Il-Professur John P. Portelli jintervista lil Ġorġ Peresso dwar ir-rumanz tiegħu Il-Wiċċ l-Ieħor ippubblikat minn Horizons fl-2019, u rebbieħ tal-premju tal-ktieb għall-2019 fil-kategorija tar-rumanzi.

JP: Qabel xejn nifraħlek, Ġorġ. Fil-fehma tiegħi, dan ir-rumanz Il-Wiċċ l-Ieħor hu pjuttost eżistenzjali. L-element tar-responsabbiltà tad-deċiżjonijiet kif ukoll l-indeċiżjonijiet dwar l-għażliet umani huma fiċ-ċentru. Fl-istess ħin, inti toħloq ukoll element qawwi ta’ dubju anke f’dak li nġarrbu, jew aħjar, f’dak li jġarrbu l-karattri. F’dan is-sens inti għaqqadt l-element eżistenzjalista ta’ Albert Camus flimkien max-xettiċiżmu ta’ David Hume. Ma nafx jekk taqbilx jew le—jekk ma taqbilx ma jimpurtax—il-mistoqsija tiegħi hija sempliċi: inti x’tikkumenta?

GP: L-ewwel nett grazzi min-naħa tiegħi John. Irrelevanti jekk naqbilx, imma l-mistoqsija tiegħek hija ta’ provokazzjoni u interessanti għax ħassejt illi laqgħtet il-musmar sewwa. Anke għaliex f’dawn l-aħħar snin jiena għaddejt minn sitwazzjoni tal-mod kif inħares lejn dik—ippermettili nuża kelma daqsxejn għolja u sabiħa—il-filosofija tal-ħajja anke permezz ta’ din il-kliem li int użajt fil-mistoqsija tiegħek; is-sens ta’ deċiżjoni u indeċiżjonijiet, ta’ kontradizzjoni u duwaliżmu, ta’ dubju. Meta kont iżgħir u kont nistudja l-Filosofija kont nidħaq daqsxejn bix-xettiċi, ngħid “dawn kollox jiddubitaw?”.Illum wasalt fi stat illi mhux niddubita biss bħala d-dubju metodiku imma niddubita għaliex ċert li ċ-ċertezza mhijiex xi ħaġa statika, li tasal għaliha, u dejjem hemm mod kif tistaqsiha, kif tiġġieled magħha, u kif issibha. U għalkemm ir-rumanz ma ktibtux għal dawna r-raġunijiet filosofiċi, xorta hemm qegħdin. Kważi kważi jikxfuni beraħ… mingħajr ma rrid inkun awtobijografiku. Illum wasalt fi stat li  naċċetta illi huma aktar l-esperjenzi, il-passjonijiet, l-emozzjonijiet, l-iżbalji, id-deċiżjonijiet u n-nuqqas ta’ deċiżjonijiet, u d-dubju fuq kollox illi  qegħdin imexxuni. Tbegħedt għalkollox minn dik iċ-ċertezza razzjonali, tad-definizzjoni, li A is equal to B, B is equal to C so C is equal to A. Mhux bilfors; nistgħu naslu permezz ta’ dawna li inti u jiena semmejna, jiġifieri l-indeċiżjonijiet, il-passjoni, is-sens ta’ kontradizzjoni, is-sens ta’ dak l-ennui tal-ħajja, l-eżistenzjaliżmu tal-ħajja. U allura mbagħad il-proċess irid ikun xi ħaġa kontinwa; li mingħalik wasalt imma taf li ma wasaltx. Allura hemm dik is-sens ta’ mixja. U tajjeb li semmejt lil Camus u lil Hume, għaliex fir-rumanz hemm element filosfiku ta’ Camus, dan is-sens ta’ eżistenzjaliżmu li ma tafx fejn int, imma hemm ukoll is-sens ta’ tfittxija.(Biex nikkwota minn poeżija tiegħi, Inħossni stranġier sa fil-ħolm tiegħi.) U hemm ukoll elementi filosofici minn Hume, illi l-esperjenza tagħmlek dak li int—mhux li naqbel għalkollox miegħu—imma tajba dina l-mistoqija għax għalkemm nerġa’ ngħid, jien ma ridtx nikteb ktieb filosofiku, il-bniedem huwa magħmul kemm bħala annimal u kemm bħala bniedem razzjonali mill-emozzjonijiet li jħoss li huma passjonali, li huma ta’ kontradizzjoni, li huma ta’ dubji, għal dak li huwa anke b’xi mod razzjonali. It-tnejn fil-fehma tiegħi jikkumplimentaw lil xulxin. U fil-karattru ewlieni das-sens ta’ kontradizzjoni u ta’ dubju, hemm qiegħed, u jqanqal il-filosofija tar-rumanz.

JP: Mela, qed targumenta li ċ-ċertezza hija flessibbli u mhux xi ħaġa sigura, u li dejjem nibqgħu nfittxuha. Il-mistosija hija: Hemm fejn naslu? Jew li fejn naslu hija xi ħaġa wkoll illużorja?

GP: Issa inti qiegħed titkellem ma’ bniedem illi għaddej minn tfittxija spiritwali jew mistika fis-sens ta’ relazzjoni bniedem-Alla, bniedem-natura. Qed nevita l-kelma ‘spiritwalità’ tant li saret bla sens speċifiku. B’mistiċizmu ma nifhimx it-twaħħid tal-bniedem ma’ Esseri traxxendentali imma l-aktar it-tifittxija ta’ dan it-twaħħid, anke permezz tal-esperjenzi persunali u r-rabta tagħna man-natura.   Allura huwa dan is-sens ta’ mistiċiżmu fil-ħajja li lili jagħtini s-sens illi d-dubju ma jagħmilnix kważi depressiv, kważi joqtolni. Imma anzi jagħtini dak is-sens li nimxi, infittex, u nistaqsi. Apparti l-fatt, illi ftit nirrealiżżaw, li moħħna huwa dejjem limitat f’ċirkustanzi tagħna bħala bnedmin. X’hemm ’l hinn minn moħħna, u biex nifhmu dak li hemm ’l hinn minn moħħna, aħna mhux ppreparati għalih. Hemm frażi fil-Bibbja li lili taffaxxinani; illi f’ħin minnhom hemm il-leħen tal-Għaref li jgħid lill-bniedem “ieqaf tistaqsi, ieqaf tfittex dak li ma tistax tasal għalih għax moħħok ma jesax l-għerf li hemm lil hinn minn moħħok.” U din mhux sottomissjoni għal dak li ma nilħqux imma għarfien tal-limitu, li hemm xi ħaġa akbar minn dak li nifhmu.

JP: Tajjeb. U inti għidt ukoll illi dawn iż-żewġ elementi; l-element razzjonali u l-element tal-emozzjoni u l-passjoni jikkumplimentaw lil xulxin.

GP: Eżatt

JP: Imma l-karattri tar-rumanz pjuttost iktar milli jikkumplimentaw lil xulxin, jikkontradixxu lil xulxin. Sewwa qiegħed ngħid jew qed ninterpreta r-rumanz b’mod ħażin?

GP: Le le. Għax l-ewwel nett jiena qed nitkellem daqsxejn mis-sitwazzjoni filosofika u mistika li għaddej minnha f’din it-tfittxija. Imma, il-karattru, dan il-kritiku tal-arti mhux estensjoni eżattament tal-karattru tiegħi. Jiena ridt illi s-sens ta’ kontradizzjoni, ta’ dissonanza kważi mużikali tkun essenzjali f’dan il-karattru. Il-karattru li għandu partikulari huwa li fl-imaġinazzjoni huwa bniedem ċert, jaf xi jrid. Meta jiġi wiċċ imb wiċċ mar-realtà, jibqa’ lura, jibqa’ jistaqsi: “Imma sewwa? Imma tajjeb? X’qed jirbaħ fija?” Għax huwa minnu nnifsu bniedem razzjonali, fis-sens anke jekk hu bniedem artistiku ma jfissirx li m’għandux ikun bniedem razzjonali. Imma biex jiġi viz a viz mar-relazzjoni mal-ħajja, viz a viz anke mar-relazzjoni femminili, viz a viz mar-relazzjoni senswali huwa aktar dubbjuż. Appuntu hija dik li ngħidulha paradossalment  l-armonija dissonanti li tagħmel  il-karattru iktar interessanti. Ma jfissirx li għandek taqbel miegħu, anzi kważi kważi mhux bilfors għandu jogħġbok. Imma l-awturi—inti taf għax int kittieb—ma jiktibx karattri li jogħġbuk imma karattri li mil-lat letterarju għandhom il-faxxinu tal-letterarjetà tagħhom. Aħna ma niktbux ktieb tal-psikoloġija, imma l-psikoloġija hemm qiegħda.

