Hemm iċ-ċans li l-‘waħdi’ ma tantx jassigura tajjeb għas-saħħa ta’ kull wieħed u l-waħda minna. U forsi ż-żieda fl-ormoni tal-istress, hemm iċ-ċans li dawn jitkellmuh jgħajtu u jgħajtu ħafna. U forsi wkoll, huwa minħabba f’hekk li jkun hemm iċ-ċans li l-irqad ma jibqax daqshekk sħiħi. U s-sistema immunitarja tagħna, hemm iċ-ċans li tiġi ‘kompromessa’. U forsi wkoll, f’nies, b’mod speċjali ta’ ċerta età jkun hemm iċ-ċans li konjittivament jibdew it-triq għan-niżla. Il-waħdi, b’mod speċjali l-‘waħdi’ b’mod sfurzat ma tantx jawgura tajjeb għal ħadd.

 

Il-‘waħdi’ f’ambjent li ma jinbidilx, fejn l-għarfien sensorju u l-mod kif aħna nipproċessawh ikun hemm iċ-ċans li dan jinbidel b’mod imprevedibbli. L-istimulazzjoni ‘monotona’ tal-madwar tagħna jista’ jwassal biex aħna nibdew inħarsu ’l ġewwa, u ’l ġewwa ħafna u ħafna u ħafna, u dan mhux kulħadd jaf jittrattah sew u sewwa ħafna.

 

Mingħajr ‘il-ħaddieħor’, hemm iċ-ċans li mhux faċli li nsolvu l-‘ambigwità’, jew suq, insibuha diffiċli u diffiċli ħafna. U jista’ jiġri wkoll, għallinqas hekk hawn min isostni, li nistgħu naslu għal xi tip ta’ konklużjonijiet ‘suwed’.

 

U forsi, hawnhekk, għandna għax nirringrazzjaw ’l Alla, li għandna l-poeżija, li kif nafu hija ‘qagħda’ psikoloġika daqskemm spiritwali, li twassalna biex aħna ‘nimmajndfuljaw’, billi jekk xejn nibqgħu fil-mument, jekk xejn mal-kliem. U l-poeti dan jafuh u jafuh tajjeb. Kif forsi jafu ħafna, l-‘aqwa’ poeżija turi li l-poeta hu intunat għal din it-tip ta’ qagħda ġewwinija kif ukoll esterna li tgħinna naqsmu bejnietna dettalji speċifiċi dwar osservazzjonijiet, sitwazzjonijiet, immaġnijiet u ħsus. Hemm terapija fil-poeżija li twassalna biex ‘naċċessjaw’ dil-vuċi ġewwinija filwaqt li fl-istess ħin insinnu l-ħiliet ‘osservazzjonali’ tagħna.

 

U forsi fid-dawl ta’ dan kollu wieħed jista’ jagħraf it-‘Tgħanniq Ieħor’, li Kit Azzopardik Simone Inguanez u John P. Portelli ġabru minn għadd kbir ta’ poeti, li f’dan iż-żmien ta’ forsi ‘esklużjoni’ soċjali furzata, jew forsi wkoll fi żmien ta’ emarġinar, u ‘waħdiżmu’, ħassew il-ħtieġa, jew forsi wkoll ġiet hi tħabbtilhom, il-fonotittatiċità tal-poeżija. Għax il-poeżija dan taf tagħmlu u tagħmlu sew. Hija akkumpanjatriċi li ma tippruvax issibek meta inti fl-aħjar tiegħek, imma tiġi sewwa sew meta inti jkollok bżonnha.

 

U jġorrha fuq ġwienħu nsibu l-‘kelma/kliem’ – ġwienaħ li huma ħsejjes li jitkellmu jgħajtu f’qiegħ ruħna – ħsejjes li jisimgħu t-taħbit, ir-ritmi u l-bijoritmi ta’ ġo fina, u jgħidulna: Esprimuna. Esprimuna. Esprimuna. Wara kollox, aħna m’aħniex ħlief intom. Aħna m’aħniex ħlief aħna. U l-aħna u l-ħsejjes sotterranji li jistennew xi ħadd jiftħilhom biex jagħraf id-daqqiet tagħhom, hekk kif joħorġu mill-qiegħ subkonxjuż, fejn għaddejjin ‘jiddiljirjaw’ il-ħin kollu.

 

U dawn huma l-poeżiji li nsibu f’din l-antoloġija – antoloġija unika, li hija wisq aktar mit-tattalità tat-tgħanniqa. Hija wisq aktar minn sors wieħed ta’ sensorjetà. Hemm immaġnijiet għaddejjin jissingjaw minn naħa għal oħra tal-esseriżmu tagħna – l-umanità. Hemm djalogi, konverżazzjonijiet, indirizzi, ‘weġgħat’ u ‘ferħiet’, li fil-morfoloġiċità u s-sintattiċità u l-versifikar poetiku jħossu li għandhom vuċi, u vuċi unika.

 

U kull poeta. U kull poetessa, jittastjaw/ipinnu dawn l-‘ennui’ ta’ ġo fiha. Ennui, li fil-poetiċità jsibu fidwa. Isibu dawl. Isibu kenn f’kenn f’kenn. Isibu ‘vuċi’. Hija l-vuċi li taf lill-‘persona’. Hija l-vuċi li taf qiegħ ruħna, u l-qarrej li jissieħeb f’dan l-itinerar poetiku, jekk xejn, għallinqas kull tant żmien f’vers jew tnejn strofa jew linja, għandu jsib lilu nnifsu ‘jikkonnekktja’ – dak it-tip ta’ kkonnettjar, li l-ebda stimulu ieħor elettro-kimiku ma jaf jagħmlu b’saħħa daqs il-poeżija.

 

U Ġan Piet u sħabu dan għarfuh u għarfuh sewwa. U ta’ dan, għandna għax inkunu grati, li flimkien mal-Horizons, is-Sur Bezzina u l-bqija, tawna dawn il-‘ħsejjes’ fejjieda, li nsejħulhom poeżija – lingwa unika, li tafna sa mill-ewwel tbebixiet ta’ tfulitna, u li sawritna u tibqa’ ssawwarna sa ma jtul iż-żmien. Il-poeżija dan tafu u tafu sewwa.

 

forsi kien il-qamar madraperla / li ġie jżarrad l-irqad dal-lejl /

jew it-tifkira tal-korvu biżbetku / jħuf minn biża’ għal oħra / jum sħiħ (Nadia Mifsud)

bkejt kuljum ħdax-il minuta u nofs bejn il-ħdax u nofs u;

nofsillejl waqt li int kont tonħor ħdejja (Clare Azzopardi)

U meta jdoqqu l-mota / ħamsa, ħamsa  għax jien raġel, itilquni hemm /

nitbaskat fix-xemx / fuq ramel ħamrani/ u ħallu biss il-baħar /

jagħdirni / jispirani, ilaħlaħni  minn għelti /

ħa naċċetta l-inevitabbli, u hekk, ftit, ftit /

nitwaħħad ma’ għeluq iż-żmien, /

u nittama li dal-baħar temmiem  imewwiġni ’l barra, ’il barra. (John P. Portelli)

Dal-kliem twieled mejjet. / għalxejn tressqu ma’ xufftejk /

biex ittih in-nifs (Kenneth Scicluna)

Nitla’ elf għolja / ħa ntiegħem ħlewa bnina – qamar ċirasa (Jesmond Sharpels)

Minn din il-għomma li għejjietna, / żiffa ħelwa /

li ċaqalqet ħlejju l-weraq / li kien għoddu nixef. (Omar Seguna)

Kont qed nipprova nikteb ħolm imqadded /

imma ma stajtx nara-nisma’  kif f’żaqqi mbaram il-mixi /

ta’ qatra xita tiżloq ċrieċer / tul ħġieġ il-ħeġġa l-hena (Michael Zammit)

 

 Tarċisju Zarb

Maria Camilleri, il-mara altruwistika li b’ġentillezza kbira f’kull ħin opportun tagħtu spazju lil kittieba kemm stabbiliti u kemm emerġenti għadha kemm ħarġet pubblikazzjoni ta’ ġabra ta’ novelli.

Din id-damma ta’ novelli fiha 23 storja bi stil mexxej, bi kliem sempliċi, sabiħ għax nieqes mill-bombastiċità ta’ Malti taljanizzat jew bi tkissir ta’ kliem Ingliż għal Malti. L-istil ta’ dawn l-istejjer huwa msejjes fuq ġrajjiet qosra f’dawk li huma għadd ta’ paġni u paragrafi mhux daqstant twal u fejn dan huwa hekk, hemm asterisks biex jifirdu silta minn oħra. B’dan il-mod, il-qarrej ma jiddejjaqx jgħaddi minn paragrafu għal ieħor jew minn paġna għal oħra tal-istorja li jkun imiss. Uħud minnhom huma miktuba fl-ewwel persuna biex hekk il-qarrej jidħol aktar fl-fond u bħal donnu qed jieħu sehem fil-ġrajja. Minbarra dan, hemm minnhom li huma tassew oriġinali u avventuriżi. Dawn l-elementi kollha jagħmlu l-qari rilassanti u fl-istess waqt interessanti.

Fattur ieħor huwa li fit-temi li għażlet Maria hemm varjazzjoni ta’ sitwazzjonijiet li juru kemm il-kittieba għandha maturità ta’ esperjenza fil-ħajja ta’ kuljum. Pereżempju, taf tkun umoristika b’battuti niggieża bħalma nsibu fin-novella Bir-Rixa b’kollox fejn Karmelina, sforz l-antipatija li kellha għal Martina u lejn bintha Klara, tgħid lil żewġha “U ara x’qed ngħidlek, jekk xi darba naraha fuq l-altar tagħmel il-wegħda taż-żwieġ ma’ xi ġuvni bil-għaqal, jien lesta niekol dal-kappell li għandi f’rasi. Bir-rixa b’kollox!” Titnissel tbissima fuq fomm il-qarrej meta jasal it-tmiem ta’ din in-novella.

