WARA KULL TMIEN huwa rumanz tal-awtur Ben Agius u ppubblikat fl-aħħar tal-2026 mid-dar tal-pubblikazjoni HORIZONS.

F’dan ir-rumans ta’ 256 paġna, nitaqgħu ma’ Luċjan, eks saċerdot li tilef il-fidi tiegħu fis-saċerdozju u f’dak kollu li darba kien kapaċi jitrasmetti bħala qassis. Wara l-esperjeza qarsa tiegħu f’ El Salvador, Luċjan jirritorna lejn dar ommu marida bid-dimenzja. Missieru u oħtu iżgħar minnu huma mejtin, u Luċjan irid iġorr is-salib tal-marda ta’ ommu waħdu.  Il-mewt ta’ missieru u oħtu huma marbuta mal-ġrajja wkoll.

Kitty hi tfajla u omm żagħżugħa, maqbuda fil-ħajja tal-prostituzzjoni u droga li rabbietha ommha fiha. Ommha mietet bil-labra ta’ siringa fil-vina, u Kitty ma kellha lil ħadd ħlief lil Gino, il-pimp ta’ ommha u wara tagħha, min jieħu ħsiebha. Kitty għandha tifla ċkejkna minn ta’ Gino. Imma dan qatt ma accetta l-paternità tagħha. Minħabba l-mod ta’ ħajja li tgħix Kitty, il-Qorti tieħu l-kustodja tat-tifla minn idejn Kitty.

Lejla waħda, wara s-suwiċidju ta’ ħabib tiegħu (Joseph), Luċjan imur Paceville biex iderri, u hemm jiltaqa’ ma’ Kitty. Luċjan joffri lil Kitty li l-għajnuna tiegħu biex teħles mill-vitzzju u taħrab mill-ħakma ta’ Gino. Iżda Kitty tibża’ u tirrifjuta l-għajnuna ta’ Luċjan.

Fl-istorja niltaqgħu wkoll mal-Ispettur Sarah Dingli li tkun qed tinvestiga l-mewt ta’ Joseph. Sarah għandha l-problemi tagħha wkoll. Żewġha jrid it-tfal, iżda hi – minħabba f’dak li tara fuq xogħlha – ma tridx iġġib tfal fid-dinja.

Meta darba Luċjan isib lil Kitty fuq l-għatba tad-dar tiegħu, l-istorja tittomplika mhux bi ftit. Luċjan jitlob l-għajnuna ta’ Sarah sabiex jeħilsu lil Kitty milll-ħakma ta’ Gino. Iżda Gino kien lest jagħmel minn kollox sabiex ma jħallix lil Kitty taħrablu – anki juża lit-tifla tagħhom.

WARA KULL TMIEN jiżvolġi fuq żewġ binarji; jew aħjar f’żewġ stejjer f’waħda. Min-naħa naraw lil Luċjan fil-preżent, u fl-istess waqt naraw minn xhiex inkun għadda meta kien il-missjoni f’ El Salvador. B’din il-ħadma tal-istorja, Agius iżomm ir-ritmu għaddej mgħaġġel u jaqleb minn perjodu għall-ieħor biex dejjem iżomm lill-qarrej fuq ix-xwiek x’ kien ġara fl-imgħoddi u x’ser jiġri fil-preżent. Biex jgħin lil qarrej, ir-rakkont fil-passat huwa fl-ewwel persuna (Luċjan) u b’format u font differenti minn dak tal-preżent, li huwa fit-tielet persuna.

Fid-daħla qasira tar-rumanz, Agius jgħid illi l-ġrajja li jirrakonta dan ir-rumanz hi differenti milli mdorri jikteb is-soltu. U dan għaliex l-istorja tiffoka ferm aktar fuq iż-żewġ karattri prinċipali, Luċjan u Kitty, milli fuq plott intriganti li soltu jagħtina Agius.

It-tmien tar-rumanz huwa emozzjonanti ferm u li jġiegħel lill-qarrej jirrifletti dwar il-ħsibijiet trattati f’din il-ġrajja, tant illi wieħed jibqa’ jhammem fuq dan ir-rumanz ferm wara li jkun qrah.

