Feliċjan Bezzina Bil-linka tfawwar Poeżiji
Robert Farrugia
Nixtieq nibda din it-taħdita billi nagħmel referenza żgħira għal ħassieb li mhux soltu nirreferu għalih f’kuntest bħal dan. Qed nirreferi hawn għal Sir Francis Bacon li, barra li kien Avukat Ġenerali u serva bħala Lord Kanċillier tal-Ingilterra, kien primarjament filosfu Anglikan fl-era moderna (seklu 16,17) li l-impatt enormi li ħalla fuq id-dinja tal-Punent ġablu t-titlu ta’ ‘missier ix-xjenza empirika/ moderna.’ Rigward dan, ridt naqsam magħkom silta qasira tiegħu mhux tant popolari, bl-għan li norbotha mal-aspett filosofiku tal-kitbiet ta’ Patri Feliċjan.
Dan nafferma jien dwar l-għarfien tan-natura (xjenza): li ftit għarfien xjentifiku (filosofija naturali) li wieħed jakkwista fil-bidu ta’ din it-tfittxija, jew riċerka, aktarx iwasslu biex jipproklema lilu nnifsu bħala ateju u jafferma l-atejiżmu. Iżda, mill-banda l’oħra, jekk kemm-il darba dan l-istess riċerkatur ikompli jirriċerka aktar fil-fond f’dan l-istess għarfien, jasal biex iventwalment jinnega din il-pożizzjoni li jkun ħa rigward l-atejiżmu u saħansitra jispiċċa jdur lejn ir-reliġjon u jsib lilu nnifsu jemmen f’Alla.[1]
Kif nistgħu naraw, din il-kwotazzjoni fiha bil-wisq x’nixtarru. Ibda biex, din miktubha mill-missier tax-xjenza empirika, l-istess xjenza li llum tant twarrab, jew aħjar tiprova tordom, lil Alla u kull aspett li għandu x’jaqsam miegħU. U kif ser naraw, Patri Feliċjan, fid-daħla u fil-kitbiet poetiċi miġbura f’dan il-ktieb tiegħu li llum qedgħin niċċelebraw, jirrifletti sew fuq dan l-aspett. L-iktar ħaġa li tolqotni f’din il-kwotazzzjoni, aparti l-fatt li qalha propju dak li inawgura l-metodu tax-xjenza moderna, hija s-seħja biex niżlu aktar fil-fond ta’ kollox, kemm fejn jidħol studji u kif ukoll esperjenzi. Fil-fatt, għalija personali, huwa propju dan l-aspett li nara joħroġ qawwi fil-kitba ta’ Patri Feliċjan. U dan jinħass mhux b’sens ta’ rabja jew disperazzjoni iżda b’sens qawwi ta’ tama u kuraġġ li, minkejja l-immaturita u r-ras iebsa tagħna, għaliex nagħżlu li nibqgħu fil-wiċċ tal-affarijiet, l-imħabba ta’ dak li cħaddna tibqa’ preżenti magħna, tippersisti fl-istedina li nerġgħu ninżlu fil-fond.
Tajjeb ngħidu li hemm tipi differenti ta’ għarfien:
1) Wieħed li jibda u jieqaf fil-wiċċ – jesplora dak kollu li jidher u jieqaf miegħu,
2) Ieħor li jibda mill-wiċċ u jinżel fil-fond – jesplora mill-viżibbli għal inviżibbli,
3) Ieħor li jibda fil-fond u jibqa’ hemm – jeplora l-inviżibbli u jieqaf miegħu.