Imbagħad wieħed isib il-kruha tal-ħajja fin-novella Familja Waħda fejn Maria turina li fl-eżistenza umana mhux dejjem u mhux kollox huwa lixx, ward u żahar. Hemm ukoll is-sitwazzjonijiet taċ-ċaħda, tas-solitudni, tal-abbandun u ta’ ribeljoni. Hekk f’paġna 44, il-qarrej jaqra: “Jien jaħasra, kont inżommha bil-qalb kollha, imma d-dar bilkemm għandna fejn induru aħna.” Jew aktar ’l isfel “Povra tifla! Bla missier u issa bla omm ukoll! Nixtieq inżommha magħna jien, imma dak li ndaħħlu minn dak in-naqra ta’ ħanut li għandna bilkemm iservi għalina!” Iżda fl-aħħar tal-ġrajja, Maria, b’ton pożittiv turina li wara kollox, ix-xemx dejjem tixref wara s-sħab sewdien: “Sibthom meta kont qed negħreq fid-dwejjaq, tawni t-tama meta kont tlift il-fiduċja f’kollox u f’kulħadd, u issa jmiss lili biex inħallas lura ftit mid-dejn li għandi lejhom.

Novella sentimentali ħafna fejn fiha Maria turi l-istint maternistiku jinsab fin-novella Hemm post għal Michael. Għalkemm il-karattru ewlieni ma kinitx omm, xorta waħda bħala nanny ħabbet b’imħabba ta’ omm lill-iben tas-sinjuri li kienet taħdem magħhom. Min-naħa tiegħu, Michael irroċiproka din l-imħabba b’oħra daqstant ġenwina.

Maria Camilleri hija mara u fl-istess ħin hija omm u għalhekk ma jonqosx li f’uħud minn dawn in-novelli ma jkunx hemm l-element femminili jew maternalistiku. Għal dan il-għan, Maria ħalliet l-aħħar novella Ommi biex turina kif minkejja li l-bint ftit kienet iġġib lil ommha, b’danakollu fl-aħħar l-istint femminili tal-omm u l-bint jirbaħ kull stint ieħor.

L-aħħar kumment li rrid nagħmel huwa dwar il-qoxra ta’ din id-damma ta’ novelli. L-isem tagħha huwa l-istess isem ta’ waħda min-novelli li l-qarrej isib f’paġna 135. Għalkemm din in-novella hi kemxejn twila aktar mill-oħrajn, xorta waħda hija intriganti. Fiha sens ta’ misteru jdawwar il-karattru tas-sinjura li toqgħod fuq il-pultruna titbandal bir-ritratt ta’ binha f’idha. B’mod simboliku ħassejt u interpretajt li l-bandla li tidher fil-qoxra u fl-istorja bħala l-bandla tal-ħajja li daqqa titbandal ’l quddiem u daqqa lura skont iċ-ċirkustanza u s-sitwazzjoni tal-individwu. Imma din hija biss fehma tiegħi.

F’din il-ġabra ta’ novelli, Maria Camilleri wriet li hi bniedma b’sentimenti sbieħ, reali, emozzjonali u nieqsa mill-artifiċjalità li xi drabu nsibu f’kitbiet ta’ kittieba inqas maturi. Għaldaqstant, min iħobb letteratura sabiħa msejsa fuq ġrajjiet reali li jistgħu jseħħu ta’ kuljum, m’għandux ma jiftaħx dan il-ktieb u jaqra, jixtarr u japprezza l-kontenut tiegħu kemm bħala kitba letterarja imma wkoll bħala waqtiet ta’ rilassament.

 

Salv Sammut

29/12/2020

Il-Psikanalista Joel Friedman fil-prattika professjonali tiegħu għas-saħħa metali iħares lejn il-bniedem bħala kumplessità bijoloġika, psikika, soċjali u spiritwali. Il-ġisem, il-moħħ, ir-ruħ u d-dinja huma l-elementi li flimkien isawwru u jżommu lill-bniedem fuq saqajh u konxju minnu nnifsu fl-issa. Huwa jidentifika tliet dinjiet, jew saltniet biex nitkellmu hekk, li fihom dan kollu jseħħ: is-saltna tal-illużorju, id-dinja empirika u dak li jibqa’ għal dejjem jew l-assolut.  Meta dawn huma f’ekwilibriju il-bniedem jgħix fl-issa, fil-preżent, saqajh mal-art biex nitkellmu hekk. Il-bniedem ikun preżenti fih innifsu, għalih innifsu u għad-dinja ta’ madwaru. Fit-tradizzjonijiet reliġjużi, speċjalment f’dik Ġudeo-nisranija, s-simbolu ewlieni tal-preżenza huwa il-wiċċ li jiġbor fih dan kollu, huwa mera ta’ dan kollu.  It-tradizzjoni mistika, letterarja u artistika żviluppat it-tematika tal-wiċċ. Dante, per eżempju, fid-Divina Commedia, wara t-tisfijiet kollha li jgħaddi minnhom iħares f’Alla u jara lilu nnifsu. Fil-Kristjaneżmu għandna l-kult tal-Wiċċ ta’ Kristu, li huwa enigma fih innifsu. Fl-arti tal-punent ukoll għandna t-tradizzjoni qawwija tar-ritratt u l-awtoritratt, tradizzjoni pittorika li ma nsibuhiex fil-kulturi kollha, talanqas mhux kif żviluppata fil-punent. Din tal-aħħar hija tema qawwija tar-rumanz  Il-Wiċċ l-ieħor mill-pinna ta’ Ġorġ Peresso. Dan ir-rumanz narah jidħol f’din il-linja ta’ riflessjoni letterarja fuq il-misteru tal-wiċċ. Bla tlaqlieq nistqarr li dan “ir-rumanz kulturali” aktarx huwa l-aqwa li ġie f’idejja għal dawn l-aħħar snin. Insejjaħlu kulturali mhux biss għax fih minjiera ta’ riferenzi mitoloġiċi u artistiċi. Insemmu hawn lil Gustav Mahler, Kokostcha, Klimt, Dante, Bruegel, Carpaccio, Van Gogh, Cailebootte u l-bqija, li jpaxxu l-qarrej kolt b’għana ta’ xbihat u ħsejjes waqt li qed jaqra, u li jista’ jservi ta’ ħajra għall-qarrej li mhuwiex midħla ta’ dawn il-ġganti kulturali sabiex isir jafhom u japprezzahom. Ngħid għalija kull rumanz, jew ktieb hu x’inhu, huwa avventura, daħla f’dinja oħra. Il-Wiċċ l-ieħor, li qrajtu f’jum u lejl, huwa tassew festa ta’ immaġni, mużikalità u introspezzjoni psikoloġika dwar ir-relazzjoni intrinsika bejn l-illużorju, l-empiriku u l-assolut. It-tlieta li huma esposti fil-protagonista kritiku tal-arti iffissat bil-wiċċ, li l-laqgħa ma’ mara li tolqtu b’qawwa li tħarbatlu ir-ritwalità li kienet qegħdha żżommu f’bilanċ illużorju. Impatt li  bih din il-mara misterjuża kixfitlu d-diżarmonija u l-frammentazzjoni li kien hemm f’ġismu, moħħu u ruħu fl-eżistenza bejn l-illużorju, l-empiriku u l-assolut. Ir-rumanz huwa msensel fi tlettax il-kapitlu u epilogu. Dawn jinġabru f’żewġ taqsimiet: l-imgħoddi (impliċitu) u Ħmistax -il Sena Wara, li fil-loġika tar-rumanz jiġi l-issa (espliċitu). Ir-rumanz, jagħlaq billi ma’ jagħlaqx. L-aħħar kelmiet qishom titlu ta’ kapitlu li għadu qed jinkiteb… fil-moħħ tal-qarrej: It-Tmiem. Forsi. Il-qarrej f’dan ir-rumanz qisu jsir ukoll protagonista. Il-karattri bla isem iħalluk għandhom l-effett ta’ identifikazzjoni fil-psike u l-emottiv tal-qarrej, hekk kif il-protagonista jidentifika ruħu mal-wiċċ u allura mal-ħajja ta’ Koskoschka li bħal donnu jinkarna fih. Il-kapitli għandhom il-valur li huma stejjer kompluti fihom infushom. Ħjiel ta’ dan huwa l-fatt li t-titli kollha jintemmu bil-punt. Jidher ċar li hija għażla tal-awtur għax meta taqra l-kapitli, tieħu l-impressjoni li huma fil-fatt stejjer kompluti fuq tipi ta’ wċuh Medusa, Nuda Veritas, Kokoschka, u l-bqija. Il-kapitli qishom frammenti mużikali li jsawwru orkestra Mahlerjana. Is-sentenzi qosra u twal, idaħħlu l-qarrej fir-ritmiċità sinfonika li minnha hija ispirata din il-ġrajja daqstant partikulari, daqskemm universali. Inkiteb ħafna dwar il-kontenut tar-rumanz u l-ġrajja li jirrakkonta. Mhux il-każ li hawnhekk nirrepeti dak li diġà qal ħaddieħor. Il-kobor ta’ dan ir-rumanz fil-ġrajja letterarja Maltija, talanqas dik reċenti huwa l-kapaċità tal-awtur li b’sensibilità drammatika u teatrika idaħħal lill-qarrej b’qawwa fih innifsu u jġibu wiċċ imb’wiċċ mal-wiċċ l-ieħor tal-esperjenza umana tagħna frammentata, lil hemm minn dak li jidher, fl-inżul kuraġġjuż fid-dinja ġewwinija li titħabat fina biex issib lilha nnifisha bla ma’ tinqered, u allura s-sens tal-eżistenza personali, bejn l-illużorju, l-empiriku u l-assolut fir-relazzjoni kumplessa bejn il-ħtiġijiet, il-ġibdiet u x-xewqat tal-ġisem, tal-moħħ u tar-ruħ. Rumanz kapulavur mill-pinna matura ta’ Peresso.

 

Charlò Camilleri, O.Carm.

Il-Professur John P. Portelli jintervista lil Ġorġ Peresso dwar ir-rumanz tiegħu Il-Wiċċ l-Ieħor ippubblikat minn Horizons fl-2019, u rebbieħ tal-premju tal-ktieb għall-2019 fil-kategorija tar-rumanzi.

JP: Qabel xejn nifraħlek, Ġorġ. Fil-fehma tiegħi, dan ir-rumanz Il-Wiċċ l-Ieħor hu pjuttost eżistenzjali. L-element tar-responsabbiltà tad-deċiżjonijiet kif ukoll l-indeċiżjonijiet dwar l-għażliet umani huma fiċ-ċentru. Fl-istess ħin, inti toħloq ukoll element qawwi ta’ dubju anke f’dak li nġarrbu, jew aħjar, f’dak li jġarrbu l-karattri. F’dan is-sens inti għaqqadt l-element eżistenzjalista ta’ Albert Camus flimkien max-xettiċiżmu ta’ David Hume. Ma nafx jekk taqbilx jew le—jekk ma taqbilx ma jimpurtax—il-mistoqsija tiegħi hija sempliċi: inti x’tikkumenta?

