Il-binarji: żewġ linji paralleli, ma jiltaqgħu qatt. Il-binarji ma jħallulek ebda għażla: imexxuk ’il quddiem, lura ma jħallukx tmur, l-aktar l-aktar, iħalluk biss tittawwal lejn dak li għadda u mar. Il-binarji tgħaddi dejjem tagħhom: iċaħħdulek il-libertà li tiddevja, li tagħżel mogħdija oħra. Il-binarji jippredestinawk. Huma jwassluk, trid jew ma tridx, iġorruk, anke jekk għal għonq it-triq jerġa’ jibdielek. Il-binarji tal-ħadid; fix-xitwa inġazzati; fis-sajf jikwu – jekk għandek ġilda sensittiva aħjar ma tmissx magħhom. Il-binarji huma identiċi, jaqblu, jikkumplimentaw lil xulxin. Madankollu, il-binarji huma dejjem separati, biswit xulxin imma jevitaw lil xulxin, waħda donnha l-anatema tal-oħra. Għaldaqstant il-binarji jistgħu jissarrfu fl-opposti, fit-truf tal-ispettru; il-binarji jistgħu jsiru rappreżentazzjoni metaforika tal-ħajja u l-mewt; tat-tfulija u x-xjuħija; tal-Punent u l-Lvant; tal-Kanada u Malta; tal-mara u r-raġel; tal-imħabba u s-solitudni; tal-bidu u t-tmiem. Tista’ toqgħod bejn il-binarji? L-esperjenza tgħallem li aħjar le – għax dak territorju mwiegħer, art sterili mimlija żrar, roqgħa li ma toffri ebda sens ta’ stabbiltà, ta’ permanenza, ebda ċans fejn trabbi l-għeruq u tarmi l-frott.

 

Il-persona, li leħinha nisimgħuh jidwi fil-versi tal-ġabra poetika Bejn il-Binarji, sabet ruħha proprju “titwieżen bejn il-binarji” (“Bejn il-Binarji”). Dil-persona qed iġġarrab id-disforija, tinsab f’post skomdu, taħseb li qiegħda waħedha, maqbuda bejn ħaltejn. Madankollu, x’aktarx li leħinha mhuwiex jidwi waħdu, jgħajjat f’deżert diżabitat, bħal dak tal-Battista. Hekk kif dal-versi jaslu f’idejn il-qarrejja, hemm ċans kbir li l-vuċi solitarja ssir minnufih vuċi korali, il-vuċi tal-ħafna. Għaldaqstant, il-ġabra poetika mħejjija minn John Portelli tista’ tissarraf f’esperjenza kollettiva, fl-esperjenza ta’ ħafna nies li flimkien, jgħixu waħedhom.

 

Hawn se nesplora xi aspetti f’din il-ġabra li  laqtu lili, bħala qarrej. Qabelxejn, xtaqt nibda b’motif li intrigani, il-leitmotif tal-għasafar inaqqru. F’ “Wara l-vireg,” nilmħu “L-għasafar tal-bejt moħbija/ jnaqqru l-għera ta’ triq imterrqa mistura fis-sħab rekkien,” filwaqt li f’“Il-vuċi tiegħek” hemm “kolonja t’għasafar tal-bejt inaqqru l-ħajja.” F’“’L hemm mill-Ħin” il-persona ssaqsi: “l-għasafar inaqqru ż-żrieragħ u d-dud,/dielja tixxeblek mal-arblu tal-eżistenza?” U jien insaqsi: Għaliex il-metafora tal-għasafar ċkejknin li qed inaqqru? Din ukoll, bħall-metafora tal-binarji, hija metafora ambivalenti. Aħna l-għasafar tal-bejt, aħna l-insinifikanti, aħna li mingħalina nafu ntiru imma mbagħad nittajru lil hinn mal-ewwel buffura riħ mingħajr ma jkollna ebda kontroll tad-direzzjoni, tad-destinazzjoni. Iżda s-simboliżmu tal-għasafar inaqqru jista’ jkun li qed jirreferi għal qawwa ’l barra minna: l-għasafar ta’ Portelli jsiru wlied Kronos, l-alla taż-żmien; it-tnaqqir tal-għasafar isir għalhekk il-metafora tat-tmermir, tad-deterjorazzjoni tal-eżistenza, tal-finitudni tagħna lkoll, aħna li fi kliem Friggieri m’aħniex ħlief “katavri ferħanin” (“Fil-Bar tal-Kantuniera”).

 

L-eżistenza mwiegħra tagħna lkoll hija fil-fatt preokkupazzjoni ewlenija tal-persona F’Bejn il-Binarji. Fil-versi ta’ “Wara l-vireg” jinħass l-angst eżistenzjali li jasal għand il-qarrejja permezz ta’ emozzjonijiet relatabbli: f’mumenti tinħass tidwi r-rassenjazzjoni ta’ min tgħarraf biżżejjed biex fehem l-illużjoni: “Issa kollox ħolm tat-trab jittajjar.” F’mumenti oħra, il-persona tinħass li qed titlef sabarha quddiem l-inkejja tal-eżistenza: “Kemm tista’ ddum tissabbar b’xita traxxax?” (“Wara l-Vireg”). Minkejja li jissarraf f’tentattiv fieragħ, il-bżonn għal xi forma ta’ sens eżistenzjali, ma jerħina b’xejn: fi kliem Portelli aħna bħal “papri jaħbu rashom taħt l-ilma tal-lag: / bugħaddasa minn twelidhom ifittxu pedament fittizju” (“Metamorfosi falza”). F’“Imħabbtek” jerġa’ jfeġġ l-att tat-tnaqqir, din id-darba mgħobbi bl-ambivalenza tan-“nostalġija” u tal-“kullana tal-ġiżimin”:

 

Issa biss it-tektik tan-nostalġija

jnaqqar il-memorji mtappna: ħabsin taż-żmien

imlibbsa l-iswed, imtaqqla

kantun bil-piż tal-ħin.