Dawn l-varjanti mill-ewwel juruna kemm l-għerf huwa aktar kumpless u miftħuh minn kemm naħsbu. Sfortunatament, it-tentazzjoni tagħna hi li nirriduċu dawn it-tipi differenti għal wieħed minnhom biss. Li jiġri hu li, minflok nissalvagwardjaw l-għerf fil-ftuħ tiegħu, u fil-modi differenti li jista’ jiġi esplorat, nispiċċaw nikkuntentaw b’wieħed biss u, agħar minn hekk, inġelduhom ma’ xulxin. Din il-ġlieda, ikollna nistqarru u nammettu, tikxef sens ta’ insigurta fina u biża mill-inċertezza li propju noqgħodu quddiem tant ftuħ u kobor. F’ċertu sens, hemm bħal donnu skumdita profonda fina li nsarfuha f’kumdita billi nagħżlu u ninvestu aktar f’dak li hu familjari u viċin, minflok f’dak li hu misterjuż u l-bogħod. Hawn naraw kif dan l-aspett spiritwali huwa marbut ma’ kull sfera ta’ ħajjitna, bħal per eżempju fejn jidħol dak li għandu x’jaqsam ma nies ta’ kulturi oħra u l’mod kif inħarsu lejhom, jew kif nirrelataw ma’ stadji varji tal-bniedem mill-bidu nett ta’ ħajtu, xi ħaġa li tant tinħass rimota fina li ma nirrelatawx magħha u, allura, nqisuha bħala problema. U fil-kitbiet ta’ Patri Feliċjan, huwa propju dan il-ħsieb li nsib ċentrali f’kitbitu: li l-għerf huwa ferm akbar minna. Madankollu, u hawn is-sbuħija vera ta’ dan kollu, illi fiċ-ċokon tagħna aħna xorta waħda għanda rapport intimu ma’ dan l-għerf infinit.
Nistqarr illi jien u naqra dawn il-kitbiet mirquma, fijja qamet mistoqsija partikolari: min hu l-filosfu? U hawn sibt li Patri Feliċjan joħodni fl-għeruq tas-semplicita’ tat-tifsira, fit-tweġiba tiegħu: il-ħabib (filos) tal-għerf (sofia). Patri Feliċjan jieħu din it-tifsira bl’akbar serjeta. Allura, jidentifika b’mod ċar li hemm relazzjoni intima u reċiproka bejn ħbieb – bejn il-bniedem u l-għerf – li allura tfisser li hi ħbiberija kompluta, għax milqugħa miż-żewġ naħat u mhux minn naħa waħda biss. Dan propju għaliex l-għerf li qed jitkellem dwaru Patri Feliċjan mhux għarfien astratt jew sett ta’ teoriji, iżda huwa primarjament persuna: “Ġie biex magħna, bħal qaribna, ikunilna, ta’ ħabibna” (Theotokos). Li kiku ma kienx hekk, it-tifsira ta’ ħbiberija kienet tkun dgħajfa ħafna.
Il-bniedem isir verament ħabib propju fil-mument li jidħol f’rapport ma’ xi ħadd ħaj li jtih din l-identita’ billi jirreċiprokha lura: “Hekk Alla magħna ruħu iġib fil-ħajja tagħna, bl-akbar ħabib, fis-sliem, f’tiġrib” (Tiġi Saltnatek). Allura jeħtieġ nistaqsu Min hu, flok x’inhu, l-għerf? Din id-differenza radikali – bejn ‘min hu’ u ‘x’inhu’ – li kultant taħrabilna, toħodna lura għal inkontru tant qawwi, li nsibu fil-Vanġelu, bejn Kristu u Pilatu, meta Pilatu lil Kristu jistaqsih: X’inhi l-verita’? (u mhux min hu?). Is-skiet ta’ Kristu jagħmel sens. Il-mistoqsija li jagħmillu Pilatu hawn hija żbaljata għax ġejja minn moħħ edukat biss fejn tidħol teoriji u mhux qalb li tagħraf li hemm Verita’ li hi persuna u li tiżboq kull teorija. Għaldaqstant, Pilatu ma jagħrafx il-Verita’ li qedgħa propju quddiem għajnejh, inkarnata, għax, dak li għandu f’moħħu huwa tweġiba kkumplikata fl-astratt.