GP: L-ewwel nett grazzi min-naħa tiegħi John. Irrelevanti jekk naqbilx, imma l-mistoqsija tiegħek hija ta’ provokazzjoni u interessanti għax ħassejt illi laqgħtet il-musmar sewwa. Anke għaliex f’dawn l-aħħar snin jiena għaddejt minn sitwazzjoni tal-mod kif inħares lejn dik—ippermettili nuża kelma daqsxejn għolja u sabiħa—il-filosofija tal-ħajja anke permezz ta’ din il-kliem li int użajt fil-mistoqsija tiegħek; is-sens ta’ deċiżjoni u indeċiżjonijiet, ta’ kontradizzjoni u duwaliżmu, ta’ dubju. Meta kont iżgħir u kont nistudja l-Filosofija kont nidħaq daqsxejn bix-xettiċi, ngħid “dawn kollox jiddubitaw?”.Illum wasalt fi stat illi mhux niddubita biss bħala d-dubju metodiku imma niddubita għaliex ċert li ċ-ċertezza mhijiex xi ħaġa statika, li tasal għaliha, u dejjem hemm mod kif tistaqsiha, kif tiġġieled magħha, u kif issibha. U għalkemm ir-rumanz ma ktibtux għal dawna r-raġunijiet filosofiċi, xorta hemm qegħdin. Kważi kważi jikxfuni beraħ… mingħajr ma rrid inkun awtobijografiku. Illum wasalt fi stat li  naċċetta illi huma aktar l-esperjenzi, il-passjonijiet, l-emozzjonijiet, l-iżbalji, id-deċiżjonijiet u n-nuqqas ta’ deċiżjonijiet, u d-dubju fuq kollox illi  qegħdin imexxuni. Tbegħedt għalkollox minn dik iċ-ċertezza razzjonali, tad-definizzjoni, li A is equal to B, B is equal to C so C is equal to A. Mhux bilfors; nistgħu naslu permezz ta’ dawna li inti u jiena semmejna, jiġifieri l-indeċiżjonijiet, il-passjoni, is-sens ta’ kontradizzjoni, is-sens ta’ dak l-ennui tal-ħajja, l-eżistenzjaliżmu tal-ħajja. U allura mbagħad il-proċess irid ikun xi ħaġa kontinwa; li mingħalik wasalt imma taf li ma wasaltx. Allura hemm dik is-sens ta’ mixja. U tajjeb li semmejt lil Camus u lil Hume, għaliex fir-rumanz hemm element filosfiku ta’ Camus, dan is-sens ta’ eżistenzjaliżmu li ma tafx fejn int, imma hemm ukoll is-sens ta’ tfittxija.(Biex nikkwota minn poeżija tiegħi, Inħossni stranġier sa fil-ħolm tiegħi.) U hemm ukoll elementi filosofici minn Hume, illi l-esperjenza tagħmlek dak li int—mhux li naqbel għalkollox miegħu—imma tajba dina l-mistoqija għax għalkemm nerġa’ ngħid, jien ma ridtx nikteb ktieb filosofiku, il-bniedem huwa magħmul kemm bħala annimal u kemm bħala bniedem razzjonali mill-emozzjonijiet li jħoss li huma passjonali, li huma ta’ kontradizzjoni, li huma ta’ dubji, għal dak li huwa anke b’xi mod razzjonali. It-tnejn fil-fehma tiegħi jikkumplimentaw lil xulxin. U fil-karattru ewlieni das-sens ta’ kontradizzjoni u ta’ dubju, hemm qiegħed, u jqanqal il-filosofija tar-rumanz.

JP: Mela, qed targumenta li ċ-ċertezza hija flessibbli u mhux xi ħaġa sigura, u li dejjem nibqgħu nfittxuha. Il-mistosija hija: Hemm fejn naslu? Jew li fejn naslu hija xi ħaġa wkoll illużorja?

GP: Issa inti qiegħed titkellem ma’ bniedem illi għaddej minn tfittxija spiritwali jew mistika fis-sens ta’ relazzjoni bniedem-Alla, bniedem-natura. Qed nevita l-kelma ‘spiritwalità’ tant li saret bla sens speċifiku. B’mistiċizmu ma nifhimx it-twaħħid tal-bniedem ma’ Esseri traxxendentali imma l-aktar it-tifittxija ta’ dan it-twaħħid, anke permezz tal-esperjenzi persunali u r-rabta tagħna man-natura.   Allura huwa dan is-sens ta’ mistiċiżmu fil-ħajja li lili jagħtini s-sens illi d-dubju ma jagħmilnix kważi depressiv, kważi joqtolni. Imma anzi jagħtini dak is-sens li nimxi, infittex, u nistaqsi. Apparti l-fatt, illi ftit nirrealiżżaw, li moħħna huwa dejjem limitat f’ċirkustanzi tagħna bħala bnedmin. X’hemm ’l hinn minn moħħna, u biex nifhmu dak li hemm ’l hinn minn moħħna, aħna mhux ppreparati għalih. Hemm frażi fil-Bibbja li lili taffaxxinani; illi f’ħin minnhom hemm il-leħen tal-Għaref li jgħid lill-bniedem “ieqaf tistaqsi, ieqaf tfittex dak li ma tistax tasal għalih għax moħħok ma jesax l-għerf li hemm lil hinn minn moħħok.” U din mhux sottomissjoni għal dak li ma nilħqux imma għarfien tal-limitu, li hemm xi ħaġa akbar minn dak li nifhmu.

JP: Tajjeb. U inti għidt ukoll illi dawn iż-żewġ elementi; l-element razzjonali u l-element tal-emozzjoni u l-passjoni jikkumplimentaw lil xulxin.

GP: Eżatt

JP: Imma l-karattri tar-rumanz pjuttost iktar milli jikkumplimentaw lil xulxin, jikkontradixxu lil xulxin. Sewwa qiegħed ngħid jew qed ninterpreta r-rumanz b’mod ħażin?

GP: Le le. Għax l-ewwel nett jiena qed nitkellem daqsxejn mis-sitwazzjoni filosofika u mistika li għaddej minnha f’din it-tfittxija. Imma, il-karattru, dan il-kritiku tal-arti mhux estensjoni eżattament tal-karattru tiegħi. Jiena ridt illi s-sens ta’ kontradizzjoni, ta’ dissonanza kważi mużikali tkun essenzjali f’dan il-karattru. Il-karattru li għandu partikulari huwa li fl-imaġinazzjoni huwa bniedem ċert, jaf xi jrid. Meta jiġi wiċċ imb wiċċ mar-realtà, jibqa’ lura, jibqa’ jistaqsi: “Imma sewwa? Imma tajjeb? X’qed jirbaħ fija?” Għax huwa minnu nnifsu bniedem razzjonali, fis-sens anke jekk hu bniedem artistiku ma jfissirx li m’għandux ikun bniedem razzjonali. Imma biex jiġi viz a viz mar-relazzjoni mal-ħajja, viz a viz anke mar-relazzjoni femminili, viz a viz mar-relazzjoni senswali huwa aktar dubbjuż. Appuntu hija dik li ngħidulha paradossalment  l-armonija dissonanti li tagħmel  il-karattru iktar interessanti. Ma jfissirx li għandek taqbel miegħu, anzi kważi kważi mhux bilfors għandu jogħġbok. Imma l-awturi—inti taf għax int kittieb—ma jiktibx karattri li jogħġbuk imma karattri li mil-lat letterarju għandhom il-faxxinu tal-letterarjetà tagħhom. Aħna ma niktbux ktieb tal-psikoloġija, imma l-psikoloġija hemm qiegħda.

JP: L-istess ma niktbux il-filosofija imma l-filosofija hemm qiegħda wkoll. Jiena għalija din id-dissonanza, jiena u naqra r-rumanz, affaxxinatni ħafna. Imma x’nebħek biex tikteb dan il-ktieb? Jekk mhux sejjer żball, oriġinarjament dan kien miktub bħala dramm għar-radju.

GP: Eżatt eżatt. Fil-fatt dana twieled bħala radju dramm fi tliet taqsimiet illi kont xandart fuq il-Campus FM. Ħafna mir-rumanzi tiegħi, John, bdew bħala radjudrammi, mhux kollha imma, pereżempju Il-Ħajja ta’Kelb, Il-Qassis tal-Belt, u It-Tfajla li Ġiet miċ-Ċpar. Imma altru int qed tikteb radju dramm fejn id-djalogu huwa li jibni l-istess karattru jibni l-istess immaġini, iħalli post għal min ikun qiegħed jisma’; filwaqt illi fir-rumanz, ir-raconteur, li huwa l-awtur, qiegħed preżenti iktar, bid-deskrizzjonijiet illi jagħti.

JP: Fhimtek. U kif għidt inti, r-rumanz, ngħidu aħna tmenin fil-mija miktub mill-vuċi tiegħek tal-awtur. Ma jfissirx dak li qed tikteb huwa int ovvjament; qed tirrakonta l-istorja. Imma f’kull kapitlu hemm sezzjoni miktuba bl-italics fejn karattru tal-kritiku-litterarju qed jirrifletti fuq dak illi x’ġara minnu f’dak il-kapitlu u miktub fl-ewwel persuna hux hekk? Jiġifieri għandek kombinazzjoni ta’ żewġ stiliet, waqt li l-akbar parti hija n-narrazzjoni, hemm ukoll element riflettiv u anke naħseb riflessiv għax il-karattru qed jirrifletti fuq dak li huwa diġà rrifletta qabel. Donnu anke l-istil qed jgħidilna xi ħaġa oħra hawn.

GP: Iva eżatt eżatt. L-ewwel nett jiena, dan it-tip ta’ speci ta’ paralleliżmu fir-rakkont inħobbu. Insibuh anke fl-ewwel rumanz li ktibt Ħajja ta’ Kelb, li  huwa rumanz irrakontat mill-ewwel persuna tiegħi bħala awtur, imma nirrakonta minn dak illi jista’ jkun jaf il-karattru nnifsu. Imma mbagħad anke f’dar-rumanz kont diġà bdejt din l-idea ta’ italics fejn jien nidħol bħala l-ħassieb. Fir-rumanz Il-Wiċċ l-Ieħor jien preżenti bħala   r-raconteur, u mbagħad permezz tar-rakkont minn fomm il-kritiku rajt l-istess ħaġa minn angolu differenti. Imma dan għandu skop ukoll ta’ proċess sakemm jasal għall-aħħar kapitlu naturalment. Jiġifieri…

JP: Ma ngħidulhomx in-nies x’ġara, ħalli min ma qrahx ikun jista’ jaqrah u nħalluh b’din l-antiċipazzjoni.