Għadek ma fhimtx xi jfissru l-kullani tal-ġiżimin

jaqgħu waħda waħda. (Imħabbtek)

 

Ma jistax jonqos li l-poeta, li trabba f’raħal f’tarf l-irdumijiet ta’ gżira Mediterranja u li għadda ħajtu jaqsam il-meded kbar tal-ilma li jifirdu l-kontinenti, ma jitnebbaħx mill-baħar. F’din l-antoloġija, il-motif tal-baħar isir il-mera tal-emozzjoni mġarrba mill-persona: xi drabi jissenslu mal-baħar konnotazzjonijiet ta’ diqa (“Id-Dizzjunarju tas-Skiet”), drabi oħra l-baħar isir għelm ta’ ħelsien (“Ħelsien”) jew ta’ ħajja eterna (“Iħaddnek Bla Tmiem”). Il-baħar għandu żewġt uċuħ – kwalità li dejjem nebbħet il-poeti Maltin, minn Dun Karm u Ġorġ Zammit sa Daniel Massa u Immanuel Mifsud. Portelli wkoll iġarrab dawn l-aspetti antitetiċi tal-baħar; f’poeżija minnhom, “Bla Xkiel,” ilaqqagħhom flimkien b’mod effettiv:

 

Qaltlu ħudli kollox barra l-passjoni.

Dak l-imgħarraq baħar jaqtagħli nifsi.

 

Ibqa’ stenna fil-bajja ta’ tfuliti titbaskat f ’kull staġun mingħajr waqfien.

Hawn is-siġar iħaddru biss fis-sajf, il-bqija mistrieħa fil-bogħod,

joħolmu ġibdet qalbek tħabbat – bla waqfien.

 

Fertili ħafna dil-passjoni mxekkla mix-xejn ta’ ħajja trieġi t-tregħix dgħajjef:

u anke llum il-mewġ kajman

iċafċaf (“Bla xkiel”)

 

Iżda f’“Tistenna għalxejn,” il-baħar isir biss xbieha mbiegħda: “Imellisni l-ilma baħar imbiegħed minni; / maħruq it-tluq sfurzat / rifless biss.” Din hija tema oħra rikorrenti f’Bejn il-Binarji: il-ġrajja tan-nomadu li tbiegħed fiżikament minn gżirtu li, madankollu, baqgħet imwaħħla fih qisha mħara, imqar jekk f’rokna mudlama ta’ qalbu. Spiss il-vjaġġatur jipprova jħares lura, lejn il-punto-di-partenza, bir-riskju li jintebaħ li issa tbiegħed iżżejjed (“Ħlewwet it-Tluq”). F’din il-ġabra jiġi evokat ukoll il-mument li l-poeta żagħżugħ, darba waħda, qatagħha li jterraq lil hinn mill-imluħa tax-xtutna, lejn art ferm ’il bogħod, ferm differenti: “Niftakar iż-żaqżiq taż-żarbun fuq borra inġazzata / imkaħħla mal-memorja ta’ żgħożija tfittex bla ħniena / mogħdija mbiegħda” (“Passi”).

 

Il-poeżija “Calypso,” fil-fehma tiegħi, tikkondensa fi ftit versi l-essenza tal-impatt li ħalliet fuqi din l-antoloġija. F’dawn il-versi ma jispikkax biss il-motif tal-baħar u l-atmosfera mistika, mitoloġika tal-ambjent Mediterranju. Din il-poeżija tuża l-elementi tan-natura biex tirrifletti dwar il-qagħda umana; b’lessiku sempliċi għall-aħħar jirnexxilha talludi għal temi kumplessi u universali. Fuq kollox, ħa nagħlaq b’din is-silta għax togħġobni l-estetika tagħha, jogħġbuni l-ħsejjes, il-kuluri u  x-xbihat li tnissel f’moħħi:

 

Sellimtli mill-għorfa ta’ fuq Calypso

u għattejt ġismek għeri bil-fjuri bojod;

sabiħa s-siġra tal-bajtar tax-xewk misjura

tistrieħ fuq ħajt tas-sejjieħ

issejjaħ lill-gawwi li ħareġ mis-sema mtaqqal

bit-tqala tal-bieraħ u lbiraħtlula,

u stedintni għal-loġġa ta’ fuq il-baħar,

illum kważi mċaqlaq jaħsibha jibqax xi ftit kajman

bħal ġibdet ħsusi magħkusa biż-żmien

li għadda bla ma ried u jaf

 

David Aloisio