 

 

 

TRATTI TA’ PERSONALITAJIET

Huwa fatt minn ewl id-dinja li fid-dinja tal-letteratura hemm forza qawwija, li tmexxi n-narrattiva u din m’hijiex ħaġa oħra ħlief dik tal-karattru. Għax huwa l-karattru, bit-tratti tal-personalità tiegħu/tagħha li jsawru u jibnu n-narrattiva.

Dawn it-tratti ta’ personalità qegħdin hemm jgħajtu l-ħin kollu biex aħna nisimgħuhom, hekk kif dawn jiġu nnarrati…irrakkuntati…bl-istess u fl-istess traġettoriji li jgħaddu minnhom.

Huma dawk it-tratti ta’ karattri li jiddefinixxu l-personalità…il-motivazzjoni u l-istess interazzjonijiet li minnhom u permezz tagħhom huma jsawru t-tessut ta’ mħuħhom u tar-relazzjonar ma’ ħaddieħor.

Dawn huma l-qofol ta’ kull narrattiva, u xejn inqas tan-narrattivi “Fejn idur il-Pinnur” ta’ Joe Camilleri, narrattivi, li fihom niltaqgħu ma’ karattri li magħhom hemm ċans li xi naħa jew oħra tal-personalità tagħna, f’xi żmien jew ieħor tirrelata ma’ tagħna. Tipi ta’ personalitajiet, li jistgħu jkunu riskjużi, daqskemm timidi. Tipi ta’ personalitajiet li hemm ċans li joħoloqu konflitti kemm interni kif ukoll esterni. Tipi ta’ personalitajiet li jistgħu jagħtu lok għal xi tip jew ieħor ta’ realizzazzjoni nifsija.

U huwa f’dan id-dawl li wieħed hemm iċ-ċans li jifhem xi wħud mill-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-karattri li niltaqgħu magħhom fin-novelli tal-Pinnur, u fejn dan isib ruħu jdur. Għax hawnhekk il-karatteristika saljenti ta’ dak li jkun…, hemm ċans li tidher. Tinħass. Toħroġ fil-beraħ.

U dan ma jsirx biss permezz tal-vuċi narrattiva, iżda wkoll permezz tal-mod kif jitkellmu u jirraġunaw dawn l-istess karattri. L-istess kif għandhom sehem qawwi l-ħsibijiet interjuri ta’ dawn l-istess karattri, li permezz ta’ dawn il-vuċijiet interni, aħna nsiru nafu t-tratti u l-motivazzjonijiet li mhux dejjem jidhru fid-deher b’modi oħra.

L-istess reazzjonijiet u emozzjonijiet ta’ dawn il-karattri, fosthom dawk tal-għadab, biża’, ferħ u saħansitra indifferenza fost oħrajn, għandhom iċ-ċans li jitfgħu dawl qawwi fuq it-tratti ewlenin ta’ dawn l-istess karattri u n-narrattivi tagħhom. Tar-relazzjonijiet u l-interazzjonijiet tagħhom, kif ukoll il-konflitti u l-alleanzi li jorbtuhom jew le minn, u ma’ karattri oħra.

U fid-dawl ta’ dan kollu, wieħed jista’ jifhem il-mod kif tiġi żviluppata tema speċifika, kif in-nisġa tipprogredixxi, kif jinħolqu relazzjonijiet emozzjonali bejn il-karattri, kif wieħed jagħraf u jifhem is-simboliżmi li nsibu f’dawn l-istess narrattivi.

 

U DAWN HUMA XI EŻEMPJI

U d-dimensja, dik li minħabba fiha l-moħħ ma jibqax jiftakar u jillokalizza, jirreminixxizza u jżomm min-nisi, ċerti qagħdiet u sitwazzjonijiet mentali – memorji remoti, daqskemm dawk li permezz tagħhom aħna nagħmlu l-ħwejjeġ ta’ kuljum, huma realtajiet intimi, li llum il-ġurnata sirna konxji ħafna u ħafna tagħhom.