JP: L-istess ma niktbux il-filosofija imma l-filosofija hemm qiegħda wkoll. Jiena għalija din id-dissonanza, jiena u naqra r-rumanz, affaxxinatni ħafna. Imma x’nebħek biex tikteb dan il-ktieb? Jekk mhux sejjer żball, oriġinarjament dan kien miktub bħala dramm għar-radju.

GP: Eżatt eżatt. Fil-fatt dana twieled bħala radju dramm fi tliet taqsimiet illi kont xandart fuq il-Campus FM. Ħafna mir-rumanzi tiegħi, John, bdew bħala radjudrammi, mhux kollha imma, pereżempju Il-Ħajja ta’Kelb, Il-Qassis tal-Belt, u It-Tfajla li Ġiet miċ-Ċpar. Imma altru int qed tikteb radju dramm fejn id-djalogu huwa li jibni l-istess karattru jibni l-istess immaġini, iħalli post għal min ikun qiegħed jisma’; filwaqt illi fir-rumanz, ir-raconteur, li huwa l-awtur, qiegħed preżenti iktar, bid-deskrizzjonijiet illi jagħti.

JP: Fhimtek. U kif għidt inti, r-rumanz, ngħidu aħna tmenin fil-mija miktub mill-vuċi tiegħek tal-awtur. Ma jfissirx dak li qed tikteb huwa int ovvjament; qed tirrakonta l-istorja. Imma f’kull kapitlu hemm sezzjoni miktuba bl-italics fejn karattru tal-kritiku-litterarju qed jirrifletti fuq dak illi x’ġara minnu f’dak il-kapitlu u miktub fl-ewwel persuna hux hekk? Jiġifieri għandek kombinazzjoni ta’ żewġ stiliet, waqt li l-akbar parti hija n-narrazzjoni, hemm ukoll element riflettiv u anke naħseb riflessiv għax il-karattru qed jirrifletti fuq dak li huwa diġà rrifletta qabel. Donnu anke l-istil qed jgħidilna xi ħaġa oħra hawn.

GP: Iva eżatt eżatt. L-ewwel nett jiena, dan it-tip ta’ speci ta’ paralleliżmu fir-rakkont inħobbu. Insibuh anke fl-ewwel rumanz li ktibt Ħajja ta’ Kelb, li  huwa rumanz irrakontat mill-ewwel persuna tiegħi bħala awtur, imma nirrakonta minn dak illi jista’ jkun jaf il-karattru nnifsu. Imma mbagħad anke f’dar-rumanz kont diġà bdejt din l-idea ta’ italics fejn jien nidħol bħala l-ħassieb. Fir-rumanz Il-Wiċċ l-Ieħor jien preżenti bħala   r-raconteur, u mbagħad permezz tar-rakkont minn fomm il-kritiku rajt l-istess ħaġa minn angolu differenti. Imma dan għandu skop ukoll ta’ proċess sakemm jasal għall-aħħar kapitlu naturalment. Jiġifieri…

JP: Ma ngħidulhomx in-nies x’ġara, ħalli min ma qrahx ikun jista’ jaqrah u nħalluh b’din l-antiċipazzjoni.

GP: Eżatt

GP: Kemm ngħid biss  li hu thriller tas-subkonxju. Issa, s-subkonxju mhux xi ħaġa tanġibli jew statiku għalhekk dan jitfisser bis-simboli. F’dan ir-rumanz is-simboli, anki ta’ ħsejjes huma importanti daqs dawk viżwali. Forsi li nista’ nżid anke bħala korollarju tal-ewwel mistoqija li għamiltli, fir-rumanz jiena nħobb ħafna nimxi mal-istil mużikali: għandu bidu ta’ arloġġ itektek imma donnu wieqaf…ċass; hemmhekk qed niżra’ xi ħaġa metaforika. Jiġifieri allavolja ż-żmien għaddej, il-karattru qisu waqaf xi mkien, xi ħaġa waqqfitu fil-ħajja tiegħu. Imbagħad jispiċċa b’dik il-famuża frażi ta’ Goethe li hi meħuda minn Mahler u mmużikata minn Mahler stess, fit-Tmien Sinfonija tiegħu,  fejn jgħid li kollox jgħaddi. Hekk jinħoloq is-sens ta’ kontradizzjoni, fis-sens li kollox wieqaf u kollox jgħaddi, bħallikieku dak li hu qatt ma kien. U fl-istess ħin għandek il-kliem li jkompli bih  Goethe dik il-frażi “kollox huwa parabbola, kollox huwa metafora.” Jiġifieri xejn mhuwa reali. Mhux bilfors naqbel magħha din l-espressjoni imma għall-mod kif bnejt ir-rumanz hija importanti.

JP: Mela la qed nitkellmu issa wkoll fuq il-mużiċisti u l-artisti, ħa nsaqsik din id-domanda li toħroġ naħseb pjuttost naturali: il-mużika ta’ Gustave Mahler u l-arti ta’ Gustav Klimt, huma ċentrali fl-iżvilupp tar-rumanz, fil-fehma tiegħi. Għaliex dawn l-artisti kbar?

GP: L-ewwel nett jiena l-mużika u l-arti nħobbha ħafna. Ta’ erbatax/ħmistax-il sena studjajt  ma’ lekċerer li huwa enċiklopedija Patri Marius Żerafa O.P., il-ktieb huwa wkoll ddedikat lilu. U dan il-patri għallimni nħares lejn pittura mhux sempliċiment bħala xi ħaġa fuq tila, imma lil hemm mit-tila, daqslikieku l-pittura qed tħares lejja u mhux jien lejha.

JP: Mort l-iskola St. Albert?

GP: Le le kien jgħallimni skola fejn kont immur skola jiena. Kien jiġi jgħallimna l-Istorja u l-Letteratura Inġliża. Il-mużika kif għidtlek inħobbha, u lil Mahler għalkemm domt ma fhimtu, però jaffaxxinani. Il-mużika kważi kważi tista’ tgħid preżenti f’kull rumanz tiegħi…forsi fl-ewwel wieħed mhix preżenti…imma lbqija hija dejjem preżenti. U ma nużahiex bħala soundtrack tar-rumanz, anke għall-fatt li jiena nħobb nikteb ir-radju drammi allura d-diska nagħżilha b’ċertu mod mirqum li għandha s-sinifikat. Mentri l-mużika ta’ Mahler nasal biex ngħid li hija karattru, qiegħda tmexxini. Jien qed nidħol fil-mużika li qed nisma’. Bħalma eventwalment jien lill-karattru indaħlu  fil-pittura  kemm ta’ Klimt u kemm ta’ Kokoschka. Kważi jgħix fil-pittura, tant illi fl-aħħar jaqa’ f’dik li ngħidulha l-iStendhalsyndrome meta inti l-arti tant tidħol fik illi tistordik kważi ma tkunx taf eżattament jekk intiex int jew jekk intiex parti minn dik il-pittura. Imma jeżistu dawn l-affarijiet. Klimt u Kokoschka huma bħalma taf int żewġ pitturi li jgħixu fil-kontemporanjament imma huma differenti minn xulxin. Pereżempju Klimt għandu s-sens ta’ sbuħija, is-sens tal-wiċċ, is-sens ta’ kif iżżejjen anke jekk huwa daqsxejn surreali. Filwaqt li Kokoschka b’xi mod jew ieħor, f’wiċċu jixbah  il-kritiku tal-arti, jidher impassibbli, jidher bla emozzjoniet imma ġo fih hemm dawk l-emozzjonijiet kollha li semmejna fil-bidu ta’ din l-intervista. U fil-fatt permezz ta’ dan is-sens ta’ kontradizzjoni, hija l-leitemotif tar-rumanz. U Klimt u Kokoschka qishom jgħinuni biex noħroġ aħjar dak li rrid inwassal. Jiġifieri li l-verità u s-sabiħ ma jinstabux f’post wieħed jew f’persuna waħda.