GP: Eżatt

GP: Kemm ngħid biss  li hu thriller tas-subkonxju. Issa, s-subkonxju mhux xi ħaġa tanġibli jew statiku għalhekk dan jitfisser bis-simboli. F’dan ir-rumanz is-simboli, anki ta’ ħsejjes huma importanti daqs dawk viżwali. Forsi li nista’ nżid anke bħala korollarju tal-ewwel mistoqija li għamiltli, fir-rumanz jiena nħobb ħafna nimxi mal-istil mużikali: għandu bidu ta’ arloġġ itektek imma donnu wieqaf…ċass; hemmhekk qed niżra’ xi ħaġa metaforika. Jiġifieri allavolja ż-żmien għaddej, il-karattru qisu waqaf xi mkien, xi ħaġa waqqfitu fil-ħajja tiegħu. Imbagħad jispiċċa b’dik il-famuża frażi ta’ Goethe li hi meħuda minn Mahler u mmużikata minn Mahler stess, fit-Tmien Sinfonija tiegħu,  fejn jgħid li kollox jgħaddi. Hekk jinħoloq is-sens ta’ kontradizzjoni, fis-sens li kollox wieqaf u kollox jgħaddi, bħallikieku dak li hu qatt ma kien. U fl-istess ħin għandek il-kliem li jkompli bih  Goethe dik il-frażi “kollox huwa parabbola, kollox huwa metafora.” Jiġifieri xejn mhuwa reali. Mhux bilfors naqbel magħha din l-espressjoni imma għall-mod kif bnejt ir-rumanz hija importanti.

JP: Mela la qed nitkellmu issa wkoll fuq il-mużiċisti u l-artisti, ħa nsaqsik din id-domanda li toħroġ naħseb pjuttost naturali: il-mużika ta’ Gustave Mahler u l-arti ta’ Gustav Klimt, huma ċentrali fl-iżvilupp tar-rumanz, fil-fehma tiegħi. Għaliex dawn l-artisti kbar?

GP: L-ewwel nett jiena l-mużika u l-arti nħobbha ħafna. Ta’ erbatax/ħmistax-il sena studjajt  ma’ lekċerer li huwa enċiklopedija Patri Marius Żerafa O.P., il-ktieb huwa wkoll ddedikat lilu. U dan il-patri għallimni nħares lejn pittura mhux sempliċiment bħala xi ħaġa fuq tila, imma lil hemm mit-tila, daqslikieku l-pittura qed tħares lejja u mhux jien lejha.

JP: Mort l-iskola St. Albert?

GP: Le le kien jgħallimni skola fejn kont immur skola jiena. Kien jiġi jgħallimna l-Istorja u l-Letteratura Inġliża. Il-mużika kif għidtlek inħobbha, u lil Mahler għalkemm domt ma fhimtu, però jaffaxxinani. Il-mużika kważi kważi tista’ tgħid preżenti f’kull rumanz tiegħi…forsi fl-ewwel wieħed mhix preżenti…imma lbqija hija dejjem preżenti. U ma nużahiex bħala soundtrack tar-rumanz, anke għall-fatt li jiena nħobb nikteb ir-radju drammi allura d-diska nagħżilha b’ċertu mod mirqum li għandha s-sinifikat. Mentri l-mużika ta’ Mahler nasal biex ngħid li hija karattru, qiegħda tmexxini. Jien qed nidħol fil-mużika li qed nisma’. Bħalma eventwalment jien lill-karattru indaħlu  fil-pittura  kemm ta’ Klimt u kemm ta’ Kokoschka. Kważi jgħix fil-pittura, tant illi fl-aħħar jaqa’ f’dik li ngħidulha l-iStendhalsyndrome meta inti l-arti tant tidħol fik illi tistordik kważi ma tkunx taf eżattament jekk intiex int jew jekk intiex parti minn dik il-pittura. Imma jeżistu dawn l-affarijiet. Klimt u Kokoschka huma bħalma taf int żewġ pitturi li jgħixu fil-kontemporanjament imma huma differenti minn xulxin. Pereżempju Klimt għandu s-sens ta’ sbuħija, is-sens tal-wiċċ, is-sens ta’ kif iżżejjen anke jekk huwa daqsxejn surreali. Filwaqt li Kokoschka b’xi mod jew ieħor, f’wiċċu jixbah  il-kritiku tal-arti, jidher impassibbli, jidher bla emozzjoniet imma ġo fih hemm dawk l-emozzjonijiet kollha li semmejna fil-bidu ta’ din l-intervista. U fil-fatt permezz ta’ dan is-sens ta’ kontradizzjoni, hija l-leitemotif tar-rumanz. U Klimt u Kokoschka qishom jgħinuni biex noħroġ aħjar dak li rrid inwassal. Jiġifieri li l-verità u s-sabiħ ma jinstabux f’post wieħed jew f’persuna waħda.

JP: Niffukaw ftit issa fuq il-karattri. Hawn min forsi jista’ jgħid illi dan ir-rumanz m’għandux protagonista wieħed. Mhuwiex biss il-kritiku tal-arti, imma hemm tnejn: jiġifieri l-kritiku tal-artiu l-mara li ħabb. Inti taqbel li hemm żewġ protagonisti u mhux wieħed?

GP: Anzi hemm aktar minn tnejn. Għaliex il-mużika ta’ Mahler u l-pittura ta’ Kokoschka b’mod partikulari u ta’ Klimt mhumiex sempliċiment tiżjin jew passatemp. Nikkonċentraw fuq dan li għidt inti. Huwa vera li dan il-karattruta l- kritiku tal-arti, bniedem intelletwali, illi bħala bniedem intelletwali u bħala bniedem artistiku għandu l-joie de vivre, imma bħala persuna għandu l-ennui eżistenjalista li semmejna. U allura anke fih qed joħroġ din il-kontradizzjoni mentri affaxinnat mill-uċuħ fil-pittura imma mingħajr ma jirrealizza li l-wiċċ tiegħu mhux kapaċi juri l-emozzjonijiet li hemm fih. Kważi kważi għandu din l-immaġini ta’ din il-mara li taffaxxinah, kuntrarjament għalih din; hija mara fuq tagħha, moħħha fuq ir-riħ, moħħa fil-lussu, moħħa li jkollha is-sbuħija. Dak li kważi huwa estern huwa intern għaliha. Mentri fil-kritiku dak li huwa intern, ma jirnexxilux jesprimih b’mod ta’ emozzjoni u anke ta’ senswalità. U hemmhekk, ara l-kontinwazzjoni tad-DNA ta’ dan ir-rumanz John, qed jerġa’ joħroġ is-sens ta’ kontradizzjoni, ta’ dissonanza. Għandek il-kritiku li huwa għalkollox differenti mill-karattru ta’ din il-mara li jħobbha senswalment u kważi jrid jagħmilha tiegħu u jeħles minnha; filwaqt li   din il-mara hija sempliċiment affaxxinata minnu  għax huwa bniedem intelliġenti, imma ma tistax ikollha l-ebda relazzjoni għax fih ma tara l-ebda espressjoni ta’ emozzjoni. Daqslikikeu kien awtoritratt ta’ Oskar Kokoshka!

 

JP: Nerġgħu niġu għal Mahler. Ir-rumanz huwa maqsum f’żewġ partijiet: l-ewwel parti hija pjuttost ikkaraterizzata mir-riflessjoni u d-djalogu miegħu nnifsu tal-karattru tal-kritiku tal-arti, sintendi dejjem f’relazzjoni mal-wiċċ tal-mara li huwa ħabb jew kienet taffaxxinah. U t-tieni parti hemm aktar moviment, u l-ġrajjiet jiżviluppaw b’ċertu ħeffa. Hemm xi tqabbil f’dan l-istil tar-rumanz mal-karatteristiċi tal-mużika ta’ Mahler?

GP: Eżatt. Jekk  tinnota jien l-aktar li użajt huma l-ewwel ħames sinfoniji barra r-raba, ’ u t-tmien sinfonija. Dawn is-sinfoniji għandhom taħlita ta’ grotesque filfatt hemm kważi marċ funebri li huwa grotesque. Għandek elementi li huma ta’ spiritwalità fir-reżurrezzjoni. Għandek il-ħames sinfonija li s-sens ta’ kontradizzjoni huwa mod sublimi; għandek l-ewwel marċ li huwa kważi tal-mewt; it-trombi li jdoqqu biex imbagħad tgħaddi għal dak il-mument ta’ riflessjoni li huwa l-adagio ghall-kordi. Iva l-mużika ta’ Mahler tagħti t-tempo għal dan ir-rumanz sakemm minn dak il-mod kważi grotesk ngħaddi għal dik il-filosofija li biha jagħlaq Mahler it-tmien sinfonija tiegħu u jiena nagħlaq ir-rumanz.

JP: Rumanz qasir pjuttost minimalista. Imma meta wieħed jixtarru, kif qed nippruvaw nagħmlu, tara kemm huwa fil-fatt rumanz kostb’diversi livelli u kumplikazzjonijiet fil-qosor tiegħu. Nerġa’ ngħaddi għaż-żewġ karattri ewlenin. Iż-żewġ karattri ewlenin jidhru li għandhom żewġ identitajietkull wieħed, fil-persunaġġ tagħhom. Dan huwa duwaliżmu reali jew metaforiku għalik?Naf li qed nagħfas hawn issa. Jiġifieri li l-kritiku tal-arti għandu wiċċ ikrah imbagħad jitbiddel il-wiċċ tiegħu. U l-wiċċ ta’ qabel iżżewġet u wara li żżewġet…dawn huma duwaliżmi reali jew simboliċi, metaforiċi?