U huwa sewwa sew dak li jagħmel b’ħila Joe Camilleri, fin-novella “Minn dar għal dar” (p.13), fejn il-protagonista tħossha għal kollox diżorjentata, u ma tkunx taf sewwa sew kif għandha ġġib ruħha, anke f’dawk il-ħwejjeġ li bħala regola aħna neħudhom bħala ‘naturali’.

Il-moħħ meta jibda jbati mid-demnsja jibda ‘jaħseb’ u ‘jirraġuna’ b’naħiet ta’ moħħ li issa ma jibqgħux jissinkronizzaw sew ma’ xulxin. Sadattant, hawnhekk, f’din in-novella, nisimgħu, jew aħjar nieħdu ħjiel dwar dak li jista’ jkun għaddej f’qiegħ moħħ bniedem/bniedma li tkun f’din il-qagħda mentali. Din t’hawn taħt hija leħħa waħda minn din il-qagħda ta’ moħħ:

“Intix tara, sewwwa ħsibt jien. Bigħuli d-dar mingħajr ma qaluli. Ħadmuni. Dawn xi żewġ imbroljuni oħrajn. Nurihom jien. Issa nistrieħ sewwa, u xħin inqum immur l-għassa tal-Pulizija u nagħmel rapport li serquli d-dar u ħaduni f’dar oħra.  / Dort fuq ġenbi biex norqod. Iżda in-ngħas kien ’il bogħod. Erġajt berraħt għajnejja u qomt bilqiegħda bi tregħida fuqi: “Fejn irrid immux xħin inqum? Għiduli.” (p. 13)

Skambji (p. 48) min-naħa l-oħra hija diskursata bejn żewġ nisa li kellhom raġel li magħhom kienu qattgħu ħajjithom, fi żmenijiet differenti, u fl-iskambju ta’ bejniethom, wara li dan tal-aħħar miet, jgħaddi kliem li fih jinħass imrar, daqskemm għoġba u stmerrija fl-istess rakkuntar ta’ bejniethom – diskursar dwar personaġġ li fil-ħajja huma kienu qasmu bejniethom, u li għal kull waħda minnhom kien sors ta’ niket daqskemm ta’ ferħ.

Novella, jew aħjar sitwazzjoni djalogata ta’ min jiftakar dwar dak li kien u kif dan b’xi mod jew ieħor jinfluwixxi fuq il-mod kif aħna nesperjenzaw ħajjitna fir-relazzjonar ta’ bejnietna.

Min-naħa l-oħra, hemm ċans, bħal qisha trid tgħidilna “Bidla fid-dehra” (p.66) li aħna ħafna drabi ma nkunux aħna, imma sempliċiment il-fabbrikazzjoni tas-soċjetà tal-madwar. Aħna, b’dan il-mod insiru sempliċiment prodott kulturali. Il-bixra, is-sura u d-dehra tagħna, fiżika, dehiera, u saħansitra intima tagħna, ma tkunx dik li nkunu aħna, imma dik li l-forzi tal-madwar ikunu jriduna noħoloqu minna nfusna.

U hekk jinħass li ġratilha l-protagonista fin-novella “Bidla fid-dehra” (p. 66), fejn mara li ma kinetx tqarreb l-estetiċità tal-madwar tbiddel lilha nnifisha għall-estetiċità elettronika, u li filwaqt li hija ħassitha li laħqet is-sema b’idejha, żewġha ħassu li kien tilef l-essenzjalità tal-istess martu li fl-istess ‘maskulinità” tagħha issa li kienet tilfitha ma baqgħetx aktar ‘martu’, imma sempliċiment mara.

Novella, li titkellem tgħajjat fl-istess konċiżjoni tagħha dwar il-ħtieġa li nkunu aħna, aktar milli xi tip jew ieħor ta’ fabbrikazzjoni soċjali, tal-moda u l-bqija.