JP: Niffukaw ftit issa fuq il-karattri. Hawn min forsi jista’ jgħid illi dan ir-rumanz m’għandux protagonista wieħed. Mhuwiex biss il-kritiku tal-arti, imma hemm tnejn: jiġifieri l-kritiku tal-artiu l-mara li ħabb. Inti taqbel li hemm żewġ protagonisti u mhux wieħed?

GP: Anzi hemm aktar minn tnejn. Għaliex il-mużika ta’ Mahler u l-pittura ta’ Kokoschka b’mod partikulari u ta’ Klimt mhumiex sempliċiment tiżjin jew passatemp. Nikkonċentraw fuq dan li għidt inti. Huwa vera li dan il-karattruta l- kritiku tal-arti, bniedem intelletwali, illi bħala bniedem intelletwali u bħala bniedem artistiku għandu l-joie de vivre, imma bħala persuna għandu l-ennui eżistenjalista li semmejna. U allura anke fih qed joħroġ din il-kontradizzjoni mentri affaxinnat mill-uċuħ fil-pittura imma mingħajr ma jirrealizza li l-wiċċ tiegħu mhux kapaċi juri l-emozzjonijiet li hemm fih. Kważi kważi għandu din l-immaġini ta’ din il-mara li taffaxxinah, kuntrarjament għalih din; hija mara fuq tagħha, moħħha fuq ir-riħ, moħħa fil-lussu, moħħa li jkollha is-sbuħija. Dak li kważi huwa estern huwa intern għaliha. Mentri fil-kritiku dak li huwa intern, ma jirnexxilux jesprimih b’mod ta’ emozzjoni u anke ta’ senswalità. U hemmhekk, ara l-kontinwazzjoni tad-DNA ta’ dan ir-rumanz John, qed jerġa’ joħroġ is-sens ta’ kontradizzjoni, ta’ dissonanza. Għandek il-kritiku li huwa għalkollox differenti mill-karattru ta’ din il-mara li jħobbha senswalment u kważi jrid jagħmilha tiegħu u jeħles minnha; filwaqt li   din il-mara hija sempliċiment affaxxinata minnu  għax huwa bniedem intelliġenti, imma ma tistax ikollha l-ebda relazzjoni għax fih ma tara l-ebda espressjoni ta’ emozzjoni. Daqslikikeu kien awtoritratt ta’ Oskar Kokoshka!

 

JP: Nerġgħu niġu għal Mahler. Ir-rumanz huwa maqsum f’żewġ partijiet: l-ewwel parti hija pjuttost ikkaraterizzata mir-riflessjoni u d-djalogu miegħu nnifsu tal-karattru tal-kritiku tal-arti, sintendi dejjem f’relazzjoni mal-wiċċ tal-mara li huwa ħabb jew kienet taffaxxinah. U t-tieni parti hemm aktar moviment, u l-ġrajjiet jiżviluppaw b’ċertu ħeffa. Hemm xi tqabbil f’dan l-istil tar-rumanz mal-karatteristiċi tal-mużika ta’ Mahler?

GP: Eżatt. Jekk  tinnota jien l-aktar li użajt huma l-ewwel ħames sinfoniji barra r-raba, ’ u t-tmien sinfonija. Dawn is-sinfoniji għandhom taħlita ta’ grotesque filfatt hemm kważi marċ funebri li huwa grotesque. Għandek elementi li huma ta’ spiritwalità fir-reżurrezzjoni. Għandek il-ħames sinfonija li s-sens ta’ kontradizzjoni huwa mod sublimi; għandek l-ewwel marċ li huwa kważi tal-mewt; it-trombi li jdoqqu biex imbagħad tgħaddi għal dak il-mument ta’ riflessjoni li huwa l-adagio ghall-kordi. Iva l-mużika ta’ Mahler tagħti t-tempo għal dan ir-rumanz sakemm minn dak il-mod kważi grotesk ngħaddi għal dik il-filosofija li biha jagħlaq Mahler it-tmien sinfonija tiegħu u jiena nagħlaq ir-rumanz.

JP: Rumanz qasir pjuttost minimalista. Imma meta wieħed jixtarru, kif qed nippruvaw nagħmlu, tara kemm huwa fil-fatt rumanz kostb’diversi livelli u kumplikazzjonijiet fil-qosor tiegħu. Nerġa’ ngħaddi għaż-żewġ karattri ewlenin. Iż-żewġ karattri ewlenin jidhru li għandhom żewġ identitajietkull wieħed, fil-persunaġġ tagħhom. Dan huwa duwaliżmu reali jew metaforiku għalik?Naf li qed nagħfas hawn issa. Jiġifieri li l-kritiku tal-arti għandu wiċċ ikrah imbagħad jitbiddel il-wiċċ tiegħu. U l-wiċċ ta’ qabel iżżewġet u wara li żżewġet…dawn huma duwaliżmi reali jew simboliċi, metaforiċi?

GP: Wieħed irid iqishom iktar b’mod metaforiku. Fis-sens li qed jara kif jikseb, kif ikun hu anke billi jibdel il-wiċċ. Hemm raġuni reali imma, ma nafx hux qed nispjega ruħi sewwa f’din il-mistoqsija li inti għamiltli John. Hu tant huwa affaxxinat mill-wiċċ bħala kritiku tal-arti, u biex imbagħad jogħġob is-senswalità u l-edoniżmu ta’ dik it-tfajla, jibda jqies lilu nnifsu mhux hu imma ħaddieħor, u allura hemmhekk hemm din it-trasformazzjoni. Jekk trid isejħilha reali, sejħilha reali għax dak li qiegħed f’moħħna, anke jekk mhux veru, fir-realtà hu veru għax qiegħed f’moħħna. Ma nafx fissirtx ruħi sewwa f’din il-ħaġa, imma l-fatt huwa f’xi sens il-wiċċ huwa metaforiku. Il-wiċċ fir-rumanz, anke mit-titlu nnifsu, għandu post importanti; il-wiċċ qiegħed jaħbi verament min huwa. Bniedem ta’ emozjonijeit imrazzna u moħbija. Dawn l-emozjinijeit isru biss senswali jew saħansitra vjolenti? Kemm ninbex lill-qarrej b’mistoqsija li warakollox hi intrinsika fir-ruamnz: kemm is-senswalita’ passjonali u l-vjolenza  f’dan il-karattru huma l-vera movimenti li jwasslui għall-final: Hekk rumanz bħal dan li jibda bl-allużjoni għall-ħin u jasal lejn it-tmiem bl-akbar finali ta’ Mahler, jingħalaq bil-kelma TMIEM.

JP: Iż-żewġ mistoqsijiet li għalija jsegwu b’mod naturali: Il-wiċċ għalik huwa simbolu? U, inti taħseb li kull wiċċ fil-fatt għandu maskra?Jew qed nagħmel statement qawwija wisq meta ngħid kull wiċċ għandu maskra?

