Bejn it-twemmin u t-tellieqa
Irrid l-ewwel nett ngħid li għandi żewġ xbihat distinti ta’ Jonathan Balzan immarkati f’moħħi, jew forsi huma xbieha waħda mlibbsa f’żewġ suriet differenti – lil Jonathan niftakru għaddej itellaq qalb it-toroq tar-raħal, wiċċu ruxxan u b’pass ma jaqta’ xejn. Kultant għaddej minn Triq it-Tabib Nicola Zammit fis Siġġiewi, fejn trabbejt jien – u nafu jaqra l-poeżija tiegħu f’għadd ta’ serati ta’ qari li inzertajna qed naqraw xogħolna fihom. Nafuh ilkoll bħala atleta ta’ suċċess, rebbieħ ta’ maratoni, li kiser diversi records u għamel isem għalih innifsu f’dan il-qasam, kemm f’Malta u wkoll lil hinn minnha. Dan il-preambolu qed nagħmlu għax ma’ Jonathan għandi dawn il-memorji ta’ ħbiberija li jġibuna flimkien. Imma hawnhekk se naqsam ħsieb jew tnejn fuq il-poeżija ta’ Jonathan Balzan – dik il-materja li finalment tibqa’ usa’, inqas frivola u allura aktar bnedmija minn kull illużjoni li aħna l-bnedmin jista’ qatt ikollna dwarna nfusna.
X’jiġri meta bħala qarrejja nidħlu, kisknijiet, flunivers uniku ta’ poeta-atleta? Anzi, ħa nikteb iddomanda mill-ġdid: X’jiġrilna meta l-poeżija jfettlilha ttellaq magħna, jew inkella ġo fina? U din li se naqraw f’dan il-ktieb hija poeżija li qed ittellaq, jew atletika li qed tinkiteb? Mhumiex mistoqsijiet faċli dawn, għax jorbtu b’qilla kbira mal-kwistjoni tal-poetika bħala kenn minn dak li għadna ma nafux. Imma, ejja talinqas nibdew.
Dawn huma poeżiji li qegħdin jitolbu – li fihom il-poetika tat-talba, u li minnhom tingħaraf fidi li tinstab fl-azzjoni tat-talba nfisha. La titqarrqux – it-talba ta’ Balzan, filwaqt li hi ħosbiena, mhix waħda supplikanti. Bħalma naqraw, pereżempju, fil-poeżija ‘Kultant, Mulej’, din hi talba mill-aktar assertiva u dinamika. Talba li mhux dejjem taf fejn se tispiċċa, imma li taf eżatt minn fejn bdiet u minn fejn għaddiet biex waslet biex tlissen il-kelmiet li għandna quddiemna f’dan il-ktieb. Forsi hi talba atletika – għax spiss, bħal fil-poeżija ‘Hi’, insibu sekwenzi li fihom ir-ritmu tal-vers hu sinkronizzat mill-qrib ħafna mat-taħbit tal-qalb – bħal donnu l-atleta jieqaf jiċċekkja r-rata tat-taħbit kardijaku, tad-distanza li għamel, u jispiċċa jsib fihom grammatika li fil-fatt tispelli l-binja eżistenzjali tiegħu. F’dan is-sens, ilvers jirbaħ fuq il-ġisem, anke jekk b’nanosekonda.
Spiss, Balzan jorganizza l-esperjenza tiegħu f’ritmi qosra u skjetti, kważi stakkati. Dawn huma poeżiji animati bit-tqanqila fiżika tal-qalb waqt l-isport, iva. Iżda Balzan jintervjeni proprju hawn, biex ifassal mit-tferfir sportiv tal-qalb allegorija ta’ ħajtu u aktar minn hekk, inissel minn dan it-taħbit relazzjoni qariba mat-twegħir tar-ruħ, wieħed li minnu nnifsu hu kostanti tal-inqas daqs il-pass tal-maratona. Fidi u sport: kultant, il-poeżija ta’ Balzan hi atleta, drabi oħra akrobata. Però, fit-tnejn li huma, din hi poeżija li ssib virtù fil-ħeffa, u spiss tiftaħ spazju ta’ ħsieb kajman qalb il-ħeffa, anzi tikxef il-potenzjal tal-ħeffa bħala spazju jew wisa’ li hu profondament ħassieb.
Għax aħna u naqraw l-indirizz ta’ Balzan lejn alter ego sagru, pereżempju, jew aħna u nsegwu r-ritmu sod li bih Balzan jesprimi s-sens ta’ ħajja kontemporanja li kif jikteb Theodor Adorno, hi “difettuża” b’għadd ta’ modi, insibu tifsira tal-ħeffa li fl-istess waqt tirrifjuta l-għaġla kbira li jimponi fuqna l-preżent. Il-poetika tal-moviment għalhekk tipproponi ruħha bħala alternattiva għall-problematika ta’ preżent bla sabar. Il-motivi l-kbar tal-fidi – il-maħfra, il-mixja spiritwali, it-tama, u l-perseveranza talisportiv daqskemm tal-poeta kredenti, jikkomponu l-kuxjenza tar-ruħ atletika. Din hi kuxjenza li tibni: l-akrobata nfisha, imbagħad, tfittex li “tibni l-mewt” bħala l-ħidma kontinwa ta’ ħajjitna, kif jikteb tajjeb Michel de Montaigne, u kif fil-fatt niskopru aħna u naqraw poeżiji bħal ‘Lejn l-Addolorata’. F’poeżiji oħra, bħal ‘Fuq spallejja’, Balzan jikteb li “Meta ħsieb il-mewt / jagħfas fuq spallejja / nifhem li nkun filqrib / tal-ispjegazzjoni / bejn l-imġarrab u l-mistur’.
Is-solitudni li toħroġ minn dan l-imkien imbejjen hi wkoll il-kundanna tal-bniedem – tagħna kollha – jiġifieri dik li spiss insibu rwieħna ntellqu waħedna. Balzan imma, juża dan l-abbandun proprju biex, bħala poeta, ma jabbandunaniex. Balzan iressqilna, anzi, forma ta’ refuġju attiv. Dan hu l-għarfien li fit-tħejjija sportiva tal-ġisem diġà tinstab id-dinamika bażika tat-twemmin – jiġifieri li wara t-tellieqa, hemm tistenniena poeżija.
Kumment ta’
Dr Norbert Bugeja
Senior Lecturer fl-Università ta’ Malta