“Paralleliżmi kuntrastanti” (p. 96) minn aspett ieħor, hija novella li titkellem tgħajjat dwar dak li jsir parti mir-rutina tagħna, u minkejja li dan ikun qiegħed idejjaqna, u jtellifna saħansitra minn dak li nkunu nħobbu u ngħożżu, għax bħal qisu narawh bħala theddida għal din l-istess rutinizzazzjoni tagħna, fl-istess ħin għandna bżonn dan l-istess disturb. Għandna bżonn dak il-ħoss tal-gamiema, li minkejja li hija invadenti għall-protagonista ta’ din in-novella, hija kienet saret hija wkoll, parti mill-istess ‘hu’, mill-istess jumjieniżmu tiegħu. U għaldaqstant, meta din ma dehritx aktar fis-sottosfond ta’ moħħu, tal-ħoss ta’ widintu, il-protagonista ħassu bħal qisu mhux hu. Kien tilef xi ħaġa. Xi ħaġa li kienet saret parti minnu, biex imbagħad, hekk, minkejja li kienet disturbanti għall-aħħar, ħallietu ltim minnha:

“Għax issa n-nervi kotru fuq li kotru. Aktar u aktar xħin niftakar li għalxejn inwaqqaf widnejja għall-kuu-KUU-kuu. Ta’ xej ngħarrex kemm ngħarrex. / Il-gamiema tal-kullar ma tfaċċatx aktar. Imma l-karba litanika tagħha baqgħet iddur u tirbombja fit-tnabar ta’ widnejja. In-nuqqas tagħha issa beda jkiddni. / X’kontradizzjonijiet! Iff, x’nervi! (p. 101)

U jista’ jiġri wkoll li waqt li nkunu qegħdin nitkellmu mingħajr forsi ma nagħtu każ dak li nkunu qegħdin ngħidu, kull wieħed u waħda mina għandu ċ-ċans li jagħti l-interpretazzjoni tiegħu ta’ dak li jkun qiegħed jisma’, dejjem skont l-ivviżizzjonar tiegħu/tagħha.

U hekk ġralha x-xwejħa fin-novella “Fil-fixla tat-tpaċpiċ tal-ewtanasja” (p. 117), novella li fiha niltaqgħu ma’ xwejħa li quddiem il-kelma ewtanasja għamlet rievalwazzjoni tagħha, u ta’ dak li seta’ jissuċċedilha, issa li kienet xjaħet. Kellha l-biża’, li wara li qattgħet ħajjitha, tgħin u sservi, tispiċċa biex jaqtgħulhielha għall-mewt permezz tal-ewtanasja. Tant ħaditha bi kbira, li marret għand in-nutar, fejn talbitu biex dan ma jseħħx, u minkejja li n-nutar qallha li ma kellhiex għalfejn tibża’, hija xorta waħda, wasslet lin-nutar biex jagħtiha ċertezza b’dak li huwa sejjaħ:

“speċi ta’ living will. Hi x’inhi, kitba ffirmata minnek li turi x-xewqat tiegħek, jekk, allaħares qatt, tasal f’xi stat u f’kundizzjoni li qiegħda tibża’ minnhom.” […] ‘Dak li ħambqu ser jibqa’ f’wiċċhom. Daqshekk smajt traħħim u diskussjonijiet.’/ Mil-lum ’l hemm kienet biħsiebha tisma’ biss il-leħen ta’ qalbha.” (p. 123)

“Jum il-Ħaddiem” (p.159) titkellem tgħajjat dwar il-mod kif minkejja li kien jum il-ħaddiem, min iħaddem, mhux dejjem jittratta lill-ħaddiem tiegħu b’dinjità. Imma tidħol il-kelma sfruttament. U sfruttament bla ħniena. Għax hawnhekk, minkejja li kellu jkun jum li fih il-ħaddiem kellu jkun ittrattat ta’ nies, l-istess kliem ta’ sid lejn is-serv tiegħu, jgħidu kelma oħra. U ironikament dan isir, ironikament f’jum li fih il-ħaddiem kellu jkun ittrattat b’mod dinjituż. Sadattant, il-ħaddiem barrani, kellu joqgħod għall-ordnijiet tal-imgħallem tiegħu, li għalih ma kienx hemm ħniena.