GP: Interessanti dawn il-mistoqsijiet. Kull wiċċ huwa realtà u huwa fl-istess ħinmaskra. Kemm inti tkun kapaċi taħkem lilek iniffsek, imma kif għidtlek qabel, il-wiċċ b’xi mod jew ieħor ser jikxfek. Ser jikxfek, għax inti meta tagħmel resiżtenza biex tkun inti, ser tispiċċa deluż, ser tispiċċa mirbuħ, bħalma kien mirbuħ sa ċertu punt dan il-karattru. Hu kien qiegħed jgħix maskra fil-veru sens tal-kelma, u għalhekk affaxxina ruħu mill-pittura ta’ Kokoschka għaliex min imur ifittex l-awtoritratti ta’ Kokoschka jara li għandhom l-istess espressjoni u kważi l-istess daqqa ta’ pinzellata. Anki hemm awtoritratti interessantita’ Kokoschka fejn f’nofsu jħalli ġilda, u fin-nofs l-ieħor tara l-iskeletru. Liema hija r-realtà? Dak li nuru jew dak li naħbu?

JP: U hawnhekk għalija turi kemm hu kkumplikat dan il-karattru. Għax meta jirnexxilu jaġixxi permezz tal-maskra, isib il-kuntentizza fir-relazzjoni mal-mara li affaxxinatu.

GP: Eżatt

JP: Meta l-maskra ma taħdimx, jerġa’ jibda jiġġennen u jagħmel l-azzjonijiet li għamel (u mhux ser ngħid x’għamel biex ma nikxifx x’ġara).

GP: Eżatt għax huwa ma kienx qiegħed jgħix il-vera hu; imma kien maħkum minn dak l-element sublimi artistiku u f’waqtiet anke razzjonali ta’ analista akkademiku. Imma mbagħad meta jiġi wiċċ imb wiċċ ma’ din it-tfajla, din it-tfajla tħarbtu. Ma jibqax aktar jiddomina lilu nnifsu. Kif tinduna, John, kull kapitlui għandu isem li hu indikattiv apparti li f’ħafna hemm alluzjoni għall-wiċċ. Allura għandek kapitlu jismu n-nuda veritas ta’ pittura ta’ Klimt. Meta hemmhekk qiegħed jikxef lilu nnifsu u anke meta jagħtiha ż-żewġ pitturi-uċuħ minn dettall ta’ pitturi kbar, għandek il-wiċċ ta’ Ġuditta u l-wiċċ ta’ Adele, li kienet mara ta’ kummerċant, li aktarx kienet mudella (anzi jien fir-rumanz ngħid li kienet aktar minn mudella. Forsi maħbuba). Hemmhekk jagħmel spjegazzjoni dettaljata tal-wiċċ. Ovvja li huwa l-istess wiċċ, imma raffigurat b’mod differenti — waħda Ġuditta li qatlet ras Oloferne. U fit-tieni waħda għandek dik il-mara inkejjuża li toqtlok bl-inkejja tagħha. U dik it-tbissima li hu jispjegaha tbissima post-coitum.  U mbagħad hemm dan id-diskors interessanti kif hi li kienet għażlet li tiżżewweġ wieħed sinjur, wieħed tal-lussu, wieħed tat-tiżjin, terġa’ ssir il-vulgari u tgħidlu: għidha kif tħossha din. Jiġifieri wara waħda tajba hux? Jiġifieri anke dan is-sens ta’ kontradizzjoni żammejtu fl-użu tal-kliem; filli għandek lessiku kważi poetiku, imfittex, imżejjen u filli għandek lessiku mneżża’: kelma waħda  full stop. Kelma ripetuta, kliem sintattikametn imħarbat, u allura tagħtik dak is-sens partitura, mużikali  u ta’ minimaliżmu.

JP: Huwa effetiv ħafna. Għandek l-istaccato hawn!

GP: Eżatt eżatt l-istess. Anke fil-mużika, kemm hi importanti l-istaccato fil-mużika. U kull staccato jagħti statement, jew jaħbi statement.

JP: Inti saqsejtni jekk irnexxilekx tqaxxar lill-karattru, ir-raġel bħala akkademiku. Naħseb irnexxielek. Imma niftakru wkoll illi anke meta kien qiegħed fil-qalba tal-preżentazzjoni akkademika fil-konferenza, xħin beda jaħseb fil-mara, ħassu ħażin.

GP: Eżatt. Hu kien jgħix fid-dinja tiegħu fl-arti. Infatti għandi dix-xena, meta hemm it-tidbil tal-wiċċ, u joħroġ (trid taraha  film-wise din ix-xena mhux sempliċiment fil-kitba, f’rumanz) meta huwa għalkemm miexi fit-toroq u l-pjazez u jgħaddi minn ħdejn stabbilimenti u ħwienet u kafijiet li s-soltu kien jgħaddi minnhom u jiltaqa’ man-nies, għalih kien miexi f’pitturi. Setgħet kienet il-pittura geometrika ta’ De Chirico  Setgħet kienet pittura ta’ Van Gogh. Appuntu, dieħel u ħiereġ mir-realtà. Ma nawgura lil ħadd illi jkun hekk. Imma ejja nitkellmu ċar u tond; fid-dinja l-ebda  bniedem ħadd mhuwa moħħ san perfett li xi darba jew oħra ma jersaqx qrib il-ġenn u jidħol fih. Huma biss in-nies ta’ qalbhom safja li għandhom moħħ sew.

JP: Nerġgħu ngħaddu ma’ punt li semmejt naħseb kemm-il darba fir-risposta li tajt għall-mistoqsija li għadni kif spiċċajt nagħmillek. Allura ma nistax ma ninnutax f’ dan ir-rumanz l-element senswali li int semmejt kemm-il darba. U ma naħsibx li dan huwa element li int ittratajt b’dan il-mod f’kitba oħra tiegħek. X’tikkumenta dwar dan l-element senswali f’dan ir-rumanz?

GP: Nikkumenta bi tbissima għax interessanti. Is-senswalità hija preżenti għaliex is-senswalità hija essenzjali fil-ħajja. Tant hu hekk illi anke l-ikbar mistiċi, biex insemmu lil San Ġwann tas-Salib, lil Santa Tereża d’Avila, fil-poeżiji tagħhom, fil-kitba tagħhom pereżempju l-Kantiku ta’ San Ġwann tas-Salib għandu senswalità bellezza. M’hemm xejn ħażin fis-senswalità; min hu nieqes mis-senswalità tonqsu xi ħaġa. Mhux bilfors huwa erotiżmu imma hija senswalità tal-ħajja li ġġiegħelna naraw anke s-sabiħ fil-ħajja. Is-sabiħ li hu barra minni u ġo fija. Vera li jien f’kitbiet oħra, is-senswalità ma tkunx espliċita; nieqaf f’ċertu mument. Kelli ħabib tiegħili kien jgħidli: “George meta tikteb xi ħaġa daqsxejn senswali dejjem tieqaf mat-tielet buttuna tal-blouse.” Kont ngħidlu: “bl-imaġinazzjoni fertili tiegħek hemm bżonn li nidħol fid-dettall?” Jien ma nħobbx inkun espliċitu. Mhux għal raġunijiet morali ta’.

Il-letterarjita lili tgħidli li meta inti qiegħed tispjega, qed issir erotiku mhux senswali. Allura hemm xeni li tħallihom sospiżi. Jien is-sospensjonijiet ħafna nħobbhom, u b’hekk intik dak l-ispazju, inħallik imdendel biex inti waħdek tfittex dak li jiena ma komplejtx. Hawnhekk vera kont aktar espliċitu. Forsi l-ewwel darba li kont espliċitu daqshekk, minbarra xi waħda jew tnejn f’dawk in-novelli l-qosra ta’ tliet mitt kelma fl-Imħabba Buffa. Imma lbqija, hawnhekk, għall-kuntrarju tal-oħrajn ridt illi s-senswalità tibqa’ sospiża. U f’waqtriet kont ċar anki jekk is-senswalita toħroġ mis-simboliżmu verbaali u t-tixbihat. Hemm paġni senswali li tkun trid taqrhom mhxu tant għax huma senswali imma għax iħalluk tistaqsi: Paradossalment, x’hemm moħbi f’din ix-xena esplicita?

JP: Ngħaddi issa għall-istil tar-rumanz. Dan huwa bla dubju rumanz minimalista imma fl-istess ħin mimli bidjalogu naturali. Jidher li l-karattri jitkellmu magħna direttament. Taqbel ma’ dan?

