Kumment ta’ John Baldacchino

 

Il-ġmiel u r-rikorrenza f’forom ta’ imwiet żgħar huwa l-binarju indirett li jsostni l-poetika ta’ John Buttigieg. Kif iwegħedna hu stess, Jifridna biss is-skiet hija “l-aħħar fażi poetika” tiegħu, għalkemm hawn, it-tmiem huwa wieħed ta’ tqala poetika li tħabbar wild fil-ġejjieni immedjat tal-lum ta’ kuljum. Mhux biss f’sens ta’ fidi, imma wkoll f’dik li hija forma poetika, Buttigieg jagħżel dak li bih l-univers jiċċekken bl-istess sens kenotiku li bih ħafna jixxenqu għall-maħfra u r-redenzjoni.

 

Jekk f’din il-fidwa se nħabbru xi forma ta’ għajbien, dan jinstab fil-preżenza li f’kull poeżija tipprova ssib kenn. Dan il-kenn jieħu forma ta’ f’tiftix li jixbah lil dawk iż-żjarat li fil-ħajja ta’ kuljum ma jidhrux siewja daqs kemm huwa l-għarfien tal-ambigwità li tagħmilhom. Għalkemm dan kollu jinstema’ pjuttost astratt, fil-poetika ta’ Buttigieg insibu materjalità tanġibbli u prattika hekk kif miegħu aħna lkoll ngħixu ħajjitna jum b’jum. F’kull poeżija hemm sens familjari, u allura ġenerożità li biha il-poeta jistedinna nifhmu l-għemejjel tagħna bħala bnedmin.

 

Huwa f’dan is-sens ta’ għemejjel (poetiċi imma wkoll komuni) li r-rikorrenza tmur lil hinn minn xi espressjoni ta’ poter jew volontà, imma fejn, f’sens estetiku—f’narrativa ta’ ġmiel – l-arti poetika ttarrafna b’dak li dejjem se jiġi “wara.” Dan l-ordni poetiku jindika wkoll kif l-esperjenza ta’ kuljum nagħrfuha f’kulma nagħmlu u f’dak li għad irridu nagħmlu (anke jekk ħafna drabi ma nafux x’se jkun). Ma’ Buttigieg mhux qed inżuru dinjiet straordinarji jew diffiċli. Anzi, qed ngħixu ħajjiet li huwa jislet mill-istess imwiet żgħar ta’ kuljum, fejn kull waħda u wieħed minna nfittxu sens dejjiemi ta’ ġmiel u allura ta’ dak li b’mod divers inqisu b’tajjeb u veru.

 

John Baldacchino. Professur fl-Università ta’ Wisconsin-Madison u awtur ta’ Sejjieħ il-Ħsieb: Limitu u Ħelsien (2020).