Biex nkomplu ma dan il-punt, nixtieq nagħmel referenza għal ktieb li ġie ppublikat is-sena l’oħra mill-Professur tal-filosofija Peter Kreeft, li jġib l-isem The Greatest Philosopher Who Ever Lived. Hawn Kreeft jistqarr li wara li ppubblika set ta’ kotba f’erbgħa volumi dwar l-aqwa mitt filosfi ta’ kull żmien, fis-sena 2019, induna li għamel żball: ħalla in-nisa kompletament barra. F’dan l-istess żball irrealizza xi ħaġa aktar serja: li ħalla barra propju mara partikolari li għalih hi l-akbar filosfa ta’ kull żmiem. Forsi l-ewwel ħsieb li jaddilna minn moħħna hu li din aktarx kienet imlaħqha sew fis-soċjetà u li kellha l-ogħla fama possibbli fejn tidħol l-akkademja. Iżda, Kreeft jgħidilni illi l-akbar filosfa fl-istorja tal-bniedem m’hi xejn min dan kollu. Hawn qed jirreferi għal waħda li kienet mara tad-dar, kemmxejn misterjuża, minn villaġġ pjuttost remot, li ma kitbet xejn u ftit huma l-kliem li nafu li qalet: din hi Marija omm Ġesù.
Li hu nteressanti hawn, u li jien naraha torbot ħafna ma’ dak li jiktbilna Patri Feliċjan, illi Kreeft jammetti li maż-żmien rawwem idea żballjata ta’ xi tfisser il-filosofija u, għaldaqstant, nesa min hu verament il-filosfu. Kif jistqarr hu stess, il-filosofija, primarjament, m’hiex akkumulazzjoni ta’ ħsibijiet u teoriji, frott il-ħafna qari ta’ ideat. M’hiex lanqas, fil-qalba tagħha, sofistikazzjoni tal-iskulari jew analiżi kritika, fissazzjoni fil-loġika u l-provi, manuvri politiċi, konfutazzjonijiet jew kitbiet metikolużi, fost oħrajn.
Sintendi, dawn għandhom posthom fil-filosofija, imma l-punt hawn hu li ma’ nistgħhux nirriduċu t-tifsira, jew l-essenza, tal-filosofija għal dawn kollha, jew xi wħud minnhom. Għaldaqstant, it-tifsira li jagħti Kreeft hi fil-fatt l-istess kif jifhimha Patri Feliċjan: Il-filosofija hija primarjament ħbiberija mal-għerf u, allura, tinvolvi fl-essenza tagħha relazzjoni intima ta’ mħabba. U huwa f’dan is-sens, allura, li l-aqwa u l-akbar minn dawn huma dawk li jfittxu, iħobbu, jintrabtu, jgħożżu, jintelqu f’dan l-għerf ħaj, li hu Ġesù Kristu. San Pawl stess jikteb, fl-ewwel ittra lill-Korintin: “Kristu huwa l-għerf ta’ Alla”. Jekk aħna verament nemmnu li Kristu huwa l-għerf inkarnat, u allura l-ogħla, l-isbaħ, l-itjeb u l-Verita’ sħiħa u ħajja, dawk li jħobbuh l’aktar huma l-aqwa filosfi. Huwa għalhekk li Kreeft jirrikonoxxi lil Marija bħal l-akbar fost dawn, għaliex kienet hi l-aktar waħda li ħabbitu u baqgħet qrib tiegħu, mill-ġuf sas-salib u l-qawmien.