GP: Wieħed irid iqishom iktar b’mod metaforiku. Fis-sens li qed jara kif jikseb, kif ikun hu anke billi jibdel il-wiċċ. Hemm raġuni reali imma, ma nafx hux qed nispjega ruħi sewwa f’din il-mistoqsija li inti għamiltli John. Hu tant huwa affaxxinat mill-wiċċ bħala kritiku tal-arti, u biex imbagħad jogħġob is-senswalità u l-edoniżmu ta’ dik it-tfajla, jibda jqies lilu nnifsu mhux hu imma ħaddieħor, u allura hemmhekk hemm din it-trasformazzjoni. Jekk trid isejħilha reali, sejħilha reali għax dak li qiegħed f’moħħna, anke jekk mhux veru, fir-realtà hu veru għax qiegħed f’moħħna. Ma nafx fissirtx ruħi sewwa f’din il-ħaġa, imma l-fatt huwa f’xi sens il-wiċċ huwa metaforiku. Il-wiċċ fir-rumanz, anke mit-titlu nnifsu, għandu post importanti; il-wiċċ qiegħed jaħbi verament min huwa. Bniedem ta’ emozjonijeit imrazzna u moħbija. Dawn l-emozjinijeit isru biss senswali jew saħansitra vjolenti? Kemm ninbex lill-qarrej b’mistoqsija li warakollox hi intrinsika fir-ruamnz: kemm is-senswalita’ passjonali u l-vjolenza  f’dan il-karattru huma l-vera movimenti li jwasslui għall-final: Hekk rumanz bħal dan li jibda bl-allużjoni għall-ħin u jasal lejn it-tmiem bl-akbar finali ta’ Mahler, jingħalaq bil-kelma TMIEM.

JP: Iż-żewġ mistoqsijiet li għalija jsegwu b’mod naturali: Il-wiċċ għalik huwa simbolu? U, inti taħseb li kull wiċċ fil-fatt għandu maskra?Jew qed nagħmel statement qawwija wisq meta ngħid kull wiċċ għandu maskra?

GP: Interessanti dawn il-mistoqsijiet. Kull wiċċ huwa realtà u huwa fl-istess ħinmaskra. Kemm inti tkun kapaċi taħkem lilek iniffsek, imma kif għidtlek qabel, il-wiċċ b’xi mod jew ieħor ser jikxfek. Ser jikxfek, għax inti meta tagħmel resiżtenza biex tkun inti, ser tispiċċa deluż, ser tispiċċa mirbuħ, bħalma kien mirbuħ sa ċertu punt dan il-karattru. Hu kien qiegħed jgħix maskra fil-veru sens tal-kelma, u għalhekk affaxxina ruħu mill-pittura ta’ Kokoschka għaliex min imur ifittex l-awtoritratti ta’ Kokoschka jara li għandhom l-istess espressjoni u kważi l-istess daqqa ta’ pinzellata. Anki hemm awtoritratti interessantita’ Kokoschka fejn f’nofsu jħalli ġilda, u fin-nofs l-ieħor tara l-iskeletru. Liema hija r-realtà? Dak li nuru jew dak li naħbu?

JP: U hawnhekk għalija turi kemm hu kkumplikat dan il-karattru. Għax meta jirnexxilu jaġixxi permezz tal-maskra, isib il-kuntentizza fir-relazzjoni mal-mara li affaxxinatu.

GP: Eżatt

JP: Meta l-maskra ma taħdimx, jerġa’ jibda jiġġennen u jagħmel l-azzjonijiet li għamel (u mhux ser ngħid x’għamel biex ma nikxifx x’ġara).

GP: Eżatt għax huwa ma kienx qiegħed jgħix il-vera hu; imma kien maħkum minn dak l-element sublimi artistiku u f’waqtiet anke razzjonali ta’ analista akkademiku. Imma mbagħad meta jiġi wiċċ imb wiċċ ma’ din it-tfajla, din it-tfajla tħarbtu. Ma jibqax aktar jiddomina lilu nnifsu. Kif tinduna, John, kull kapitlui għandu isem li hu indikattiv apparti li f’ħafna hemm alluzjoni għall-wiċċ. Allura għandek kapitlu jismu n-nuda veritas ta’ pittura ta’ Klimt. Meta hemmhekk qiegħed jikxef lilu nnifsu u anke meta jagħtiha ż-żewġ pitturi-uċuħ minn dettall ta’ pitturi kbar, għandek il-wiċċ ta’ Ġuditta u l-wiċċ ta’ Adele, li kienet mara ta’ kummerċant, li aktarx kienet mudella (anzi jien fir-rumanz ngħid li kienet aktar minn mudella. Forsi maħbuba). Hemmhekk jagħmel spjegazzjoni dettaljata tal-wiċċ. Ovvja li huwa l-istess wiċċ, imma raffigurat b’mod differenti — waħda Ġuditta li qatlet ras Oloferne. U fit-tieni waħda għandek dik il-mara inkejjuża li toqtlok bl-inkejja tagħha. U dik it-tbissima li hu jispjegaha tbissima post-coitum.  U mbagħad hemm dan id-diskors interessanti kif hi li kienet għażlet li tiżżewweġ wieħed sinjur, wieħed tal-lussu, wieħed tat-tiżjin, terġa’ ssir il-vulgari u tgħidlu: għidha kif tħossha din. Jiġifieri wara waħda tajba hux? Jiġifieri anke dan is-sens ta’ kontradizzjoni żammejtu fl-użu tal-kliem; filli għandek lessiku kważi poetiku, imfittex, imżejjen u filli għandek lessiku mneżża’: kelma waħda  full stop. Kelma ripetuta, kliem sintattikametn imħarbat, u allura tagħtik dak is-sens partitura, mużikali  u ta’ minimaliżmu.

JP: Huwa effetiv ħafna. Għandek l-istaccato hawn!

GP: Eżatt eżatt l-istess. Anke fil-mużika, kemm hi importanti l-istaccato fil-mużika. U kull staccato jagħti statement, jew jaħbi statement.

JP: Inti saqsejtni jekk irnexxilekx tqaxxar lill-karattru, ir-raġel bħala akkademiku. Naħseb irnexxielek. Imma niftakru wkoll illi anke meta kien qiegħed fil-qalba tal-preżentazzjoni akkademika fil-konferenza, xħin beda jaħseb fil-mara, ħassu ħażin.

GP: Eżatt. Hu kien jgħix fid-dinja tiegħu fl-arti. Infatti għandi dix-xena, meta hemm it-tidbil tal-wiċċ, u joħroġ (trid taraha  film-wise din ix-xena mhux sempliċiment fil-kitba, f’rumanz) meta huwa għalkemm miexi fit-toroq u l-pjazez u jgħaddi minn ħdejn stabbilimenti u ħwienet u kafijiet li s-soltu kien jgħaddi minnhom u jiltaqa’ man-nies, għalih kien miexi f’pitturi. Setgħet kienet il-pittura geometrika ta’ De Chirico  Setgħet kienet pittura ta’ Van Gogh. Appuntu, dieħel u ħiereġ mir-realtà. Ma nawgura lil ħadd illi jkun hekk. Imma ejja nitkellmu ċar u tond; fid-dinja l-ebda  bniedem ħadd mhuwa moħħ san perfett li xi darba jew oħra ma jersaqx qrib il-ġenn u jidħol fih. Huma biss in-nies ta’ qalbhom safja li għandhom moħħ sew.

JP: Nerġgħu ngħaddu ma’ punt li semmejt naħseb kemm-il darba fir-risposta li tajt għall-mistoqsija li għadni kif spiċċajt nagħmillek. Allura ma nistax ma ninnutax f’ dan ir-rumanz l-element senswali li int semmejt kemm-il darba. U ma naħsibx li dan huwa element li int ittratajt b’dan il-mod f’kitba oħra tiegħek. X’tikkumenta dwar dan l-element senswali f’dan ir-rumanz?

GP: Nikkumenta bi tbissima għax interessanti. Is-senswalità hija preżenti għaliex is-senswalità hija essenzjali fil-ħajja. Tant hu hekk illi anke l-ikbar mistiċi, biex insemmu lil San Ġwann tas-Salib, lil Santa Tereża d’Avila, fil-poeżiji tagħhom, fil-kitba tagħhom pereżempju l-Kantiku ta’ San Ġwann tas-Salib għandu senswalità bellezza. M’hemm xejn ħażin fis-senswalità; min hu nieqes mis-senswalità tonqsu xi ħaġa. Mhux bilfors huwa erotiżmu imma hija senswalità tal-ħajja li ġġiegħelna naraw anke s-sabiħ fil-ħajja. Is-sabiħ li hu barra minni u ġo fija. Vera li jien f’kitbiet oħra, is-senswalità ma tkunx espliċita; nieqaf f’ċertu mument. Kelli ħabib tiegħili kien jgħidli: “George meta tikteb xi ħaġa daqsxejn senswali dejjem tieqaf mat-tielet buttuna tal-blouse.” Kont ngħidlu: “bl-imaġinazzjoni fertili tiegħek hemm bżonn li nidħol fid-dettall?” Jien ma nħobbx inkun espliċitu. Mhux għal raġunijiet morali ta’.

Il-letterarjita lili tgħidli li meta inti qiegħed tispjega, qed issir erotiku mhux senswali. Allura hemm xeni li tħallihom sospiżi. Jien is-sospensjonijiet ħafna nħobbhom, u b’hekk intik dak l-ispazju, inħallik imdendel biex inti waħdek tfittex dak li jiena ma komplejtx. Hawnhekk vera kont aktar espliċitu. Forsi l-ewwel darba li kont espliċitu daqshekk, minbarra xi waħda jew tnejn f’dawk in-novelli l-qosra ta’ tliet mitt kelma fl-Imħabba Buffa. Imma lbqija, hawnhekk, għall-kuntrarju tal-oħrajn ridt illi s-senswalità tibqa’ sospiża. U f’waqtriet kont ċar anki jekk is-senswalita toħroġ mis-simboliżmu verbaali u t-tixbihat. Hemm paġni senswali li tkun trid taqrhom mhxu tant għax huma senswali imma għax iħalluk tistaqsi: Paradossalment, x’hemm moħbi f’din ix-xena esplicita?

JP: Ngħaddi issa għall-istil tar-rumanz. Dan huwa bla dubju rumanz minimalista imma fl-istess ħin mimli bidjalogu naturali. Jidher li l-karattri jitkellmu magħna direttament. Taqbel ma’ dan?