GP: Għaliex ħassejt dan l-effett John? Għax huwa effett ta’ bniedem li ilu jikteb ejja ngħidu hekk. U kiteb għar-radju u kiteb ir-radju drammi u kiteb it-teleserial, u allura s-sens ta’ djalogu mhux sempliċiment kliem mormi fir-riħ min qabdu qabdu, imma s-sens ta’ djalogu anke meta nitkellem waħdi, inkun qed inkellem lili nnifsi. Anke bl-istess kliem tiegħi jien inkun qed nipprovoka lili nnifsi mhux bilfors inkun qiegħed naqbel ma’ dak kollu, imma la ħriġtu qiegħed fija dak il-kliem. Allura iva, f’dak is-sens, is-sens tal-kelma…il-kelma f’dan ir-rumanz hija importanti. Importanti bħala ħoss, importanti bħala sintassi jew tkissir tas-sintassi u interessanti bħala lessiku illi tesprimi jew għallinqas tipprova tesprimi lilek innifsek, dak li qiegħed ġo fik. Għidt li tesprimik kemm bħala kif taqbad tgħid…rittmu sintatiku għaliex il-mużika kif nerġa’ lura għal li għidtlek qabel, għandha das-sens illi l-istil jekk toqgħod tqis, allavolja m’hemmx ir-rittmu tal-vers tat-tmienja jew l-endekasillabu, imma r-repetizzjoni ta’ kliem jew l-istess sentenza, fejn naf jiena, l-istess sentenza imma eżattament wara l-istess sentenza miktuba b’sintassi differenti– li huwa stil tas-Salmi dak– joħloq din ir-ripetizzjoni tal-istess motif. Li hija l-mużika. Jiena l-mużika mexxietni ħafna f’dan l-istil illi jien għażilt.

JP: Allura waqt li għandna min-naħa l-karattri li jitkellmu magħna direttament, fl-istess ħin, u konsistenti ħafna mal-karatteristiċi ta’ rumanz minimalista, inti tħalli diversi affarijiet għall-immaġinazzjoni tal-qarrejja. Dan għamiltu biex tgħaddi xi messaġġ direttament dwar x’taħseb inti dwar il-ħajja jew forsi fil-letteratura m’għandniex naħsbu dwar messaġġ?

GP: Din il-mistoqsija ħafna drabi nagħmluha. Aħna ma niktbux trattati tal-morali ejja ngħidu hekk. Ma niktbux trattati ta’ prietki. Hemm rumanzi li għandhom sens ta’ pedagoġija fihom. Jien pedagoġija m’għandi xejn ħlief forsi kif qaltli waħda li intervistatni qaltli sirt naf min hu Klimpt, sirt naf min hu Mahler, ġegħeltni nisma’ s-sinfonija ta’ Mahler, ġegħeltni nqalleb ġo ritratti ta’ Oscar Kokoschka. Biex inwieġbek fil-qosor nikkwotalek dak li qal Oscar Wilde: l-awtur ma jiktibx trattati ta’ morali imma jikteb letteratura, litterarjeta. Imma kif għidt mill-bidu, bdejtha mill-bidu kważi kważi poġġejt idi quddiem wiċċi; mingħajr ma trid ser toħroġ messaġġ imma mhux illimitajt lill-qarrejja li jara dak il-messaġġ illi kelli jien. Għax forsi lanqas jien ma kelli għax jien ukoll imxejt ma’ dan il-proċess sakemm wasalt għall-aħħar quote bil-Ġermaniż u tradotta bil-Malti li b’xi mod il-qofol tar-rumanz, kollox huwa metafora, kollox huwa parabbola u kollox huwa dell — imma mhix qiegħda fir-rumanz. Kieku kont qed naqrah jien dan ir-rumanz mhux ktibt, kont ngħid imma jekk hemm dell hemm dawl, hemm xemx tirifletti, ma jistax ikun hemm dell jekk m’hemmx ix-xemx. Iddell hu varjanti tad-dawl.  Allura għaliex għandna niktbu fuq id-dell, ma mmorrux għax-xemx? Għaliex għandna niefqu fuq l-effett u ma mmorrux għall-kawża? Imma dan fir-rumanz ma għidtux għax ma kienx hemm għalfejn mil-lat letterarju li ngħidu. Imma mil-lat ta’ qarrej, jien il-kittieb, ngħidu.

JP: L-aħħar kumment illi għamilt Ġorġ qiegħed iffakkarni f’sentenza famuża ħafna ta’ Fernando Pessoa l-Portuġiż fejn bil-Portuġiż qal: “Aħna għanja, inkantu għanja. Xejn.” Inti dan li qed tgħid meta qed tgħid li kollox huwa metafora. Jiġifieri aħna bħal narrazzjoni tirrakonta lilha nfisha u barra min-narrazzjoni m’hemm xejn?

GP: Ma rridx għal dak li hija preparazzjoni anke reliġjuża tiegħi, mhux bilfors ta’ sens ekkleżjali nasal għal din il-konlużjoni. Kif għidtlek mill-bidu, filwaqt li dan il-ħsieb imexxini fil-ħajja, imexxini f’ċertu raġunament, imma llum li għandi 81 sena forsi ma nazzardax li nagħmel pass jekk ma nħossx li taħti għandi għallinqas daqsxejn żrar jekk mhux it-tarmac, ma nasalx biex immur lil hemm minn dak li moħħi mhux kapaċi jasal għalih. Għaliex l-istatement ta’ Pessoa li hi bellezza anke poetiku, imma allaħares kien kollu veru. Ma rridx ngħid li jien qed ngħix f’dik l-illużjoni li dak li ma nemminx fih ser insibu bħala twemmin xi mkien ieħor. Imma nittama li jien, anzi jiena żgur li miniex kapaċi bħala bniedem mogħni bid-dehen u bl-esperjenzi u bid-difetti tiegħi. Dak huwa s-sabiħ fil-bniedem illi għandna d-difetti, il-passjonijiet u s-senswalità, l-emozzjonijiet u s-sens ta’ kontradizzjoni; Alla jilliberana John min-nies perfetti. Jagħmlulek ħajtek miżerabbli.

JP: In-nies perfetti huma problema għax jieħdu l-post t’Alla.

GP: Eżatt dik hija, infatti ħalli nkomplu dan id-diskors. Meta Kristu qalilna kunu perfetti ma qalilniex inkunu perfetti bħal Ġakob, bħal Isaac, bħal Abraham. Li huma nies umani allura għandhom il-limitu tagħhom. U nista ‘ nilħaqhom u ngħid wasalt fejn waslu huma. Imma qalilna: Kunu perfetti  bħal Alla, u Alla hu illimitat. Mela l-perfezzjoni tiegħi m’għandiex konfini, hija illimitata, u għalhekk il-mixja trid tibqa’ sejra. Mhux li tilħaq il-perfezjoni li hu importanti — dik ħadd ma jilħaqha — imma li nibqa’ nfittixha. Imma jien irrid nittama kontra dak li forsi tant niġi mhedded u ipprovokat mill-ħsibijiet u mis-sitwazzjoni, li hemm xi ħaġa li jien bħala bniedem mogħni bil-moħħ u mogħni bl-esperjenza u mogħni bis-suċċessi, mogħni bid-diżillużjonijiet, hemm xi ħaġa li rrid nifhimha lil hemm minn din il-ħajja. Għax kieku jien qiegħed hawn  biss biex jien ngħix għall-dan il-perjodu ta’ żmien qasir jew twil  hija diġà xi ħaġa sabiħa imma kollox jispiċċa effimeru, illużjoni, metafora. Jiena rrid nemmen li aħna d-dell ta’ xemx illi ddawlilna dak id-dell. U nittma kontra kull dubju li dan mhux narċiżizmu tal-Homo Sapiens.

JP: Nirringrazzjak ħafna Ġorġ tal-kummenti. Jiena ħadt pjaċir, nispera li ħadt pjaċir int ukoll.