Allura, l-filosfu, f’dan is-sens, jeħtieġ jimitha lil Marija, li fi kliem Patri Felicjan, hija dik li “b’ħajr tadura ’l Alla Binha fil-maxtura” (Theotokos), u jqisha bħala l-mudell ta’ xi ħadd li verament iħobb l-għerf ħaj u li lest jibqa’ qrib tiegħU fil-mumenti ta’ ferħ u tbatija, għaliex f’qalbu jagħraf li l-istess għerf iħobbu lura. Hija propju din il-viżjoni ta’ ħbiberija reċiproka li nara fil-kitbiet ta’ Patri Feliċjan, fejn l-għaref huwa kontemplattiv li mhux biss ifittex, imma, aktar minn hekk, iħalli spazzju fih sabiex l-għerf isib lilu, f’din il-qadgħa ta’ qaddej li lest jilqgħa dan l-għerf ħaj kif inhu, u mhux kif jixtiequ hu. Dan ifisser li wieħed “jiddisponi ruħu għaliha, u dan jidħol għaliha bil-qawwa li tiġi minn fuq, li jrid jitlobha bl-akbar ħerqa. Dispożizzjoni umana hi l-art għammiela” (51). Allura, biex nagħrfu u nidħlu f’din ir-relazzjoni jeħtieġ li jkollna prontezza li ninbidlu [readiness to change] u mhux niprovaw nibdlu dak li rridu nitħabbu miegħU għal fini tagħna: “Int fik innifsek, Int dak li int minn dejjem. Qatt ma titbiddel. Ma jżidulek xejn id-dawl, il-baħar, l-art, ix-xtieli, il-bhejjem, il-bniedem; miegħek, anzi, dawn bid-dejn” (Alla Ħallieq).
Għaldaqstant, fir-riflessjonijiet profondi ta’ Patri Feliċjan nsibu li l-filosofija ma tistax tkun bħal negozju, fejn il-ħassieb jinnegozja mal-għerf biex jakwista xi ħaġa jew riżultat mixtieq minn qabel. Dan mhux talli mhuwiex ħabib veru tal-għerf, imma hu manipulatur tal-għerf, fejn flok jaqdi irid jinqeda. Marbut ma’ dan il-ħsieb, dejjem sibt interessanti l-fatt li fil-Vanġelu skond San Ġwann, ir-rakkont ta’ Ġesù jkeċċi l-bejjiegħa mit-tempju ta’ Ġerusalemm, għal kuntrarju tal-Evanġeli Sinottiċi, jidher fil-bidu nett tal-ministeru ta’ Ġesù. Din aktarx turina l-konfuzzjoni dejjiema bejn dak li Kristu jsejjaħ “dar tal-merkanzija” u “dar Missieri” (Ġwanni 2: 15-16). Sintendi, din ma naqrawix fuq livell ta’ spazzju fiżikali imma fuq livel aktar profond li, allura, jeħtieġ aħna wkoll nagħmlu din id-distinzzjoni fina.
Patri Feliċjan, meta jitkellem dwar l-għerf, jenfasizza is-singularita u kif ukoll l-pluralita: “Kelma waħda, iżda tħaddan kollox!” (41) Għalkemm jaf jidher paradoss, dawn huma kumplimentarji u mhux kontradittorji. Dan għaliex, kif ġieli ngħidu, fid-differenzi tagħna, aħna lkoll l-istess. Biss pero, jibqa’ l-fatt li hija waħda l-kelma li tilqa’ d-differenzi kollha tagħna, u mhux bil-kontra, fejn hemm ħafna kliem li jsarfu għal istess ħaġa. Biex ngħidu hekk, is-sors hu Wieħed. U, kif jgħidilna Patri Feliċjan, dak li jfittex jeħtieġ ikun “imsieħeb minn ‘Wieħed’ li jserraħlu moħħu mit-taqlib” (42).
Interessanti hawn l-użu tal-espressjoni “jserraħlu moħħu.” Il-Karmeltina qaddisa u filosfa Edith Stein (Santa Tereża Benedetta tas-Salib) tagħmel l-istess referenza għal dan it-tip ta’ ‘serħan’ meta tgħid hekk: “hemm għarfien li jħaddan il-verita’ sħiħa, għarfien li, flok jibqa’ idur u jfittex bla waqfien fi proċessi li ma’ jispiċċaw qatt, huwa fih innifsu infinit u li jilħaq il-milja tiegħu fil-mistrieħ. Dan hu għarfien divin” (Knowledge & Faith, 12). Dan l-istess għarfien, li hu Waħdini u l-ogħla għerf, jingħata lil oħrajn li lesti jirċevuħ. Huwa għalhekk li, kif isostni Patri Feliċjan, ir-rabta tagħna mal-għerf trid tkun tali mod li jkun hemm relazzjoni intima u personali.