GP: Għaliex ħassejt dan l-effett John? Għax huwa effett ta’ bniedem li ilu jikteb ejja ngħidu hekk. U kiteb għar-radju u kiteb ir-radju drammi u kiteb it-teleserial, u allura s-sens ta’ djalogu mhux sempliċiment kliem mormi fir-riħ min qabdu qabdu, imma s-sens ta’ djalogu anke meta nitkellem waħdi, inkun qed inkellem lili nnifsi. Anke bl-istess kliem tiegħi jien inkun qed nipprovoka lili nnifsi mhux bilfors inkun qiegħed naqbel ma’ dak kollu, imma la ħriġtu qiegħed fija dak il-kliem. Allura iva, f’dak is-sens, is-sens tal-kelma…il-kelma f’dan ir-rumanz hija importanti. Importanti bħala ħoss, importanti bħala sintassi jew tkissir tas-sintassi u interessanti bħala lessiku illi tesprimi jew għallinqas tipprova tesprimi lilek innifsek, dak li qiegħed ġo fik. Għidt li tesprimik kemm bħala kif taqbad tgħid…rittmu sintatiku għaliex il-mużika kif nerġa’ lura għal li għidtlek qabel, għandha das-sens illi l-istil jekk toqgħod tqis, allavolja m’hemmx ir-rittmu tal-vers tat-tmienja jew l-endekasillabu, imma r-repetizzjoni ta’ kliem jew l-istess sentenza, fejn naf jiena, l-istess sentenza imma eżattament wara l-istess sentenza miktuba b’sintassi differenti– li huwa stil tas-Salmi dak– joħloq din ir-ripetizzjoni tal-istess motif. Li hija l-mużika. Jiena l-mużika mexxietni ħafna f’dan l-istil illi jien għażilt.

JP: Allura waqt li għandna min-naħa l-karattri li jitkellmu magħna direttament, fl-istess ħin, u konsistenti ħafna mal-karatteristiċi ta’ rumanz minimalista, inti tħalli diversi affarijiet għall-immaġinazzjoni tal-qarrejja. Dan għamiltu biex tgħaddi xi messaġġ direttament dwar x’taħseb inti dwar il-ħajja jew forsi fil-letteratura m’għandniex naħsbu dwar messaġġ?

GP: Din il-mistoqsija ħafna drabi nagħmluha. Aħna ma niktbux trattati tal-morali ejja ngħidu hekk. Ma niktbux trattati ta’ prietki. Hemm rumanzi li għandhom sens ta’ pedagoġija fihom. Jien pedagoġija m’għandi xejn ħlief forsi kif qaltli waħda li intervistatni qaltli sirt naf min hu Klimpt, sirt naf min hu Mahler, ġegħeltni nisma’ s-sinfonija ta’ Mahler, ġegħeltni nqalleb ġo ritratti ta’ Oscar Kokoschka. Biex inwieġbek fil-qosor nikkwotalek dak li qal Oscar Wilde: l-awtur ma jiktibx trattati ta’ morali imma jikteb letteratura, litterarjeta. Imma kif għidt mill-bidu, bdejtha mill-bidu kważi kważi poġġejt idi quddiem wiċċi; mingħajr ma trid ser toħroġ messaġġ imma mhux illimitajt lill-qarrejja li jara dak il-messaġġ illi kelli jien. Għax forsi lanqas jien ma kelli għax jien ukoll imxejt ma’ dan il-proċess sakemm wasalt għall-aħħar quote bil-Ġermaniż u tradotta bil-Malti li b’xi mod il-qofol tar-rumanz, kollox huwa metafora, kollox huwa parabbola u kollox huwa dell — imma mhix qiegħda fir-rumanz. Kieku kont qed naqrah jien dan ir-rumanz mhux ktibt, kont ngħid imma jekk hemm dell hemm dawl, hemm xemx tirifletti, ma jistax ikun hemm dell jekk m’hemmx ix-xemx. Iddell hu varjanti tad-dawl.  Allura għaliex għandna niktbu fuq id-dell, ma mmorrux għax-xemx? Għaliex għandna niefqu fuq l-effett u ma mmorrux għall-kawża? Imma dan fir-rumanz ma għidtux għax ma kienx hemm għalfejn mil-lat letterarju li ngħidu. Imma mil-lat ta’ qarrej, jien il-kittieb, ngħidu.

JP: L-aħħar kumment illi għamilt Ġorġ qiegħed iffakkarni f’sentenza famuża ħafna ta’ Fernando Pessoa l-Portuġiż fejn bil-Portuġiż qal: “Aħna għanja, inkantu għanja. Xejn.” Inti dan li qed tgħid meta qed tgħid li kollox huwa metafora. Jiġifieri aħna bħal narrazzjoni tirrakonta lilha nfisha u barra min-narrazzjoni m’hemm xejn?

GP: Ma rridx għal dak li hija preparazzjoni anke reliġjuża tiegħi, mhux bilfors ta’ sens ekkleżjali nasal għal din il-konlużjoni. Kif għidtlek mill-bidu, filwaqt li dan il-ħsieb imexxini fil-ħajja, imexxini f’ċertu raġunament, imma llum li għandi 81 sena forsi ma nazzardax li nagħmel pass jekk ma nħossx li taħti għandi għallinqas daqsxejn żrar jekk mhux it-tarmac, ma nasalx biex immur lil hemm minn dak li moħħi mhux kapaċi jasal għalih. Għaliex l-istatement ta’ Pessoa li hi bellezza anke poetiku, imma allaħares kien kollu veru. Ma rridx ngħid li jien qed ngħix f’dik l-illużjoni li dak li ma nemminx fih ser insibu bħala twemmin xi mkien ieħor. Imma nittama li jien, anzi jiena żgur li miniex kapaċi bħala bniedem mogħni bid-dehen u bl-esperjenzi u bid-difetti tiegħi. Dak huwa s-sabiħ fil-bniedem illi għandna d-difetti, il-passjonijiet u s-senswalità, l-emozzjonijiet u s-sens ta’ kontradizzjoni; Alla jilliberana John min-nies perfetti. Jagħmlulek ħajtek miżerabbli.

JP: In-nies perfetti huma problema għax jieħdu l-post t’Alla.

GP: Eżatt dik hija, infatti ħalli nkomplu dan id-diskors. Meta Kristu qalilna kunu perfetti ma qalilniex inkunu perfetti bħal Ġakob, bħal Isaac, bħal Abraham. Li huma nies umani allura għandhom il-limitu tagħhom. U nista ‘ nilħaqhom u ngħid wasalt fejn waslu huma. Imma qalilna: Kunu perfetti  bħal Alla, u Alla hu illimitat. Mela l-perfezzjoni tiegħi m’għandiex konfini, hija illimitata, u għalhekk il-mixja trid tibqa’ sejra. Mhux li tilħaq il-perfezjoni li hu importanti — dik ħadd ma jilħaqha — imma li nibqa’ nfittixha. Imma jien irrid nittama kontra dak li forsi tant niġi mhedded u ipprovokat mill-ħsibijiet u mis-sitwazzjoni, li hemm xi ħaġa li jien bħala bniedem mogħni bil-moħħ u mogħni bl-esperjenza u mogħni bis-suċċessi, mogħni bid-diżillużjonijiet, hemm xi ħaġa li rrid nifhimha lil hemm minn din il-ħajja. Għax kieku jien qiegħed hawn  biss biex jien ngħix għall-dan il-perjodu ta’ żmien qasir jew twil  hija diġà xi ħaġa sabiħa imma kollox jispiċċa effimeru, illużjoni, metafora. Jiena rrid nemmen li aħna d-dell ta’ xemx illi ddawlilna dak id-dell. U nittma kontra kull dubju li dan mhux narċiżizmu tal-Homo Sapiens.

JP: Nirringrazzjak ħafna Ġorġ tal-kummenti. Jiena ħadt pjaċir, nispera li ħadt pjaċir int ukoll.

GP: Grazzi lilek. Jiena wkoll ħadt pjacir għax ipprovokajtni. Hemm bżonn li niġu provokati biex moħħna ma jiqafx. U jsir għalqa mitluqa li fiha jitkattar l-għollieq tal-konkrit!

 

 

Dak li jidher hu biss naqra minn dak li huwa int u jien. Huwa aħna. Dak li jidher huwa biss is-superfiċje. Huwa biss in-naħa ta’ fuq tal-ajsberg tagħna, għandu mnejn jgħidilna xi Sigmund Freud. U dan, jekk xej’ jiġri, minħabba l-fatt li anke aħna ma nafux aħna min aħna, u li huwa forsi, bit-tqanżih, jew forsi bil-koinċidenza, jew min jaf b’xi aċċident mhux tas-soltu li aħna jirnexxilna naħbtu ma’ dik li hija l-personalità tagħna.

 

Għax il-personalità ta’ kull wieħed u waħda minna, għalkemm fid-dehra tagħha tagħtina l-idea ta’ xi tip jew ieħor ta’ solidità minħabba r-rikurrenza tagħha, taħbi fil-qiegħ nett tagħha dak li xi Joe Camilleri għandu mnejn isejjaħlu l-mużajk tafli li jsawwarna. Għax l-umanità tagħna hija fraġli u fraġli ħafna, u fil-qiegħ tagħha hemm sottoreneità, li forsi xi psikoanalista, jew xi psikologu tal-qiegħ, jew forsi xi poeti, kittieb tan-novelli, jew rumanzier, għandu ċ-ċans li jurina xi parti minnha. U anke hawnhekk, il-parti li jurina hija parti frammentata – mużajkalità li tifforma parti minn mużajk li mhux lakemm jinftiehem fit-totalità tiegħu. U dan il-mużajk faċilment jinkiser u jitfakkar għax it-tfl tiegħu, it-tafal tiegħu, dak li jagħmilna t-‘tfal’ ta’ dejjem, qiegħed hemm isawwarna bil-mod tafli tiegħu.

 

Joe Camilleri, f’dawn in-novelli mgħammda bħala Novelli Mużajċi tat-tafal, jipprova jidħol fil-qiegħ nett, jew forsi fin-naħa ta’ taħt dak li nsejħulu l-konxju/id-dehri, biex aħna niksbu xi ftit tal-ħjiel minn dawn il-fraġilitajiet tagħna. Huma fraġilitajiet, li wara kollox isostnuna. Jagħmluna. Isawruna. Għax dawn għaddejjin bla hedu l-ħin kollu. Jitkellmu jgħajtu. U jitkellmu bis-sospir. Jew bit-thewdin. Jew bil-vuċi sotto-imtaħtħa. Imma n-narrattiva vera u proprja ta’ kull wieħed u waħda minna qiegħda hemm. Hemmhekk f’dawn in-naħitijiet jitħietu ġewwa fina noħorġu aħna bil-beżgħat inkonxjużi tagħna. Bid-dehriet inkonxjużi jgħajtu ġewwa fina. Bis-siktiet li jiskietu ġewwa fina, u jkellmuna minn taħt il-taħt.