GP: Grazzi lilek. Jiena wkoll ħadt pjacir għax ipprovokajtni. Hemm bżonn li niġu provokati biex moħħna ma jiqafx. U jsir għalqa mitluqa li fiha jitkattar l-għollieq tal-konkrit!

 

 

Dak li jidher hu biss naqra minn dak li huwa int u jien. Huwa aħna. Dak li jidher huwa biss is-superfiċje. Huwa biss in-naħa ta’ fuq tal-ajsberg tagħna, għandu mnejn jgħidilna xi Sigmund Freud. U dan, jekk xej’ jiġri, minħabba l-fatt li anke aħna ma nafux aħna min aħna, u li huwa forsi, bit-tqanżih, jew forsi bil-koinċidenza, jew min jaf b’xi aċċident mhux tas-soltu li aħna jirnexxilna naħbtu ma’ dik li hija l-personalità tagħna.

 

Għax il-personalità ta’ kull wieħed u waħda minna, għalkemm fid-dehra tagħha tagħtina l-idea ta’ xi tip jew ieħor ta’ solidità minħabba r-rikurrenza tagħha, taħbi fil-qiegħ nett tagħha dak li xi Joe Camilleri għandu mnejn isejjaħlu l-mużajk tafli li jsawwarna. Għax l-umanità tagħna hija fraġli u fraġli ħafna, u fil-qiegħ tagħha hemm sottoreneità, li forsi xi psikoanalista, jew xi psikologu tal-qiegħ, jew forsi xi poeti, kittieb tan-novelli, jew rumanzier, għandu ċ-ċans li jurina xi parti minnha. U anke hawnhekk, il-parti li jurina hija parti frammentata – mużajkalità li tifforma parti minn mużajk li mhux lakemm jinftiehem fit-totalità tiegħu. U dan il-mużajk faċilment jinkiser u jitfakkar għax it-tfl tiegħu, it-tafal tiegħu, dak li jagħmilna t-‘tfal’ ta’ dejjem, qiegħed hemm isawwarna bil-mod tafli tiegħu.

 

Joe Camilleri, f’dawn in-novelli mgħammda bħala Novelli Mużajċi tat-tafal, jipprova jidħol fil-qiegħ nett, jew forsi fin-naħa ta’ taħt dak li nsejħulu l-konxju/id-dehri, biex aħna niksbu xi ftit tal-ħjiel minn dawn il-fraġilitajiet tagħna. Huma fraġilitajiet, li wara kollox isostnuna. Jagħmluna. Isawruna. Għax dawn għaddejjin bla hedu l-ħin kollu. Jitkellmu jgħajtu. U jitkellmu bis-sospir. Jew bit-thewdin. Jew bil-vuċi sotto-imtaħtħa. Imma n-narrattiva vera u proprja ta’ kull wieħed u waħda minna qiegħda hemm. Hemmhekk f’dawn in-naħitijiet jitħietu ġewwa fina noħorġu aħna bil-beżgħat inkonxjużi tagħna. Bid-dehriet inkonxjużi jgħajtu ġewwa fina. Bis-siktiet li jiskietu ġewwa fina, u jkellmuna minn taħt il-taħt.

 

Sadattant madankollu, in-nies ‘t’hemm barra’ ma jarawx ħlief in-narrattiva li tidher. In-narrattiva sotterranea ma jarawhiex jew forsi, jarawha ftit. U Joe Camilleri ta’ artist mhux biss tal-kelma imma wkoll tal-lewn u l-figura għandu l-ħila li jagħtina ħjiel u ħjiel tajjeb ta’ dawn il-personaġġi, ħafna drabi inkwieti, li għal xi raġuni jew oħra sfaw telliefa. Ma waslux jaraw lilhom infushom, u juru lilhom infushom lid-dinja t’hemm barra huma min huma tassew. Il-figura tal-wiċċ bħal qisha qawwija wisq biex tħallihom jidhru fil-verità tagħhom.

 

Camilleri bħal qisu jrid jgħidilna, li l-bniedem għandu dik it-tip ta’ biża’ li jiltaqa’ miegħu nnifsu. Għax jekk jiltaqa’ miegħu nnifsu jew jitfarrak aktar, jew jispiċċa deluż, jew jispiċċa agħar fi ħsusu u f’għemilu fuqu nnifsu u fuq id-dehra li jipprojetta lil dawk ta’ madwaru. L-immaġni dehrija għaldaqstant tirbaħ fuq l-immaġni nifsija ġewwinija. U minħabba f’hekk, iħossu fid-dmir li jidħol hemmhekk, sewwa sew fejn iseħħu dawn it-traġedji umani. Fejn ikun hemm il-biki u l-introspezzjonijiet għaddejjin jissingjaw minn naħa għal oħra fi ħsusna, ruħna u l-varjegazzjonijiet kollha li jsawruna.

 

U Camilleri jagħmel dan, ovvjament billi jurina wkoll id-dehra ta’ barra. In-narrattiva li tintħiet hekk kif karattru jiltaqa’ ma’ karattri oħra, xena tiltaqa’ ma’ xejna oħra, kuntrast jiltaqa’ ma’ kuntrast ieħor u konflitt jiltaqa’ ma’ konflitt ieħor. U dawn id-dehriet huma dawk li Camillieri jaf jinsiġihom bi ħjut sintagmatiċi uniċi. B’vokabolarju idjomatiku li jintħiet b’mod naturali, jekk xejn minħabba l-ħiliet tiegħu ta’ għalliem kif ukoll preżentatur ta’ programmi televiżivi li għenuh jibni din it-tip ta’ ħila fl-espressività. Hija dik it-tip ta’ espressività madankollu li taf ukoll l-għeruq antropoloġiċi tiegħu ta’ Għawdxi li għex lil Għawdex u lit-toroq u l-imkejjen tiegħu. U għaldaqstant il-lingwa tiġi mhux biss estensjoni ta’ dak li qiegħed jirrakkonta, imma saħansitra ingastar qawwi ta’ dak li jkun qiegħed jgħidilna.

 

In-novella ta’ Joe Camilleri hija novella sempliċi, diretta, li tinftiehem. Hija novella ta’ nies hekk imsejħa tad-demm u l-laħam, nies li fallew, ġew traduti, infixlu, ingħaddew mill-għarbiel soċjali b’mod ħażin u fażul, ġew ittimbrati, saru dellijiet mingħajr ma għamlu xejn ħażin u għoxrin elf żball ieħor li jseħħ hekk kif aħna nkunu għaddejjin interrqu f’dan it-terriċċju uman. U n-narrattiva tkompli tgħidilna minn xiex jgħaddi l-bniedem, b’tali mod u manjiera li hawnhekk inkomplu nsostnu l-mod kif hemm ċans li Camilleri jara l-ħajja, bħala proċess ta’ solitudni, f’solitudni f’solitudni, għax mhux daqshekk faċli li wieħed joħroġ minn qoxortu, jew inkella jiġi muri kif tassew hu.

 

Id-dehra ta’ barra tgħajjat storja, filwaqt li d-dehra ta’ ġewwa tgħajjat storja oħra.  Il-limen li jaqsam dawn iż-żewġ naħiet bħal qishom ma jiltaqgħu qatt. Huma żewġ stejjer ‘paralleli’ imma li ma jiltaqgħu qatt biex jgħidu l-veru storja ta’ kull bniedem/karattru/personaġġ li niltaqgħu miegħu. Għax din tal-bniedem magħluq fil-ħabs tiegħu, bħal qisu tinħass li hija perenna fil-qiegħ ta’ kull novella ta’ Joe Camilleri. Id-dehri huwa l-falz. Dak li mhuwiex dehri huwa dak li hu veru, anke jekk, anke hawnhekk kull personaġġ inkwistjoni, inkluż ‘il-persona/e’ bħala regola mhumiex kapaċi jaslu biex jagħrfu huma sewwa sew min huma.