Fin-novella, “Muskoli fondi li jmewtu l-konsenturi” (p. 173) min-naħa l-oħra, niltaqgħu ma’ karattru li minkejja r-rabja li kellu, hekk kif kien qiegħed jara l-kosenturi jiżdiedu u jiżdiedu, riżultat ta’ bini li kien tiela’ ħdejh, wara li mtela rabja ma tarax art, spiċċa biex minkejja li ġie b’wiċċ ’mb’wiċċ mal-barrani qisu ġgant, minflok sfidah jew għajru, qallu: “Nice work you are doing”, bħal qiegħed jgħidilna li quddiem nies li ma tafhomx u li jkollhom ċertu tip ta’ preżenza mmuskolata, il-bniedem-vittma, jispiċċa biex ilaqlaq, u l-valuri u d-drittijiet tiegħu ma jsibux vuċi biex jinstemgħu u jsemmagħhom.

Min-naħa l-oħra hemm wisq aktar minn “Biċċa Kejk” (p. 191) fin-novella li ġġib dan l-istess isem. Dan minħabba l-fatt li din il-frażi, kienet tiġbor fiha storja li tmur lura fiż-żmien ta’ mara li ħabbet żagħżugħ, u li hu ħabbha lura, imma wara li siefer, dan ma reġa’ qatt lura. U din l-istess mara, issa kienet iżżewġet lil sieħbu. Imma, minkejja li fid-deher kienu jidhru koppja ‘stabbli’, fil-qiegħ nett ta’ ruħhom kien hemm bħal divarju.

Għallinqas hekk jasal biex jinterpreta lil martu, il-protagonista ta’ din in-novella, li issa kellu lil martu tbati bid-dimensja, u li ħlief il-biċċa kejk, li kien wegħidha ż-żagħżugħ ta’ żgħożitha, issa ma kien għad fadal xejn. U hekk f’salt wieħed mietet. Imma, il-biċċa ewlenija tan-novella tinsab fil-biċċa kejk, simbolu ta’ min kien iżżewweġ mara, li fil-fond ta’ qalbha ma riditx lilu, imma riedet lil sieħbu. B’dan il-mod il-biċċa kejk, issir wisq aktar minn sempliċiment biċċa kejk. Issir esperjenza ta’ ħajja li fiha l-imħabba ma seħħitx.

Ovvjament hemm ħafna aktar naħiet x’wieħed jista’ jikkummenta dwar kull novella, skeċċ u l-bqija li nsibu f’dan il-ktieb.

 

KONKLUŻJONI

U fid-dawl ta’ dan kollu wieħed jista’ jifhem in-narratoloġija ta’ Joe Camilleri, narratoloġija li ma’ kull paġna tittrasforma l-kliem fuq paġna f’personalitajiet dinamiċi, li jibqgħu jippersistu, b’xi mod jew ieħor fil-moħħ tal-qarrej li jaqrahom bid-dehwa li jixirqilhom. Sadattant, l-istess qarrej ta’ “Fejn idur il-pinnur” jirnexxilu jagħraf u jifhem ir-rwol ta’ dawn it-tratti ta’ personalità u b’hekk wieħed jikseb aktar għerf-għarfien dwar il-ħajja u l-fenomenoloġija tagħha.

Tajjeb ingħidu li Joe Camilleri huwa kittieb assidwu, li b’insistenza u konsistenza jfannad fl-esperjenzjalità ta’ ħajjitna, biex permezz ta’ narrattivi u ‘pitturi’ permezz tal-lingwa, niksbu dejjem ħjilijiet varji dwar aħna min aħna, u kif aħna nterrqu f’dal-ivvjaġġjar tagħna li ngħidulu ħajja.

Dan kollu jwasslu bi stil ħafif, mexxej u fl-istess ħin dinamiku, li jixhed mhux biss esperjenzjalità f’dan il-qasam ta’ kitba, imma wkoll fehim intrinsiku fil-bniedem u dak li jsawru fil-qiegħ nett tal-istess surtu, personalitu u l-bixriet intimi li jagħmluh dak li hu – l-esseri ħassieb għaddej il-ħin kollu jipprova jifhem u jfannad fil-qiegħ ta’ din l-ajsberg psikoloġika u antropoloġika li ngħidulha bniedem. Kitbiet b’dan il-mod li jitfgħu dawl fuqna lkoll hekk kif ngħaddu npassu f’dal-pajsaġġ tal-ħajja, bejn sqaqien, toroq u awtostradi.