 

Sadattant madankollu, in-nies ‘t’hemm barra’ ma jarawx ħlief in-narrattiva li tidher. In-narrattiva sotterranea ma jarawhiex jew forsi, jarawha ftit. U Joe Camilleri ta’ artist mhux biss tal-kelma imma wkoll tal-lewn u l-figura għandu l-ħila li jagħtina ħjiel u ħjiel tajjeb ta’ dawn il-personaġġi, ħafna drabi inkwieti, li għal xi raġuni jew oħra sfaw telliefa. Ma waslux jaraw lilhom infushom, u juru lilhom infushom lid-dinja t’hemm barra huma min huma tassew. Il-figura tal-wiċċ bħal qisha qawwija wisq biex tħallihom jidhru fil-verità tagħhom.

 

Camilleri bħal qisu jrid jgħidilna, li l-bniedem għandu dik it-tip ta’ biża’ li jiltaqa’ miegħu nnifsu. Għax jekk jiltaqa’ miegħu nnifsu jew jitfarrak aktar, jew jispiċċa deluż, jew jispiċċa agħar fi ħsusu u f’għemilu fuqu nnifsu u fuq id-dehra li jipprojetta lil dawk ta’ madwaru. L-immaġni dehrija għaldaqstant tirbaħ fuq l-immaġni nifsija ġewwinija. U minħabba f’hekk, iħossu fid-dmir li jidħol hemmhekk, sewwa sew fejn iseħħu dawn it-traġedji umani. Fejn ikun hemm il-biki u l-introspezzjonijiet għaddejjin jissingjaw minn naħa għal oħra fi ħsusna, ruħna u l-varjegazzjonijiet kollha li jsawruna.

 

U Camilleri jagħmel dan, ovvjament billi jurina wkoll id-dehra ta’ barra. In-narrattiva li tintħiet hekk kif karattru jiltaqa’ ma’ karattri oħra, xena tiltaqa’ ma’ xejna oħra, kuntrast jiltaqa’ ma’ kuntrast ieħor u konflitt jiltaqa’ ma’ konflitt ieħor. U dawn id-dehriet huma dawk li Camillieri jaf jinsiġihom bi ħjut sintagmatiċi uniċi. B’vokabolarju idjomatiku li jintħiet b’mod naturali, jekk xejn minħabba l-ħiliet tiegħu ta’ għalliem kif ukoll preżentatur ta’ programmi televiżivi li għenuh jibni din it-tip ta’ ħila fl-espressività. Hija dik it-tip ta’ espressività madankollu li taf ukoll l-għeruq antropoloġiċi tiegħu ta’ Għawdxi li għex lil Għawdex u lit-toroq u l-imkejjen tiegħu. U għaldaqstant il-lingwa tiġi mhux biss estensjoni ta’ dak li qiegħed jirrakkonta, imma saħansitra ingastar qawwi ta’ dak li jkun qiegħed jgħidilna.

 

In-novella ta’ Joe Camilleri hija novella sempliċi, diretta, li tinftiehem. Hija novella ta’ nies hekk imsejħa tad-demm u l-laħam, nies li fallew, ġew traduti, infixlu, ingħaddew mill-għarbiel soċjali b’mod ħażin u fażul, ġew ittimbrati, saru dellijiet mingħajr ma għamlu xejn ħażin u għoxrin elf żball ieħor li jseħħ hekk kif aħna nkunu għaddejjin interrqu f’dan it-terriċċju uman. U n-narrattiva tkompli tgħidilna minn xiex jgħaddi l-bniedem, b’tali mod u manjiera li hawnhekk inkomplu nsostnu l-mod kif hemm ċans li Camilleri jara l-ħajja, bħala proċess ta’ solitudni, f’solitudni f’solitudni, għax mhux daqshekk faċli li wieħed joħroġ minn qoxortu, jew inkella jiġi muri kif tassew hu.

 

Id-dehra ta’ barra tgħajjat storja, filwaqt li d-dehra ta’ ġewwa tgħajjat storja oħra.  Il-limen li jaqsam dawn iż-żewġ naħiet bħal qishom ma jiltaqgħu qatt. Huma żewġ stejjer ‘paralleli’ imma li ma jiltaqgħu qatt biex jgħidu l-veru storja ta’ kull bniedem/karattru/personaġġ li niltaqgħu miegħu. Għax din tal-bniedem magħluq fil-ħabs tiegħu, bħal qisu tinħass li hija perenna fil-qiegħ ta’ kull novella ta’ Joe Camilleri. Id-dehri huwa l-falz. Dak li mhuwiex dehri huwa dak li hu veru, anke jekk, anke hawnhekk kull personaġġ inkwistjoni, inkluż ‘il-persona/e’ bħala regola mhumiex kapaċi jaslu biex jagħrfu huma sewwa sew min huma.

 

Dawn huma xi siltiet li jitkellmu jgħajtu minn dawn in-novelli. Hekk ngħidu aħna, hawnhekk naraw kif il-bniedem għal ħafna jidher mod, imma dak li jkun qiegħed jiġri fil-qiegħ nett ta’ ruħu, ikun kompletament differenti. Il-ġudizzju tal-bniedem jgħid storja. In-narrattiva nifsija tgħid storja oħra.

 

U ħsiebu tar lejn l-imgħoddi mċajpar minn fejn inqalgħu fotografiji sofor ta’ tifla kollha għaxqa ċċafċaf u titbaħbaħ fl-ilma safi tax-xtajta. Għajnejha żewġ tutiet suwed jgħumu f’ferħ bla tarf. Tielgħa u nieżla fl-ilma. Tintelaq għal żaqqha biex tikaxkar ħelu ħelu mal-mewġa. Terġa’ tiġri għal fuq ix-xtajta. Tedha timpala r-ramel f’barmil ċkejken u mlewwen tal-landa. Inkella tgħarrex b’għajnejha biex tfittex il-ħġieġ leqqien li l-melħ u l-ħakk tal-imwieġ ikunu llimaw f’ħaġriet mielsa. U fil-moħħ tari jsiru r-rubini u l-iżmeraldi prezzjużi li jorqmu x-xagħar u s-sider tal-prinċipessi tal-ħrejjef. (Ix-xtajta santwarju, p. 64-65)

L-istorja jiġri hawnhekk fil-qiegħ nett subkonxjuż ta’ min jagħraf u jifhem, mhux wisq fi kliemu ta’ barra, daqskemm fl-immaġnijiet nifsija li jimirħu ġo ruħu/ha.

Iżda sa xħin raqad it-tifel, ir-riefnu ta’ ġo fiha laħaq sar fewġa. It-temperatura laħqet niżlet. Birdet u waqgħet fis-sikta tas-soltu tagħha. Xofftejha miġbudin, għajnejha sbieħ inwaħħlin fil-baħħ. Intefgħet fuq is-sufan quddiem is-sett tat-televixin u żewġha qisu ma jeżistix. Jikkummenta dwar il-programm u hi ma tagħmel ebda reazzjoni. Jistaqsiha u ma tweġbux. Jitkellem, ilablab, iredden u jibqa’ waħdu jisma’ leħnu qisu m’hemmx semmiegħa. Is-sikta tagħha kienet tqanqlu, iżda l-bruda fiha kienet teqirdu. Żewġ forzi kontra xulxin li kienu jxettlu fih reazzjonijiet ta’ xejriet differenti. (“Għedtlek, iftaħ dik ti-tieqa!” p. 84)

L-istess jiġri hawnhekk. In-narrattiva li jgħid ritratt jinfed lill-protagonista ta’ din in-novella, novella, li titkellem tgħajjat u tgħajjat ħafna, b’mod speċjali dwar il-proċess tal-enkultarazzjoni tagħna bħala Maltin u bħala Għawdxin, forsi wisq aktar – ovvjament taż-żmien li tiġbor fih din il-protagonista.

U dak il-ħin, għajnejha waqgħu fuq il-ħajt tan-naħa tagħha, fuq il-gwarniċ iswed li kien jinkwadra r-ritratt taz-zija Pawla. Il-ħarsa diretta, imqita u penetranti li kienet qiegħda tagħtiha donnha riedet tlumha u ċċanfarha. Hi pprovat taħrab il-ħarsa u tross l-għotjien t’għajnejha. Iżda dik il-ħarsa qalila tar-ritratt baqgħet tiġri magħha bħal tingiż irqiq ta’ labar fis-sentittività fina ta’ moħħha. Donnha trid tmaqdarha li waqgħet għall-qżież, i ħalliet il-passjoni tegħlibha, raġel imissha, ibagħbas fiha u jtellfilha s-safa. Issa ġisimha mniġġes. (Il-Ħarsa mir-Ritratt, p. 97)

U d-distakk bejn dak li jidher u dak li ma jidhirx. In-narrattiva li wieħed jisma’ meta jkun qiegħed jitkellem man-nies, dik li takkomoda l-aspettazzjonijiet soċjali u dik li tkun qiegħda sseħħ ġo kull wieħed u waħda minnha toħroġ b’mod dehri ħafna f’din is-silta, li tiġbor fiha, din id-darba l-qasma fuq livell soċjali tal-bniedem.

Xi trid tagħmel! Meta x-xitla tikber tibda ddawwar wiċċha lejn ix-xemx u tferrex għeruqha beix terda’ minn tira ġdida. Lili ma tantx tinżilli din il-ħbiberija ma’ nies li jaħsbu li messew is-sema b’idhom. Forsi jien magħġun klassista. Uliedha huma demmi, imma iktar minn hekk huma wlied is-soċjetà li rawmithom. Għalihom waqgħu l-ħitan storiċi u soċjo-kulturali u Malta saret tassew pajjiż wieħed (Il-bajjad li jiftaħ id-dranaġġi, p. 142)

U din id-darba, il-maskra/i, ma setgħetx tidher aħjar, u ma tkunx aktar ċara daqs il-kristall, u relatata mas-soċjetà ta’ żmienna, li issa żanżnet vokabolarju ġdid u mod kif trid tara l-ħajja hi u hi biss. Sadattant ikompli l-isfruttament u l-esplojtazzjoni tal-bniedem.