 

Dawn huma xi siltiet li jitkellmu jgħajtu minn dawn in-novelli. Hekk ngħidu aħna, hawnhekk naraw kif il-bniedem għal ħafna jidher mod, imma dak li jkun qiegħed jiġri fil-qiegħ nett ta’ ruħu, ikun kompletament differenti. Il-ġudizzju tal-bniedem jgħid storja. In-narrattiva nifsija tgħid storja oħra.

 

U ħsiebu tar lejn l-imgħoddi mċajpar minn fejn inqalgħu fotografiji sofor ta’ tifla kollha għaxqa ċċafċaf u titbaħbaħ fl-ilma safi tax-xtajta. Għajnejha żewġ tutiet suwed jgħumu f’ferħ bla tarf. Tielgħa u nieżla fl-ilma. Tintelaq għal żaqqha biex tikaxkar ħelu ħelu mal-mewġa. Terġa’ tiġri għal fuq ix-xtajta. Tedha timpala r-ramel f’barmil ċkejken u mlewwen tal-landa. Inkella tgħarrex b’għajnejha biex tfittex il-ħġieġ leqqien li l-melħ u l-ħakk tal-imwieġ ikunu llimaw f’ħaġriet mielsa. U fil-moħħ tari jsiru r-rubini u l-iżmeraldi prezzjużi li jorqmu x-xagħar u s-sider tal-prinċipessi tal-ħrejjef. (Ix-xtajta santwarju, p. 64-65)

L-istorja jiġri hawnhekk fil-qiegħ nett subkonxjuż ta’ min jagħraf u jifhem, mhux wisq fi kliemu ta’ barra, daqskemm fl-immaġnijiet nifsija li jimirħu ġo ruħu/ha.

Iżda sa xħin raqad it-tifel, ir-riefnu ta’ ġo fiha laħaq sar fewġa. It-temperatura laħqet niżlet. Birdet u waqgħet fis-sikta tas-soltu tagħha. Xofftejha miġbudin, għajnejha sbieħ inwaħħlin fil-baħħ. Intefgħet fuq is-sufan quddiem is-sett tat-televixin u żewġha qisu ma jeżistix. Jikkummenta dwar il-programm u hi ma tagħmel ebda reazzjoni. Jistaqsiha u ma tweġbux. Jitkellem, ilablab, iredden u jibqa’ waħdu jisma’ leħnu qisu m’hemmx semmiegħa. Is-sikta tagħha kienet tqanqlu, iżda l-bruda fiha kienet teqirdu. Żewġ forzi kontra xulxin li kienu jxettlu fih reazzjonijiet ta’ xejriet differenti. (“Għedtlek, iftaħ dik ti-tieqa!” p. 84)

L-istess jiġri hawnhekk. In-narrattiva li jgħid ritratt jinfed lill-protagonista ta’ din in-novella, novella, li titkellem tgħajjat u tgħajjat ħafna, b’mod speċjali dwar il-proċess tal-enkultarazzjoni tagħna bħala Maltin u bħala Għawdxin, forsi wisq aktar – ovvjament taż-żmien li tiġbor fih din il-protagonista.

U dak il-ħin, għajnejha waqgħu fuq il-ħajt tan-naħa tagħha, fuq il-gwarniċ iswed li kien jinkwadra r-ritratt taz-zija Pawla. Il-ħarsa diretta, imqita u penetranti li kienet qiegħda tagħtiha donnha riedet tlumha u ċċanfarha. Hi pprovat taħrab il-ħarsa u tross l-għotjien t’għajnejha. Iżda dik il-ħarsa qalila tar-ritratt baqgħet tiġri magħha bħal tingiż irqiq ta’ labar fis-sentittività fina ta’ moħħha. Donnha trid tmaqdarha li waqgħet għall-qżież, i ħalliet il-passjoni tegħlibha, raġel imissha, ibagħbas fiha u jtellfilha s-safa. Issa ġisimha mniġġes. (Il-Ħarsa mir-Ritratt, p. 97)

U d-distakk bejn dak li jidher u dak li ma jidhirx. In-narrattiva li wieħed jisma’ meta jkun qiegħed jitkellem man-nies, dik li takkomoda l-aspettazzjonijiet soċjali u dik li tkun qiegħda sseħħ ġo kull wieħed u waħda minnha toħroġ b’mod dehri ħafna f’din is-silta, li tiġbor fiha, din id-darba l-qasma fuq livell soċjali tal-bniedem.

Xi trid tagħmel! Meta x-xitla tikber tibda ddawwar wiċċha lejn ix-xemx u tferrex għeruqha beix terda’ minn tira ġdida. Lili ma tantx tinżilli din il-ħbiberija ma’ nies li jaħsbu li messew is-sema b’idhom. Forsi jien magħġun klassista. Uliedha huma demmi, imma iktar minn hekk huma wlied is-soċjetà li rawmithom. Għalihom waqgħu l-ħitan storiċi u soċjo-kulturali u Malta saret tassew pajjiż wieħed (Il-bajjad li jiftaħ id-dranaġġi, p. 142)

U din id-darba, il-maskra/i, ma setgħetx tidher aħjar, u ma tkunx aktar ċara daqs il-kristall, u relatata mas-soċjetà ta’ żmienna, li issa żanżnet vokabolarju ġdid u mod kif trid tara l-ħajja hi u hi biss. Sadattant ikompli l-isfruttament u l-esplojtazzjoni tal-bniedem.

…F’kemm ilni ngħidlek, irranġalu biex ġab lil martu, ’il uliedu u ’l-qraba kollha li seta’ jlaqqat. Lil sid ir-restorant ma jqumulux wisq għax joqogħdu b’li jagħtihom. L-importanti li huma ferħana għax miġbura lkoll flimkien u jgħixu familja waħda fil-flett ta’ fuq ir-restorant. X’jimporta li jaħdmu daqs klieb u jitħallsu bis-soldi! X’jimporta li s-sid jgħix fl-aqwa villa, li jsiefer biex jara kull logħba futbol u li spiss jibdel il-Mercedes u l-Ferrari, karozzi għal qalbu wisq. L-aqwa li qegħdin qaqoċċċa, li jsibu saqaf fuq rashom u fuq kollox, li jserrħu rashom ħielsa fuq l-imħadda. (Maskri p. 158-159)

In-narrattiva li nissieħbu fiha hawnhekk hija n-narrattiva ta’ min quddiem l-ossessjoni u l-abberrazzjonijiet mentali, jibda jirrelata u jara l-ħajja skont din it-tip ta’ qagħda mentali – qagħda mentali li twassal lil dak li jkun biex jinterpreta r-realtà skont din l-‘iperrealtà’ nifsija tiegħu/tagħha. U l-biża’ u t-terrur ikomplu jżidu quddiem dan l-istat ta’ xena. Il-kelma ewtanasja.

U fi triqitha lejn id-dar qagħdet tgħarbel moħħha sew forsi tiftakar x’kelma kien semma Dun Ġwann. Kelma tqila li qatt qabel ma kienet semgħetha. Imma fehmitha. ‘Għax il-labra…il-labra kollox. L-injezzjoni tal-ħniena, imma l-injezzjoni qaddejja tal-mewt. Ta’ dawk il-ħajna li jaraw ix-xjuħ żejda, piż li ħadd ma jifilħu quddiem għajnjeh. Labra waħda biżżejjed.’ / U reġgħet tkexkxet. U ġabet quddiem għajnejha lil zijuha Ġamri, żmien twil ilu, li kien armat bil-bhejjem. Baqra l-ġmiel tagħha li kienet waslet biex tiled. Baqra li bdiet tgħajjat kemm tiflaħ. U t-tabib tal-biċċerija li kien sejjaħlu Ġamri, għamlilha labra. U ftit wara, il-baqra nefħet nefħa qawwija, għotrot u waqgħet għaxja.” (Id-Dell tal-Ewtanasja, p. 172-3)

Il-misenterpretazzjoni tal-bniedem, in-nuqqas ta’ ħila li jagħraf dak li jkun qiegħed ġewwa l-bniedem u dak li jkun qiegħed jidher jinħass b’saħħa f’din l-istorja traġika ta’ tfajjel li jmut qasir il-għomor, u li minkejja kollox l-għalliem ma kienx irnexxielu jagħraf x’seta’ kien qiegħed jiġri ġewwa fih.