Nissuġġerixxi għal darb’oħra li jkun hemm studji fil-fond tan-narrattivi ta’ Joe Camilleri, li minnhom issa għandna għadd mhux ħażin – għadd li f’qiegħ qiegħhom jitfgħu dawl fuqna lkoll.

 

Kumment ta’ Tarċisju Zarb

 

  1. Għaliex l-għażla tiegħek biex tittraduċi għal Malti waqgħet fuq dan ir-rumanz tal-awtriċi relattivament żagħżugħa Iris Wolff?

L-ewwelnett Patrick għandek tkun taf li qabel ma ddeċidejt li naqleb dan ir-rumanz ta’ Iris Wollf, wara s-suċċess li kelli bin-‘Nemmies’,  kont qlibt għall-Malti rumanz polizzjesk ieħor tal-awtriċi Ġermaniża, internazzjonalment magħrufa, Charlotte Link,  jiġifieri ‘Die Suche’ li tajtu l-isem Malti ‘Is-Sejba’. Iżda, ironikament, minkejja dan l-isem, x’aktarx minħabba t-tul tiegħu, ma stajtx insib pubblikatur lest li jippubblikah, għad li għandu storja intriganti ħafna u bħas-soltu tmiem mhux mistenni. Għalhekk bdejt infittex awtriċi li tikteb rumanzi iqsar u l-għażla waqghet fuq Iris Wollf għax wara li qrajt fuqha, bdejt naqra r-rumanz ‘Lichtungen’ u ssaħħart wara l-użu tal-lingwa tagħha, apparti l-istorja u l-istil partikolari li bih hija rrakkuntata.

 

  1. X’inhi r-relazzjoni tiegħek mal-ilsien Ġermaniż? Minn fejn beda l-interess tiegħek f’dan l-ilsien u kif żviluppa matul iż-żmien?

Jiena Lettur anzjan semi-irtirat tal-Ġermaniz fl-Università ta’ Malta. Il-lingwi minn dejjem kont inħobbhom imma l-Ġermaniż bdejt nistudjah għax kelli ħabib tiegħi li kien qed jistudjah il-‘German Maltese Circle’ u ħajjarni. Meta spiċċajt il-kors, is -sur Victor Sammut, li dak iż-żmien kien segretarju ferm ħabrieki tac-Circle, billi kont ġa għalliem, ħajjarni biex nibda ngħallem hemm billi kont nirbaħ ħafna premjijiet tal-kors u ftit wara irbaħt borża ta’ studju  ta’ sentejn biex insir għalliem tal-Ġermaniż bħala ilsien barrani fil-Goethe Institute ta’ Munich u kif kont hemm, studjajt filgħaxija l-Università ta’ Munich u għamilt l-ogħla eżamijiet fil-lingwa għall-barranin u akkwistajt l-iSprachdiplom , kwalifika internazzjonalment magħrufa. Minn hemm bdejt il-karriera bħala għalliem tal-Ġermaniż fil-Junior Lyceum, tal-Ħandaq, wara fis-sixth-form li mbagħad sar ‘Junior College’ u hemmhekk intagħżilt bħala lettur tal-Ġermaniż. Wara dan bdejt ngħallem fl-Università, minn fejn irtirajt fl-2019, għalkemm għadni nagħti xi lectures dwar it-traduzzjoni Ġermaniż-Ingliż-Malti lill-istudenti tat-tieni sena tal-kors tal-B.A. Hons u Gen. German tad-Dipartiment tal-Ġermaniż. Fuq talba tal-mibki Professur Eynaud, għallimt ukoll  fil-kors tat-traduzzjoni post graduate.

 

  1. Liema huma l-fażijiet differenti li tgħaddi minnhom bejn il-waqt tal-għażla tax-xogħol li trid taqleb għall-Malti u l-waqt meta l-ktieb jiġi ppubblikat?

Għal dan hemm il-fażijiet normali jiġifieri l-ewwel ma nfittex pubblikaturi interessati li jippubblikaw l-ktieb u minnhom nagħżel min itini l-aħjar proposta. Umbagħad infittex qarrej tal-provi li jaf il-Malti sew. Filwaqt li nżomm il-copywright, inħalli f’idejn il-pubblikatur għal dak li għandu x’jaqsam editjar finali, layout, disinn tal-kaver u distribuzzjoni, naturalment dejjem b’konsultazzjoni miegħi.