…F’kemm ilni ngħidlek, irranġalu biex ġab lil martu, ’il uliedu u ’l-qraba kollha li seta’ jlaqqat. Lil sid ir-restorant ma jqumulux wisq għax joqogħdu b’li jagħtihom. L-importanti li huma ferħana għax miġbura lkoll flimkien u jgħixu familja waħda fil-flett ta’ fuq ir-restorant. X’jimporta li jaħdmu daqs klieb u jitħallsu bis-soldi! X’jimporta li s-sid jgħix fl-aqwa villa, li jsiefer biex jara kull logħba futbol u li spiss jibdel il-Mercedes u l-Ferrari, karozzi għal qalbu wisq. L-aqwa li qegħdin qaqoċċċa, li jsibu saqaf fuq rashom u fuq kollox, li jserrħu rashom ħielsa fuq l-imħadda. (Maskri p. 158-159)

In-narrattiva li nissieħbu fiha hawnhekk hija n-narrattiva ta’ min quddiem l-ossessjoni u l-abberrazzjonijiet mentali, jibda jirrelata u jara l-ħajja skont din it-tip ta’ qagħda mentali – qagħda mentali li twassal lil dak li jkun biex jinterpreta r-realtà skont din l-‘iperrealtà’ nifsija tiegħu/tagħha. U l-biża’ u t-terrur ikomplu jżidu quddiem dan l-istat ta’ xena. Il-kelma ewtanasja.

U fi triqitha lejn id-dar qagħdet tgħarbel moħħha sew forsi tiftakar x’kelma kien semma Dun Ġwann. Kelma tqila li qatt qabel ma kienet semgħetha. Imma fehmitha. ‘Għax il-labra…il-labra kollox. L-injezzjoni tal-ħniena, imma l-injezzjoni qaddejja tal-mewt. Ta’ dawk il-ħajna li jaraw ix-xjuħ żejda, piż li ħadd ma jifilħu quddiem għajnjeh. Labra waħda biżżejjed.’ / U reġgħet tkexkxet. U ġabet quddiem għajnejha lil zijuha Ġamri, żmien twil ilu, li kien armat bil-bhejjem. Baqra l-ġmiel tagħha li kienet waslet biex tiled. Baqra li bdiet tgħajjat kemm tiflaħ. U t-tabib tal-biċċerija li kien sejjaħlu Ġamri, għamlilha labra. U ftit wara, il-baqra nefħet nefħa qawwija, għotrot u waqgħet għaxja.” (Id-Dell tal-Ewtanasja, p. 172-3)

Il-misenterpretazzjoni tal-bniedem, in-nuqqas ta’ ħila li jagħraf dak li jkun qiegħed ġewwa l-bniedem u dak li jkun qiegħed jidher jinħass b’saħħa f’din l-istorja traġika ta’ tfajjel li jmut qasir il-għomor, u li minkejja kollox l-għalliem ma kienx irnexxielu jagħraf x’seta’ kien qiegħed jiġri ġewwa fih.

 

Dak il-jum ma kellix lezzjonijiet mal-klassi tiegħu. L-għada filgħodu xħin dħalt fil-kamra tal-kwinta, għajnejja marru minnufih għall-bank tar-rokna, fl-aħħar filliera. Il-bank kien vojt. It-tlett ijiem ta’ wara baqa’ l-istess. Imbagħad fl-aħħar jum tal-ġimgħa Jacob reġa’ deher. Kien żagħżugħ qisu stwiel u mill-aħħar bank, rasu kienet togħla aktar fuq l-oħrajn. Wiċċu rajtu mixrub qisu nbela’ f’daqqa waħda. Qatt ma kien qamħet il-lewn, imma issa l-ġilda rajtha bajda kina. Biss tajjart kull ħsieb ħażin. Wara kollox, min jiġi f’sikktu minnufih wra xi ebrat ijiem b’deni ta’ żiemel? Hekk kont waħħaltha f’rasi. Konna fl-aqwa tax-xitwa meta l-influwenza u l-irjieħ ma jqisux jekk jaħkmux fuq ix-xjuħ jew fuq iż-żgħażagħ. / Iżda arrali bl-ikrah. Kont xammejt biss sal-ponta ta’ mnieħri. (Bank fir-rokna, fl-aħħar filliera, p. 226)

Dan il-kjażmu bejn ir-‘rebħa’ li tidher minn barra u t-‘telfa’ ġewwinija tinħass b’saħħa tremenda f’novella li tirrifletti ħafna u ħafna mir-realtajiet ta’ żmienna, fejn koppji jkollhom jinfirdu minn xulxin, bid-diq tremend li dan jista’ jikkaġuna fil-qiegħ nett ta’ ruħhom, kif jidher sew hawnhekk:

Kellha raġun ix-xiħa. Xi rbaħt? Tassew xi rbaħt? / Kien żera’ r-riħ u ħasad ir-riefnu. Li qanqal u kaxkarlu kollox miegħu bla ma ntebaħ. Xamm biss sal-ponta ta’ mnieħru. Ħatt dak li kien bena. Ġarraf b’idejn goffi l-waqtiet ta’ seħer li kienet offrietlu l-ħajja. / Issa tard wisq; f’qalbu kien hemm rassa. Saqajh kienu bla saħħa bħal min għotor minn fuq pedistall. Bla ħajr u bla tama. Rebbieħ tat-telfa tiegħu, b’depożitu ta’ falliment fil-bank tal-ġejjieni. U l-falliment ma jirrendix imgħax. / ‘Kellha raġun ix-xiħa. Kellha raġun.’ (Ħsad ir-Riefnu, p. 277-8)

U fuq nota forsi differenti, għalkemm dejjem fl-istess fil niltaqgħu mal-Għawdxi li minn Għawdex tiegħu issa li kien se jirritorna lejn l-Awstralja tiegħu ħa ż-żerriegħa tal-ħarrub, żerriegħa li għalih kienet tfisser ħafna u ħafna u ħafna – id-dehra titkellem mod. Il-qiegħ subkonxjuż jgħid storja oħra.

F’ħin minnhom, idu marret fil-but tal-ġlekk. Hu u jteftef ħass iż-żibeġ ta’ kuruna tar-rużarju. Lil ommu ma kien jaħarbilha xejn. Tbissem. Iżda s-sensazzjoni tas-swaba’ jramblu fiż-żibeġ ħassha waħda ta’ gost. Għal ħin twil idu baqgħet taħfen dan ir-rigal li kienet ħallietlu x-xwejħa. Fil-but l-ieħor tal-ġlekk sab qartas ċkejken. Xħin fetħu lemaħ ftit żerriegħa tal-ħarrub. Dak il-ħin ftakar f’missieru u f’nannuh u magħhom f’bużnannietu u fl-antenati mistura kolha tal-ġidd Malti li ħadmu l-art u għaġnuha b’għaraqhom biex minnha sawru xbieha ta’ nazzjoni. / Tbissem għall-għaqal u d-dehen tax-xiħa. Kien iħossu ċert li  jekk għad xi darba jerġa’ jixref sa Għawdex, aktarx lil ommu ma jsibhiex hemm. Għalhekk xtaq li jsib l-isbaħ rokna fil-ġnien ta’ daru fl-Awstralja u ż-żerriegħa tal-ħarrub jordomha fil-ħamrija. Xtaq li jkollu x-xorti jaraha tinbet u tixxettel f’ħarruba kbira, umbrella b’xuxa folta u miftuħa. U terġa’ tkennu taħtha bħal żmien twil ilu meta wara ġiri sfrenat fil-beraħ kien jintelaq jistrieħ għad-dell frisk. Imbagħad fis-sliem li jaħji, ruħu tkun sabet mill-ġdid dirgħajn ta’ ġewwa li jħaddnuha bi mħabba. (Żerriegħa tal-Ħarrub, p. 310-311)

Novelli ta’ dan it-tip jidhru u jinħassu bħala psikoloġikament impenjati, kif għidt fil-ftuħ ta’ din il-kitba tiegħi, imma fl-istess ħin jibqgħu għaddejjin bin-narrattiva, li kull wieħed u waħda minna jieħu gost li jisma’ u jaqra. Ma nsibux akrobaziji psikoloġiċi ta’ xi tip jew ieħor, imma l-istess fil narrattiv u l-istess impenn tal-awtur juruna li għalih, il-ħajja tal-bniedem hija misterju – misterju li l-kittieb kapaċi jidħol fih u jislet minnu dawk l-irkejjen suwed aktar milli feliċi li jsawruh. U n-narratur jibqa’ għaddej iħit naħa ma’ oħra mingħajr ma jirnexxilu jagħmel xejn, ħlief li jkompli jurina kemm hija fraġli din l-umanità tagħna – umanità li tinħeba fl-għeluq tagħha nnifisha, u hemmhekk titrekken fl-ennui tagħha. Sadattant madankollu, in-narrattiva hija estetikament sabiħa, utli u tgħinna lkoll biex ngħixu u narrikkixxu lil din l-istess ħajjitna.

 

Ħajr lil Joe Camilleri li b’ ‘Mużajċi tat-tafal’ tana għal darb’oħra dimensjoni unika tagħna l-bnedmin, b’laqtiet psikoloġiċi daqskemm soċjali u kif dawn isawruna, isostnuna u jħituna. Nissuġġerixxi dan il-ktieb bħala mhux biss test li għandu jinqara minn kull min hu interessat jagħraf lill-umanità tagħna, imma wkoll li jintuża bħala  test f’xi skejjel, jew jekk xejn jintgħażlu minnu xi testi.

 

F’dan il-ktieb insibu sittax-il novella li huma: Għall-kenn tal-Bar Toledo; Ix-xtajta santwarju; Għedtlek, iftaħ dik it-tieqa!; Il-ħarsa mir-ritratt; Ir-raġel li xejjer il-minġel; Ftajjar tal-makku; Il-bajjad li jiftaħ id-dranaġġi; Maskri; Id-dell tal-ewtanasja; Kwestjonarju waqt X-ray; Gawwija bajda u ħamra; Bank fir-rokna, fl-aħħar filliera; Il-buffu tal-fidda; Ħsad ir-riefnu; Żjara; Żerriegħa tal-ħarrub.

F’dan il-ktieb insibu wkoll introduzzjoni tal-awtur kif ukoll studju dwar in-novelli li dehru fix-xogħlijiet preċedenti ta’ Joe Camilleri.

 

Ġabriet oħra ta’ novelli ta’ Joe Camilleri huma: Solitudni fil-Folla (2007); Fir-Rokna tas-Silenzju (2008) u Żwiemel tar-Riħ (2010).

 

 

Tarċisju Zarb