 

Dak il-jum ma kellix lezzjonijiet mal-klassi tiegħu. L-għada filgħodu xħin dħalt fil-kamra tal-kwinta, għajnejja marru minnufih għall-bank tar-rokna, fl-aħħar filliera. Il-bank kien vojt. It-tlett ijiem ta’ wara baqa’ l-istess. Imbagħad fl-aħħar jum tal-ġimgħa Jacob reġa’ deher. Kien żagħżugħ qisu stwiel u mill-aħħar bank, rasu kienet togħla aktar fuq l-oħrajn. Wiċċu rajtu mixrub qisu nbela’ f’daqqa waħda. Qatt ma kien qamħet il-lewn, imma issa l-ġilda rajtha bajda kina. Biss tajjart kull ħsieb ħażin. Wara kollox, min jiġi f’sikktu minnufih wra xi ebrat ijiem b’deni ta’ żiemel? Hekk kont waħħaltha f’rasi. Konna fl-aqwa tax-xitwa meta l-influwenza u l-irjieħ ma jqisux jekk jaħkmux fuq ix-xjuħ jew fuq iż-żgħażagħ. / Iżda arrali bl-ikrah. Kont xammejt biss sal-ponta ta’ mnieħri. (Bank fir-rokna, fl-aħħar filliera, p. 226)

Dan il-kjażmu bejn ir-‘rebħa’ li tidher minn barra u t-‘telfa’ ġewwinija tinħass b’saħħa tremenda f’novella li tirrifletti ħafna u ħafna mir-realtajiet ta’ żmienna, fejn koppji jkollhom jinfirdu minn xulxin, bid-diq tremend li dan jista’ jikkaġuna fil-qiegħ nett ta’ ruħhom, kif jidher sew hawnhekk:

Kellha raġun ix-xiħa. Xi rbaħt? Tassew xi rbaħt? / Kien żera’ r-riħ u ħasad ir-riefnu. Li qanqal u kaxkarlu kollox miegħu bla ma ntebaħ. Xamm biss sal-ponta ta’ mnieħru. Ħatt dak li kien bena. Ġarraf b’idejn goffi l-waqtiet ta’ seħer li kienet offrietlu l-ħajja. / Issa tard wisq; f’qalbu kien hemm rassa. Saqajh kienu bla saħħa bħal min għotor minn fuq pedistall. Bla ħajr u bla tama. Rebbieħ tat-telfa tiegħu, b’depożitu ta’ falliment fil-bank tal-ġejjieni. U l-falliment ma jirrendix imgħax. / ‘Kellha raġun ix-xiħa. Kellha raġun.’ (Ħsad ir-Riefnu, p. 277-8)

U fuq nota forsi differenti, għalkemm dejjem fl-istess fil niltaqgħu mal-Għawdxi li minn Għawdex tiegħu issa li kien se jirritorna lejn l-Awstralja tiegħu ħa ż-żerriegħa tal-ħarrub, żerriegħa li għalih kienet tfisser ħafna u ħafna u ħafna – id-dehra titkellem mod. Il-qiegħ subkonxjuż jgħid storja oħra.

F’ħin minnhom, idu marret fil-but tal-ġlekk. Hu u jteftef ħass iż-żibeġ ta’ kuruna tar-rużarju. Lil ommu ma kien jaħarbilha xejn. Tbissem. Iżda s-sensazzjoni tas-swaba’ jramblu fiż-żibeġ ħassha waħda ta’ gost. Għal ħin twil idu baqgħet taħfen dan ir-rigal li kienet ħallietlu x-xwejħa. Fil-but l-ieħor tal-ġlekk sab qartas ċkejken. Xħin fetħu lemaħ ftit żerriegħa tal-ħarrub. Dak il-ħin ftakar f’missieru u f’nannuh u magħhom f’bużnannietu u fl-antenati mistura kolha tal-ġidd Malti li ħadmu l-art u għaġnuha b’għaraqhom biex minnha sawru xbieha ta’ nazzjoni. / Tbissem għall-għaqal u d-dehen tax-xiħa. Kien iħossu ċert li  jekk għad xi darba jerġa’ jixref sa Għawdex, aktarx lil ommu ma jsibhiex hemm. Għalhekk xtaq li jsib l-isbaħ rokna fil-ġnien ta’ daru fl-Awstralja u ż-żerriegħa tal-ħarrub jordomha fil-ħamrija. Xtaq li jkollu x-xorti jaraha tinbet u tixxettel f’ħarruba kbira, umbrella b’xuxa folta u miftuħa. U terġa’ tkennu taħtha bħal żmien twil ilu meta wara ġiri sfrenat fil-beraħ kien jintelaq jistrieħ għad-dell frisk. Imbagħad fis-sliem li jaħji, ruħu tkun sabet mill-ġdid dirgħajn ta’ ġewwa li jħaddnuha bi mħabba. (Żerriegħa tal-Ħarrub, p. 310-311)

Novelli ta’ dan it-tip jidhru u jinħassu bħala psikoloġikament impenjati, kif għidt fil-ftuħ ta’ din il-kitba tiegħi, imma fl-istess ħin jibqgħu għaddejjin bin-narrattiva, li kull wieħed u waħda minna jieħu gost li jisma’ u jaqra. Ma nsibux akrobaziji psikoloġiċi ta’ xi tip jew ieħor, imma l-istess fil narrattiv u l-istess impenn tal-awtur juruna li għalih, il-ħajja tal-bniedem hija misterju – misterju li l-kittieb kapaċi jidħol fih u jislet minnu dawk l-irkejjen suwed aktar milli feliċi li jsawruh. U n-narratur jibqa’ għaddej iħit naħa ma’ oħra mingħajr ma jirnexxilu jagħmel xejn, ħlief li jkompli jurina kemm hija fraġli din l-umanità tagħna – umanità li tinħeba fl-għeluq tagħha nnifisha, u hemmhekk titrekken fl-ennui tagħha. Sadattant madankollu, in-narrattiva hija estetikament sabiħa, utli u tgħinna lkoll biex ngħixu u narrikkixxu lil din l-istess ħajjitna.

 

Ħajr lil Joe Camilleri li b’ ‘Mużajċi tat-tafal’ tana għal darb’oħra dimensjoni unika tagħna l-bnedmin, b’laqtiet psikoloġiċi daqskemm soċjali u kif dawn isawruna, isostnuna u jħituna. Nissuġġerixxi dan il-ktieb bħala mhux biss test li għandu jinqara minn kull min hu interessat jagħraf lill-umanità tagħna, imma wkoll li jintuża bħala  test f’xi skejjel, jew jekk xejn jintgħażlu minnu xi testi.

 

F’dan il-ktieb insibu sittax-il novella li huma: Għall-kenn tal-Bar Toledo; Ix-xtajta santwarju; Għedtlek, iftaħ dik it-tieqa!; Il-ħarsa mir-ritratt; Ir-raġel li xejjer il-minġel; Ftajjar tal-makku; Il-bajjad li jiftaħ id-dranaġġi; Maskri; Id-dell tal-ewtanasja; Kwestjonarju waqt X-ray; Gawwija bajda u ħamra; Bank fir-rokna, fl-aħħar filliera; Il-buffu tal-fidda; Ħsad ir-riefnu; Żjara; Żerriegħa tal-ħarrub.

F’dan il-ktieb insibu wkoll introduzzjoni tal-awtur kif ukoll studju dwar in-novelli li dehru fix-xogħlijiet preċedenti ta’ Joe Camilleri.

 

Ġabriet oħra ta’ novelli ta’ Joe Camilleri huma: Solitudni fil-Folla (2007); Fir-Rokna tas-Silenzju (2008) u Żwiemel tar-Riħ (2010).

 

 

Tarċisju Zarb