 

  1. Meta Ġej? hu ambjentat fi żmien storiku partikolari. Dan hu b’hekk rumanz fittizju li hu bbażat fuq eventi storiċi li seħħew fir-realtà. U huwa rrakkuntat retrospettivament. Xi tgħidilna dwar dan?

Hekk hu. Fi żmien meta Caucescu kien qed imexxi lir-Rumanija b’mod tassew dittatorjali. Iris Wollf twieldet hemm u dawn iż-żmenijiet koroh għexithom sa ma kellha għaxar snin. Għalhekk ħasbet fi storja fittizja biex permezz tagħha tagħmel il-kummenti tagħha dwar dawk iż-żmenijiet, b’mod sottili ħafna, taħt forma ta’ ġrajja ta’ mħabba bejn Lev u Kato. L-istil retrospettiv kienet  għazla tagħha għax kif qaltli hi stess, meta kienet Malta għat-tnehdija ta’ ‘Meta Ġej’, li saret waqt il-fiera tal-ktieb f’Novembru li għadda, hi temmen li l-preżent ta’ kull bniedem marbut mal-passat u mal-memorji. Infatti t-titlu oriġinali tal-ktieb ‘Lichtungen’ metaforikament ifisser vjaġġ fil-memorji filwaqt li litteralment bil-lingwa Ġermaniża ifisser dik il-parti tal-foresta fejn ma jkunx hemm siġar. Issa billi f’Malta la għandna foresti u ftit biss siġar, għażilt it-titlu ‘Meta Ġej’ li hija l-mistoqsija li tistaqsi Kato lil Lev fil-kartolini li tibgħatlu.

 

  1. Kull parti mid-disgħa li fiha hu maqsum ir-rumanz hija introdotta minn kwotazzjoni partikolari: mil-letteratura, mill-Bibbja, xi proverbju, xi ħrafa jew xi kanzunetta. Nassumi li din kienet l-għażla ta’ Iris Wolff stess? X’funzjoni għandhom dawn, u kemm taħseb li huma effettivi?

Eżattament . Dan jifforma parti mill-istil partikolari tagħha u barra minn hekk is-sottotitoli fil-ktieb bil-Ġermaniż, huma b’lingwi differenti għax hi temmen ħafna fl-iskambju interkulturali u tema ewlenija tal-ktieb hija l-migrazzjoni u l-problemi kollha li ġġib magħha. Imma jien biex ngħin lill-qarrej Malti qlibthom għall-Malti ukoll.

 

  1. Inti ttraduċejt għall-Malti rumanz ieħor ta’ awtriċi Ġermaniża: In-Nemmies (Der Beobachter, The Watcher, 2011) ta’ Charlotte Link, ippubblikat mill-Horizons fl-2016. X’hemm komuni bejn Meta Ġej? u In-Nemmies, u x’kemm differenti? Liema kien l-ikbar sfida għalik meta ġejt biex taqlibhom għall-Malti? Għaliex?

Huma għal kollox differenti. In-‘Nemmies’ huwa rumanz polizzjesk bi studju dettaljat tal-karattri, filwaqt li ‘Meta Ġej’ huwa storja ta’ mħabba fi żmien id-dittatura ta’ Caucescu, billi Iris Wolff twieldet ir-Rumanija u għexet l-agħar żmien tagħha qabel ma l-ġenituri tagħha ħaduha l-Ġermanja.

L-ikbar sfida tinsab fil-fatt li l-Ġermaniż hu ilsien indo -Ġermaniku filwaqt li l-Malti huwa ilsien semitiku-rumanz, żewġ familji lingwistiċi għal kollox distinti. Sfida oħra kienet l-ambjent tan-‘Nemmies’, ambjent tipiku Ingliz, filwaqt li f’’Meta Ġejt’ insibu l-ambjent tat-Transilvanja-Ġermaniż-Awstrijak. Apparti l-problemi normali tal-lingwa, struttura grammatikali u morfoloġika, idjomi u x’naf jien.