Patri Feliċjan sikwiet f’dan ix-xogħol tiegħu jsaqsina: “X’qiegħed imexxini f’ħajti?” (71) Din hija mistoqsija kbira għaliex tiddetermina, fl-aħħar mill-aħħar, l-għan ta’ ħajjitna “li nimxu lejh waqt li hu jedha jiġbidna lejh.” (71) Patri Feliċjan jurina żewġ toroq[2] li nistgħu nagħżlu:
1) “Ħafna bnedmin jagħżlu li jkunu huma nfushom bħala mexxejja waħdiena tagħhom… bla ndħil ta’ ‘allat’ jew ta’ tagħlim li ma jaqblux ma’ din l-imġiba. Huma l-aptiti u t-tħajjir tal-ġisem li jmexxuhom f’għemilhom,”
2) Ħafna oħrajn li “għadhom jemmnu bis-sħiħ f’mexxej divin u f’dak kollu relatat miegħu,” u allura, “iħallu lil Kristu jkun il-Mexxej waħdieni tagħhom hekk li f’qalbhom joħolqu wesgħa fejn jgħammar Alla ħalli jiddireġihom hu.” (52)
Ninutaw li l-ewwel triq ma’ tindikax sens ta’ stedina għal ħbiberija ġenwina mal-għerf, ġaladarba iċ-ċentru huwa kompletament fuq in-naħa tal-individwu li, allura, iktar hemm sens ta’ ħbiberija miegħu nnfisu. Din tindika li bejn l-individwu u l-għerf m’hemmx distinzjoni. Infatti, l-parti l-aktar essenzjali f’din ir-relazzjoni tibqa’ nieqsa, dik li hi t-traxxendenza, u magħha l-misteru u dak li hu sagru. Patri Feliċjan jitkellem kontinwament fuq dan l-aspett nieqes – li hu jsejjaħlu “l-eklissi tas-sagru” (91) – u l-ħtieġa li nerġgħu nħejju post għalih u nħalluh jerġa jaħkimna. Kif hu stess jgħidilna, “qatt daqs illum il-bniedem ma sab ruħu magħluq mill-oġetti u mir-realta’ tad-dinja mingħajr tama jew stennija li jinħeles minnhom. Minn dawn ġejja l-attitudni ta’ nuqqas ta’ nteress għas-sens reliġjuż tal-misteru” (54). Fi kliem ieħor, il-bniedem komdu bil-ġid materjali li akkwista waħdu, jew m’oħrajn bl-istess interessi tiegħu, għandu t-tendenza jinsa’ l-ġid spiritwali u allura jingħalaq għal din ir-realta’ ogħla minnu bir-riskju li mhux talli jinsiha u ma jibqax jagħrafha u jagħmel sens minna, iżda maż-żmien tant kemm ikun inqatgħa u tbiegħed minnha li jibda jaraha bħal xkiel. Għaldaqstant, jispiċċa mhux biss jiskartaha imma, agħar minn hekk, jobgħodha, jisħita u jara kif jagħmel biex jeqridha.
