Dar-Riħ Malizzjuż hija s-sitt ġabra ta’ poeżiji ta’ John P. Portelli. Din il-ġabra, ippubblikata minn Horizons, fiha 43 poeżija miktuba bil-vers endekasillabu. Dan hu ktieb uniku u innovattiv għax huwa l-ewwel ktieb bil-Malti li f’kull paġna hemm kodiċi QR li bih tista’ tisma’ l-poeżija tinqara minn Celaine Buhagiar u l-awtur innifsu. Barra minn hekk, il-kunċett artistiku u d-disinn tal-ktieb b’qoxra iebsa hu xogħol l-artist Malti ta’ fama internazzjonali, Dr. Trevor Borg, lettur fl-Università ta’ Malta.

 

L-idea tal-użu tal-kodiċi QR ġiet imnebbħa mill-fatt li Portelli għandu ħbieb li tilfu l-vista, kif ukoll mill-fatt li Portelli jemmen bis-sħiħ fil-ħsieb u l-prattika tal-inklużjoni. Portelli, li emigra għall-Kanada fl-1977, illum huwa Professur Emeritus fl-Università ta’ Toronto wara li mill-1982 għallem il-filosofija u l-ġustizzja soċjali fil-politika u t-tmexxija tal-edukazzjoni f’erba’ universitajiet. Portelli, li jgħix f’Malta u f’Toronto u anki lil hinn, huwa awtur ukoll ta’ żewġ ġabriet ta’ novelli kif ukoll ir-rumanz Kulħadd barra Fajża, li din is-sena ħareġ ukoll bl-Ingliż, Everyone but Fajza, maqlub għall-Ingliż minn Irene Mangion u ppubblikat minn Horizons (Malta) u Word and Deed Publishers (il-Kanada), bl-għajnuna finanzjarja tal-Kunsill Malti tal-Ktieb. Ħames kotba tiegħu ġew short listed għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb Malti. Portelli spiss jiġi mistieden biex jaqra f’serati letterarji kemm f’Malta kif ukoll f’Toronto. Il-poeżiji tiegħu nqalbu għall-Ingliż, il-Franċiż, il-Grieg, l-Għarbi, il-Farsi, ir-Rumen, il-Pollakk, il-Korean u ċ-Ċiniż.

 

Kummenti dwar Dar-Riħ Malizzjuż

 

Il-poeżija ta’ John P. Portelli hija poeżija lirika, maqlugħa – mhux mingħajr tbatija – minn ġewwieni profond li fih tistaħba nostalġija li f’waqt hija ħarba u f’ieħor kundanna, imma f’kull waqt fiha sens li t-tifsila ta’ kwalunkwe ġejjieni hija msensla fuq il-mit ta’ mgħoddi li ħarab u li mill-prisma tal-lum jidher bogħod millenarju, anki jekk dejjem persistenti. Fil-poeżija ta’ Portelli, in-nostalġija tkellimna permezz tas-sensi, u waqt li qed naqraw, naraw, inxommu, nisimgħu, intiegħmu, kważi saħansitra mmissu b’idejna din id-dinja nostalġika, trejjaħ is-sajf, il-baħar, qalb l-għelieqi mperrċin fuq l-irdumijiet.

 

Aleks Farrugia

 

Il-poeżija ta’ John P. Portelli taqbad l-esperjenza temporanjament konkreta tal-kampanja ta’ art twelidu u tar-raħal fejn trabba, irriżaltati mid-diqa ta’ qalb f’ruħ eżiljata minnha bil-bogħod u bil-mogħdija ineżorabbli taż-żmien. Il-passat u l-ħarba taż-żmien f’Malta li qed tinbidel b’għaġġla, filwaqt li hu mġiegħel iħallihom warajh, iqanqlu fih traċċi ta’ delikatezza intensa. Huwa attent għal dettalji żgħar ħafna fl-habitat naturali ta’ Malta, sal-iżgħar fjuri u bebbux, għalkemm huma l-burdati infiniti tal-baħar u tar-riħ li l-aħjar jimmarkaw dawk tiegħu. Madankollu, din tiegħu mhijiex poeżija ta’ deskrizzjoni imma waħda li twaħħad l-interrelazzjonijiet kważi tanġibbli tiegħu mal-ambjent tiegħu u ma’ niesu, f’xi waqtiet liriċi, f’waqtiet oħrajn muġugħa. L-użu raffinat tal-ilsien Malti juri sensittività li qarrej attent ma jistax ma jħossux imqanqal minnu.

 

Maria Grech Ganado