 

  1. Kemm temmen li xogħol it-traduttur huwa importanti inġenerali, imma iktar u iktar fil-kuntest Malti?

Naħseb li huwa importanti ħafna, biex ma ngħidx essenzjali, billi l-letteratura tagħna, meta mqabbla ma’ letteraturi ta’ ilsna oħra, għadha fi stat relattivament bikri u għalhekk li nwasslu lill-qarrejja Maltin qrib awturi kbar tal-letteratura internazzjonali huwa meħtieġ ferm. Kien dan li ppruvajt nagħmel sa minn meta kellha 17-il sena u qlibt l-ewwel rumanz tiegħi mill-Ingliż – ‘Narziss u Goldmund’ ta’ Hermann Hesse. Wara mbagħad, meta kont l-iskola tad-drama kellna bżonn xogħlijiet bil-Malti u għalhekk qlibt għal Malti ‘l-Ors’, il-Ġublew’ u l-‘Ġnien taċ-Ċirasa’ ta’ Anton Chekov għax lili l-awturi Russi jogħġbuni ħafna għax imissu r-ruħ tal-bniedem. Qlibt ukoll ‘Il-ħabel’ ta’ Plautus u ‘L’uomo la bestia e la virtu’ ta’ Luigi Pirandello.

 

  1. X’diffikultajiet wieħed jiltaqa’ magħhom meta jkun qed jaqleb xogħol mill-Ġermaniż, u mhux minn ilsna oħra bħat-Taljan u l-Ingliż?

L-Ingliż huwa ilsien anglo-Sassonu filwaqt li t-Taljan lingwa rumanza. Mill-banda l-oħra, il-Ġermaniż huwa ilsien indo-Ġermaniku u għalhekk it-tliet lingwi huma lingwi minn familji lingwistiċi għal kollox differenti. Minn hemm joħorġu l-isfidi tal-lingwa kollha meta tkun qed taqleb minnhom lejn il-Malti li hija lingwa semitika-rumanza.

 

  1. It-tmiem jista’ jinħass enigmatiku u għalhekk effettiv tassew għax iħalli lill-qarrejja jistaqsu x’seħħ eżattament. Żgur li tispikka r-relazzjoni iben-missier, ix-xewqa li l-iben isib fl-aħħar lill-missier. Xi tgħid dwar dan?

Dwar it-tmiem nghidlek is-sewwa thawwadt jien ukoll imma jekk tpoġġih fil-kuntest tal-mezz stilistiku li tħobb tuża hi jiġifieri dak tal-omission, allura forsi jiftiehem xi ftit aħjar. Iris qed tghid lill-qarrejja intetpretah kif tixtieq int mill-memorji tiegħek….

 

  1. Min hu Alfred Scalpello bħala bniedem? X’inhuma l-attivitajiet tiegħek meta ma tkunx qed taqra jew tikteb?

Alfred Scalpello huwa lettur anzjan tal-Ġermaniż semi-irtirat u nannu ta’ erba’ neputijiet – Luke, Louisa, Emma u Alexandra. Meta ma nkunx qed naqra jew nikteb, inħobb insiefer, nirreċta u nagħmel xogħol ta’ volontarjat ma’ diversi għaqdiet volontarji. Nagħmel ukoll ħafna xogħol bħala interpretu fil-Qrati Maltin u istituzzjonijiet Ewropej u ngħin ħafna lill-Pulizija ta’ Malta u lill-avukati u l-imħallfin. Kultant nara xi film tajjeb jew immur it-tejatru nara xi play tajba. Imma bħalissa flimkien mal-mara qed nagħmel ħafna babysitting!

 

  1. Pjanijiet għall-futur?

Il-futur kaxxa magħluqa imma żgur li se nkompli naqra, ngħallem u nittraduċi. Fil-fatt ġa għandi f’moħħi l-proġett li jmiss imma għalissa ma nixtieqx niżvela xejn dwaru, tifhimni mhux hekk?

 

 

 Minn Patrick Sammut, meħuda mill-Pont, edizzjoni ta’ Lulju 2026.