Fuq dan il-fenomenu, lil Patri Feliċjan nħossu jirreżona sew mal-kliem ta’ San Pawl, meta fl-ewwel ittra lill-Korintin naqraw li “il-predikazzjoni tas-salib hija bluha għal dawk li jintilfu” (1Kor:1:18) għaliex fl-aħħar mill-aħħar, kif naqraw f’din l-istess ittra, “id-dinja b’għerfha ma għarfitx lil Alla” (1Kor:1:20-21). L-għerf tad-dinja huwa propju l-għerf magħluq għat-traxxendenza u s-sagru, li jappartjeni għall-ewwel triq. Għaldaqstant, jeħtieġ għerf ieħor, għerf li hu akbar minna u, fuq kollox, huwa ħaj. Il-filosfu Franċiż Michel Henry, fil-ktieb tiegħu li jġib l-isem ta’ Jiena Hu l-Verita, jikteb hekk: “Mhux kwalunkwe alla (jew għerf) jista’ isalvana, imma – meta l-mewt tixħet id-dell tagħha fuqna – dak li Hu ħaj” (275). U għaliex huwa ħaj, il-misteru ta’ Alla jibqa’ jiġi “irrivelat u kkomunikat lill-bniedem minn Kristu Ġesù” (88) li huwa ħaj.
Madankollu, u hawn ser nibda nagħlaq din it-taħdita, Patri Feliċjan minn banda jserħilna moħħna li “is-sagru, kollox ma kollox, ma għabx.” Iżda, minn naħa l’oħra, iniggiżna sabiex nirrealizzaw il-fatt li “l-bnedmin ta’ żmienna tilfu is-sens li bih jintebħu u japprezzaw din il-‘fwieħa speċjali” tar-realta.’” (92) Għaldaqstant, il-vera vitmi huma l-bnedmin stess li flok jarawha bħala “telfa li tkexkixhom … iqisuha bħala rebħa, u wkoll xi rebħa kbira!” (92) Hawn Patri Feliċjan nistħajlu bħal Boezju, il-filosfju Taljan tas-seklu sitta wara Kristu, meta, qabel mewtu, kien kiteb dwar il-bżonn li l-bnedmin jirrikonoxxu l-ferita bħala ferita. U dan jista’ jseħħ biss meta nikxfuha u nintebħu biha kif inhi tassew, fl-ugigħ u l-makabrita tagħha, sabiex minn dik il-qagħda batuta ta’ sofferenza nagħrfu li aħna bħal pazjenti fi sptar li jeħtieġu nduru għal dak li Hu ħaj, għaliex Hu biss jista’ verament itina l-ħajja; dak li fi kliem Patri Feliċjan hu t-Tabib mis-sema li “jaf f’dil-ħsara jagħti duwa” u “serħan divin.” Imma, sabiex niksbu dan is-serħan, jeħtieġ li l-ewwel nirrikonoxu l-qagħda tagħna b’sinċerta ta’ ħbieb ta’ veru.
Kif induna
kemm hu mdejjaq
xtaq għajnuna
ħa jitfejjaq
[…]
Fehem l’hi qagħda
ta’ miżerja;
kienet w għadha
waħda serja.
[…]
Hu jaf jagħder,
kollu ħniena.
Hu jaf jaħfer,
lis-sogħbiena.
(Tabib mis-sema )
O jaħasra x’dagħdigħa ġiet fuqek,
bniedem kburi: tellfitek kull dehen.
Kemm ħallejt is-suppervja issuqek;
hekk għolejt li dħalt f ’dinja ta’ ġenn.
Hemm fil-għoli ta’ ġennek ċar rajtek
li sirt alla f ’kull setgħa felħan.
Bdejt tiġġerra fit-toroq ta’ ħajtek,
biss misjuqa minn riedni belhan.
[…]
Jekk b’imħabbtek tintelaq f’idejja
kollha ħniena, mimlija bil-ġid,
Jiena dejjem, għax wildi, qrib, ħdejja,
ta’ Missierek, inżommok irrid.
(Religio)
[1] Francis Bacon, Meditazzjonijiet Sagri (1597) – traduzzjoni tiegħi.
[2] Dawn id-differenzi fit-toroq huma fi kliem Kristu stess id-differenza bejn “it-triq u l-bieb li huma wesgħin” u “l-bieb u t-triq li huma dojoq.” (Matt 7:13-14)